Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

SUĠĠETT PRINĊIPALI

X’għandek tkun taf dwar id-diżordnijiet mentali

X’għandek tkun taf dwar id-diżordnijiet mentali

“Ħassejtni nifsi maqtugħ,” tgħid Claudia, li kien għadu kif intqalilha li kellha d-diżordni bipolari (bipolar disorder) u d-diżordni tal-istress li jiġi wara xi ġrajja trawmatika (post-traumatic stress disorder). “Li nkampa bl-istigma taʼ marda mentali kien devastanti.”

“Kellu jgħaddi ħafna żmien biex naċċettaw is-sitwazzjoni tagħna,” jgħid ir-raġel taʼ Claudia, Mark. “Imma rrealizzajt li kelli niffoka fuq li nappoġġa lil marti.”

KIEKU int jew xi ħadd li tħobb jintqallu li għandu diżordni mentali, kif kont tħossok? Għall-grazzja t’Alla, il-mard mentali jistaʼ jiġi kkurat. Ejja neżaminaw xi affarijiet li għandek tkun taf u li se jgħinuk tifhem aħjar id-diżordnijiet mentali. *

Fatti importanti dwar is-saħħa mentali

“Id-diżordnijiet mentali jolqtu lil mijiet taʼ miljuni taʼ nies f’kull parti tad-dinja u jħallu effett fuq il-ħajja tal-maħbubin tagħhom. Wieħed minn kull erbaʼ persuni se jiġi effettwat minn xi diżordni mentali f’xi żmien f’ħajtu. Id-dipressjoni hija l-ikbar fost id-diżabilitajiet fid-dinja. L-iskiżofrenja u d-diżordni bipolari huma fost l-iktar diżordnijiet qliel u li jagħmlu persuna inkapaċi. . . . Għalkemm numru kbir taʼ nies huma effettwati, id-diżordnijiet mentali jibqgħu moħbijin, traskurati u diskriminati.”—L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO).

Skont il-WHO, ħafna nies b’mard mentali jżommu lura milli jfittxu l-kura minħabba l-istigma assoċjata miegħu.

Għalkemm il-biċċa l-kbira tad-diżordnijiet mentali jistgħu jiġu kkurati, fl-Istati Uniti xi 60 fil-mija tal-adulti u kważi 50 fil-mija taż-żgħażagħ taʼ bejn it-8 u l-15-il sena b’diżordni mentali ma rċivewx il-kura matul is-sena li għaddiet, skont in-National Alliance on Mental Illness.

Nifhmu d-diżordnijiet mentali

Il-mard mentali x’inhu? L-esperti jgħidu li persuna li għandha diżordni mentali hi waħda li l-ħsieb, il-kontroll emozzjonali, u l-imġiba tagħha jkunu differenti mhux ħażin minn dak li jitqies normali. Il-kundizzjoni spiss iżżomm persuna milli tifhem lil ħaddieħor jew milli tkampa mal-istress tal-ħajja.

Id-diżordnijiet tas-saħħa mentali ma jiġux minn xi dgħufija personali jew xi difett fil-karattru

Is-sintomi jistgħu jvarjaw fit-tul u fl-intensità skont l-individwu u l-marda partikulari u ċ-ċirkustanzi. Jistaʼ jeffettwa kemm irġiel u kemm nisa, nies taʼ kull età, kultura, razza, reliġjon, jew livell taʼ edukazzjoni u dħul finanzjarju. Id-diżordnijiet tas-saħħa mentali ma jiġux minn xi dgħufija personali jew xi difett fil-karattru. Permezz taʼ kura medika adattata, individwi jistgħu jiġu kkurati u jistgħu jgħixu ħajja produttiva u sodisfaċenti.

Kura tad-diżordnijiet mentali

Il-professjonisti tas-saħħa mentali jistgħu jikkuraw ħafna diżordnijiet tas-saħħa mentali b’suċċess. Mela, l-ewwel pass kruċjali hu li tieħu opinjoni minn professjonista kompetenti li għandu l-esperjenza f’li jikkura l-kundizzjonijiet mentali.

