Arja friska u dawl tax-xemx—“Antibijotiċi” naturali?
META x-xjentisti għall-ewwel skoprew l-antibijotiċi kimiċi f’nofs is-seklu 20, it-tobba ttamaw li dawn il-mediċini ġodda kienu se jeliminaw ċertu mard. Għall-ewwel, il-mediċini ġodda dehru li għamlu dak li kien mistenni minnhom. Iżda, tant intużaw spiss minn dak iż-żmien ’l hawn li l-batterji żviluppaw reżistenza għall-antibijotiċi.
Sabiex jinstabu mezzi ġodda biex jiġġieldu kontra l-infezzjoni, xi xjentisti qed jerġgħu jqisu l-metodi li kienu jintużaw fil-passat biex jiġi kontrollat il-mard. Metodu minnhom jinvolvi li jiġu utilizzati l-benefiċċji tas-saħħa li jiġu mid-dawl tax-xemx u l-arja friska.
Tagħlima mill-passat
Żmien ilu, fl-Ingilterra kien hemm diversi nies li appoġġaw il-valur tal-fejqan permezz tax-xemx u l-arja friska. It-tabib John Lettsom (1744-1815) issuġġerixxa l-arja tal-baħar u x-xemx għal tfal li kienu qed ibatu bit-tuberkulosi (TB). Fl-1840, il-kirurgu George Bodington innota li dawk li xogħolhom kien għall-arja aperta—bdiewa, nies li jaħdmu r-rabaʼ, ragħajja—ġeneralment ma kellhomx TB, filwaqt li dawk li għaddew il-biċċa l-kbira minn ħinhom ġewwa dehru iżjed suxxettibbli għal din il-marda.
Florence Nightingale (1820-1910) saret famuża għall-ideat ġodda tagħha fil-kura tal-morda meta kienet tieħu ħsieb is-suldati Britanniċi midrubin fil-Gwerra tal-Krimea. Hi staqsiet: “Qatt dħalt fil-kamra tas-sodda taʼ xi ħadd . . . bil-lejl jew qabel ma jinfetħu t-twieqi filgħodu, u ħassejt kemm l-arja tinħass fgata u tinxtamm tinten?” Hi ssuġġeriet li l-arja fil-kamra tas-sodda taʼ pazjent kellha tinżamm friska daqs l-arja taʼ barra, imma mingħajr ma tkessaħ lill-pazjent. Żiedet tgħid: “L-esperjenza tiegħi mal-morda biċ-ċar turi li fit-tieni post wara l-bżonn tagħhom għall-arja friska, hemm il-bżonn tagħhom għad-dawl . . . U mhux dawl biss iridu, iżda dawl dirett tax-xemx.” Ħafna dak
iż-żmien kienu jemmnu wkoll li t-tperriċ tal-lożor u tal-ħwejjeġ għax-xemx kien iwassal għal saħħa tajba.Ix-xjenza għamlet progress mill-1800 ’l hawn, u madankollu studji moderni waslu għal konklużjonijiet simili. Pereżempju, fi studju li sar fiċ-Ċina fl-2011 instab li dormitorji taʼ kulleġġi ffollati bi ftit ventilazzjoni jiġu “assoċjati maʼ iżjed infezzjonijiet respiratorji.”
L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) tirrikonoxxi li ventilazzjoni naturali, li tinkludi li l-arja taʼ barra tgħaddi minn ġo bini, hija importanti biex tikkontrolla l-infezzjonijiet. Tabilħaqq, il-linji gwida tal-WHO ippubblikati fl-2009 jinkuraġġixxu l-użu taʼ ventilazzjoni naturali bħal din bħala mezz effettiv f’li jitnaqqas ir-riskju tal-infezzjoni f’postijiet għall-kura tas-saħħa. *
Għandek mnejn tgħid, ‘Dan kollu tajjeb, imma huwa skont ix-xjenza? Id-dawl tax-xemx u l-arja kif ibiegħdu l-infezzjoni?ʼ
Id-diżinfettanti tan-natura
Xi studji li saru f’sit tal-Ministeru tad-Difiża tar-Renju Unit jagħtuna xi tweġibiet. Ix-xjentisti hemm kienu qed jipprovaw jistabbilixxu kemm l-arja kienet iddum perikoluża kieku arma bijoloġika mimlija b’batterji li jagħmlu l-ħsara tisplodi fuq Londra. Biex jiddeterminaw jekk il-mikrobi fl-arja kinux kapaċi jiżdiedu, ir-riċerkaturi poġġew mikro-organiżmi tal-batterju E. Coli fuq ħjut taʼ għanqbuta u ħallewhom għall-arja aperta. L-esperiment sar billejl, ladarba kien magħruf li d-dawl tax-xemx joqtol dawn il-mikrobi. X’kienu r-riżultati?
Xi sagħtejn wara, kważi l-mikrobi kollha kienu mietu. Iżda, meta l-mikrobi nżammu magħluqin f’kaxxa fl-istess post u fl-istess temperatura u umdità, il-biċċa l-kbira minnhom kienu għadhom ħajjin wara li kienu għaddew sagħtejn. Għala? Milli jidher, xi ħaġa dwar li jkunu esposti għall-arja taʼ barra toqtol il-mikrobi. Dan l-hekk imsejjaħ fattur tal-arja taʼ barra għadu ma ġiex identifikat biċ-ċar. Madankollu, ir-riċerkaturi jaħsbu li dan għandu x’jaqsam maʼ elementi li jinsabu b’mod naturali fil-beraħ u li “jaġixxu bħala diżinfettanti naturali kontra l-mikrobi li jkunu fl-atmosfera u ma nkunux nafu bihom.”
Id-dawl tax-xemx ukoll jiddiżinfetta b’mod naturali. Il-Journal of Hospital Infection jispjega li “l-biċċa l-kbira tal-mikrobi li jikkaġunaw infezzjonijiet li jkunu fl-arja ma jistgħux jittolleraw id-dawl tax-xemx.”
Int kif tistaʼ tieħu vantaġġ minn dan? Għandek mnejn tkun trid toħroġ barra, fejn tistaʼ tqattaʼ ħin moderat fix-xemx u tieħu naqra arja friska. X’aktarx li tagħmillek il-ġid.
^ par. 8 Minħabba ċerti fatturi għandu mnejn li ma jkunx jaqbel li t-twieqi jitħallew miftuħin. Dawn jinkludu l-kwalità tal-arja fuq barra, l-istorbju, ir-regolamenti tat-tifi tan-nar, u s-sigurtà.