INTERVISTA | FAN YU
Wieħed li jiżviluppa s-softwer tal-kompjuters jispjega t-twemmin tiegħu
DR. FAN YU beda l-karriera tiegħu bħala riċerkatur tal-matematika fiċ-China Institute of Atomic Energy, qrib Beijing. Dak iż-żmien kien ateu u kien jemmen fit-teorija tal-evoluzzjoni. Però, issa, Dr. Yu jemmen li Alla kien li ddisinja u ħalaq l-ħajja. Stenbaħ! staqsieh dwar it-twemmin tiegħu.
Jekk jogħġbok għidilna ftit dwarek.
Twelidt fl-1959 fil-belt taʼ Fuzhou, fil-provinċja taʼ Jiangxi, iċ-Ċina. Sakemm kelli tmien snin, il-pajjiż kien qed iħoss l-effett taʼ dik li llum hija msejħa r-Rivoluzzjoni Kulturali. Missieri, li kien inġinier ċivili, ġie ordnat jibni rotta għat-trejn f’post ’il bogħod fix-xagħri. Għal snin sħaħ setaʼ jżurna darba fis-sena biss. Matul dan iż-żmien, kont ngħix m’ommi li kienet tgħallem fi skola primarja. Propjament, konna ngħixu fl-istess skola li kienet tgħallem fiha. Fl-1970, kellna mmorru ngħixu f’Liufang, li dak iż-żmien kien villaġġ fqir fid-distrett taʼ Linchuan, fejn l-ikel kien skars.
Il-familja tiegħek x’kienet temmen?
Missieri la kien interessat fir-reliġjon u lanqas fil-politika. Ommi kienet Buddista. Fl-iskola, kont ġejt mgħallem li l-ħajja evolviet bi proċess naturali, u kont nemmen dak li kienu jgħidu l-għalliema tiegħi.
Għaliex interessajt ruħek fil-matematika?
Il-matematika kienet togħġobni għax permezz tagħha stajt infittex il-verità b’raġunar loġiku. Fl-1976, is-sena li miet il-mexxej tar-rivoluzzjoni Mao Tse-tung, mort l-università. Għażilt il-matematika bħala s-suġġett prinċipali tiegħi. Wara li ġibt il-masters, l-ewwel xogħol tiegħi kien jinvolvi li nagħmel riċerka xjentifika biex ngħin fil-produzzjoni tal-enerġija atomika.
X’kienet l-ewwel impressjoni tiegħek tal-Bibbja?
Fl-1987, mort f’Texas A&M University, l-Istati Uniti, biex inġib id-dottorat. Kont naf li fl-Amerika ħafna nies kienu jemmnu b’Alla u jaqraw il-Bibbja. Ukoll, kont smajt li l-Bibbja fiha ħafna għarfien prattiku, u għalhekk iddeċidejt li naqraha.
It-tagħlim tal-Bibbja kien jinstemaʼ prattiku. Imma sibt siltiet minnha diffiċli biex nifhimhom u wara ftit waqaft naqraha.
Għal xiex erġajt bdejt tinteressa ruħek fil-Bibbja?
Il-ħsieb li jeżisti Ħallieq kien ġdid għalija, u għalhekk iddeċidejt li nagħmel riċerka persunali dwar dan is-suġġett
Fl-1990, waħda mix-Xhieda taʼ Ġeħova ġiet id-dar u wrietni x’tgħid il-Bibbja dwar futur aħjar għall-umanità. Hi għamlet arranġament biex koppja miżżewġa tiġi u tgħinni nifhem il-Bibbja. Aktar tard, anke l-mara tiegħi, Liping, li kienet ukoll atea, bdiet tistudja l-Bibbja. Hi qabel kienet tgħallem il-fiżika ġewwa skola fiċ-Ċina. Bdejna nitgħallmu x’tgħid il-Bibbja dwar l-oriġini tal-ħajja. Il-ħsieb li jeżisti Ħallieq kien ġdid għalija, u għalhekk iddeċidejt li nagħmel riċerka persunali dwar dan is-suġġett.