Madankollu, min ibati b’mard bħal dan jistaʼ jibbenefika mill-esperjenza tal-professjonista biss jekk jaċċetta l-kura adattata. Dan jistaʼ jirrikjedi li jingħeleb kwalunkwe biżaʼ li jkollu milli jitkellem m’oħrajn dwar marda mentali. Il-kura tistaʼ tinkludi li jitkellem maʼ professjonisti mħarrġin fis-saħħa mentali li jistgħu jgħinuh jifhem il-marda li jkollu, jgħinuh isolvi problemi prattiċi, u jenfasizzawlu dwar il-bżonn li ma jwaqqafx il-kura. F’laqgħat bħal dawn, membru tal-familja jew ħabib jistaʼ jkollu rwol importanti f’li jqawwilu qalbu u jappoġġah.

Ħafna nies tgħallmu jkampaw b’diżordnijiet mentali wara li kisbu fehma aħjar tal-kundizzjoni tagħhom u segwew il-kura mogħtija lilhom minn professjonisti tas-saħħa mentali. “Qabel ma qalulna x’kellha marti,” jgħid Mark li ġie kwotat qabel, “ftit li xejn konna nafu dwar il-mard mentali. Imma tgħallimna ngħixu l-ħajja ġurnata b’ġurnata u nadattaw għas-sitwazzjoni tagħna. Maż-żmien ibbenefikajna mill-appoġġ taʼ professjonisti li tistaʼ toqgħod fuqhom kif ukoll tal-familja u l-ħbieb.”

L-ewwel pass kruċjali hu li tieħu opinjoni minn professjonista kompetenti li għandu l-esperjenza f’li jikkura kundizzjonijiet mentali

Claudia taqbel. “Għall-ewwel, id-dijanjosi li tawni ħassejtha qisha sentenza l-ħabs,” tammetti hi. “Imma allavolja l-marda li għandi tillimitana t-tnejn li aħna, tgħallimt li intoppi li jidhru impossibbli jistgħu jingħelbu. Għalhekk, inkampa bil-marda mentali tiegħi billi naħdem flimkien mat-tobba u l-ispeċjalisti, niżviluppa ħbiberiji m’oħrajn, u nagħmel ħaġa wara l-oħra.”

Saħħa spiritwali hi vitali

Il-Bibbja ma tindikax li l-ispiritwalità tfejjaq il-problemi mediċi. Xorta waħda, ħafna familji madwar id-dinja sabu ħafna faraġ u saħħa minn dak li tgħallem il-Bibbja. Pereżempju, il-Bibbja tiżgurana li l-Ħallieq tagħna kollu mħabba hu interessat ferm f’li jfarraġ lil dawk li għandhom “qalbhom maqsuma” u “spirtu miksur.”—Salm 34:18.

Filwaqt li l-Bibbja mhix xi ktieb tas-saħħa mentali, tipprovdi gwida prattika li tistaʼ tgħinna nkampaw b’emozzjonijiet taʼ wġigħ u ċirkustanzi taʼ niket. Il-Bibbja tistaʼ tagħtina wkoll tama għal futur meta l-ħajja fuq l-art tkun ħielsa mill-mard u l-uġigħ. Il-Kelma t’Alla twiegħed: “F’dak iż-żmien jinfetħu għajnejn l-għomja, u jinfetħu widnejn it-torox. Dak iż-żmien iz-zopp se jixxabbat bħaċ-ċerv, u lsien il-mutu se jgħajjat bil-ferħ.”—Isaija 35:5, 6.

^ par. 5 Biex inkunu konsistenti, f’dan l-artiklu t-terminu “diżordni mentali” jinkludi l-mard mentali, kif ukoll id-diżordnijiet fl-imġiba u dawk psikjatriċi.

^ par. 32 Ir-rivista Stenbaħ! ma tappoġġa l-ebda kura medika partikulari. Il-Kristjani għandhom ikunu żguri li kwalunkwe kura li jieħdu ma tkunx f’konflitt mal-prinċipji tal-Bibbja.

^ par. 40 Ara wkoll l-artiklu “L-istress—Kif timmaniġġah,” fil-ħarġa taʼ Stenbaħ! taʼ Mejju 2014.