3 | Eżempji mill-Bibbja li Jistgħu Jgħinuk
IL-BIBBJA TITKELLEM DWAR . . . Irġiel u nisa leali li kellhom “sentimenti bħal tagħna.” —ĠAKBU 5:17.
Dan Xi Jfisser?
Il-Bibbja hi mimlija b’rakkonti taʼ rġiel u nisa li għaddew minn tipi differenti t’emozzjonijiet. Meta naqraw l-esperjenzi tagħhom, jaf insibu lil xi ħadd li nħossuna bħalu.
Dan Kif Jistaʼ Jgħinna?
Kollha kemm aħna nixtiequ li oħrajn jifhmuna. Imma dan hu iżjed importanti meta nkunu qed inbatu b’saħħa mentali. Meta naqraw il-Bibbja, se nitgħallmu dwar nies li ħasbu u ħassewhom bħalna. B’hekk, meta naraw minn xiex għaddew oħrajn, mhux se nħossuna daqshekk waħedna meta nkunu mdejqin u anzjużi.
Il-Bibbja fiha ħafna versi taʼ wħud li ħassewhom ma jiswew għal xejn u dipressi. Ġieli ħassejtek li ma tiflaħx għal iktar f’ħajtek? Mosè, Elija, u David hekk ħassewhom.—Numri 11:14; 1 Slaten 19:4; Salm 55:4.
Il-Bibbja titkellem fuq mara jisimha Ħanna, li kienet “iddisprata ħafna” għax ma setax ikollha tfal u għax kienet toqgħod taqbad magħha l-mara l-oħra tar-raġel tagħha.—1 Samwel 1:6, 10.
Fil-Bibbja, raġel jismu Ġob għadda minn affarijiet li nistgħu ngħaddu minnhom aħna. Għalkemm kien raġel li kellu fidi b’saħħitha f’Ġeħova, meta kien għaddej minn dwejjaq u tbatija kbira, hu qal: “Ħajti nobgħodha; xbajt ngħix.”—Ġob 7:16.
Meta nitgħallmu kif dawn il-karattri mill-Bibbja rnexxielhom jiġġieldu kontra dawn il-ħsibijiet negattivi, aħna wkoll se jkollna s-saħħa li hemm bżonn biex inkampaw.