2 | Il-Bibbja Tagħtik Kuraġġ
IL-BIBBJA TGĦID: “Kulma nkiteb minn qabel inkiteb għall-istruzzjoni tagħna, biex permezz tas-sabar tagħna u permezz tal-faraġ mill-Iskrittura jkollna t-tama.” —RUMANI 15:4.
Dan Xi Jfisser?
Il-Bibbja ssaħħaħna bi ħsibijiet sbieħ li jgħinuna meta nibdew naħsbu b’mod negattiv. Ukoll, tagħtina tama li dalwaqt mhux se jkun hemm iżjed uġigħ emozzjonali.
Dan Kif Jistaʼ Jgħinna?
Kultant, kulħadd iħossu mdejjaq u anzjuż. Imma dawk li jbatu bid-dipressjoni jew bl-anzjetà jaf kuljum ikollhom jiġġieldu mal-emozzjonijiet tagħhom. Il-Bibbja kif tistaʼ tgħinna?
Il-Bibbja tagħtina ħafna affarijiet pożittivi biex naħsbu fuqhom li jistgħu jbiddlu l-ħsibijiet negattivi li jkollna. (Filippin 4:8) Tgħinna naħsbu fuq ħsibijiet li jinkuraġġuna, jikkalmawna, u li jgħinuna nikkontrollaw l-emozzjonijiet tagħna.—Salm 94:18, 19.
Il-Bibbja tistaʼ tgħinna biex nieqfu naħsbu li aħna ma niswew għal xejn.—Luqa 12:6, 7.
Ħafna rakkonti fil-Bibbja jgħinuna nkunu ċerti li m’aħniex waħedna u li Alla, il-wieħed li ħalaqna, jifhem eżatt kif inħossuna.—Salm 34:18; 1 Ġwanni 3:19, 20.
Il-Bibbja twegħedna li Alla se jneħħi l-memorji koroh li għandna. (Isaija 65:17; Rivelazzjoni 21:4) Meta nbatu emozzjonalment u jkollna ħsibijiet koroh minħabba dak li nkunu għaddejjin minnu, din il-wegħda tistaʼ tagħtina s-saħħa biex nibqgħu għaddejjin.