B’liema mod għamilt dan?
Bħala matematiku kont imħarreġ nikkalkula l-probabbiltà li tiġri xi ħaġa. Kont tgħallimt ukoll li biex il-ħajja tibda b’mod spontanju, il-proteini jridu jkunu diġà jeżistu. Allura pprovajt nikkalkula l-probabbiltà li proteina tistaʼ tibda mix-xejn. Il-proteini huma fost l-aktar molekuli kkomplikati li nafu bihom, u ċ-ċelluli ħajjin jistaʼ jkollhom eluf taʼ proteini differenti jaħdmu flimkien b’mod preċiż. Irrealizzajt, bħal ħafna oħrajn, li l-possibbiltà li proteina tiġi mix-xejn tant hi improbabbli li huwa prattikament impossibbli! Għadni ma qrajt xejn fit-teorija tal-evoluzzjoni li għalija jispjega b’mod sodisfaċenti kif dawn il-molekuli tant ikkomplikati setgħu ħalqu lilhom infushom—aħseb u ara s-sistemi ħajjin li l-molekuli huma parti essenzjali minnhom. Għalija l-fatti juru li hemm Ħallieq.
Xi kkonvinċiek li l-Bibbja ġejja mingħand Alla?
Waqt li komplejt nistudja bl-għajnuna tax-Xhieda taʼ Ġeħova, tgħallimt li l-Bibbja fiha ħafna profeziji dettaljati li twettqu. Bdejt nesperjenza wkoll il-benefiċċji li jiġu meta napplika l-prinċipji Bibliċi. Bejni u bejn ruħi kont ngħid, ‘Kif setgħu l-kittieba tal-Bibbja li għexu eluf taʼ snin ilu jiktbu kliem kollu għerf li għadu tant prattiku għal żmienna? Bil-mod il-mod, irrealizzajt li l-Bibbja hija l-Kelma t’Alla.
X’hemm aktar li jikkonvinċik li hemm Ħallieq?
Meta noqgħod naħseb fuq il-ħafna elementi li hawn fin-natura, ma nistax ma nemminx li hemm Ħallieq. Bħalissa niżviluppa s-softwer tal-kompjuters, u ħafna drabi nibqaʼ ċċassat kemm moħħna huwa avvanzat ħdejn il-programmi tal-kompjuters. Pereżempju, il-kapaċità li għandu l-moħħ biex jirrikonoxxi d-diskors huwa tal-għaġeb. Il-biċċa l-kbira minna kapaċi nifhmuh mingħajr problemi taʼ xejn. Anke jekk forsi sentenza ma tkunx sħiħa, tingħad bid-daħq, bit-tqaħqiħ, bit-temtim, jew bl-aċċent. Nifhmuha wkoll anke jekk il-leħen jirbombja, ikun hemm xi ħsejjes fl-isfond, jew it-telefown ikun itextex. Tistaʼ taħseb li din mhix xi ħaġa taʼ barra minn hawn. Imma min jiżviluppa s-softwer tal-kompjuters jaf aħjar. Il-moħħ uman huwa ferm aktar avvanzat mill-aqwa softwer li kapaċi jagħraf l-ilħna.
Kuntrarju għall-kompjuters l-aktar sofistikati, moħħna kapaċi jagħraf l-emozzjonijiet, l-aċċenti, u persuna minn leħinha. Dawk li jiżviluppaw is-softwer tal-kompjuters qegħdin jagħmlu riċerka biex jaraw kif il-kompjuters jistgħu jimitaw l-abbiltà tal-moħħ li jirrikonoxxi d-diskors. Jien konvint li meta qed jagħmlu hekk, ikunu fil-fatt qegħdin jistudjaw ix-xogħlijiet taʼ jdejn Alla.