Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

GĦAJNUNA GĦALL-​FAMILJA | IT-​TROBBIJA TAT-​TFAL

L-importanza tal-faċendi

L-importanza tal-faċendi

L-​ISFIDA

F’xi familji, it-​tfal huma mistennijin li jgħinu fix-​xogħol tad-​dar, u dan jagħmluh mingħajr tgergir. F’familji oħrajn, il-​ġenituri saru jippretendu inqas minn uliedhom—u t-​tfal ma joġġezzjonawx—u allura naqsu dak li hu mistenni minnhom.

Xi riċerkaturi nnotaw din id-​drawwa b’mod partikulari fil-​pajjiżi tal-​Punent, fejn it-​tfal għandhom it-​tendenza li jikkonsmaw flok jikkontribwixxu. “Illum, it-​tfal jitħallew waħedhom jilagħbu logħob elettroniku, joqogħdu fuq l-​Internet, u jaraw it-​televixin,” josserva ġenitur jismu Steven. “Ftit li xejn hu mistenni minnhom.”

Int x’taħseb? Huma l-​faċendi verament importanti—kemm biex tinżamm id-​dar nadifa u anki għall-​iżvilupp tat-​tfal?

DAK LI GĦANDEK TKUN TAF

Xi ġenituri jżommu lura milli jagħtu xi biċċa xogħol lit-​tfal, speċjalment meta t-​tfal ikollhom ġimgħa mimlija daqs bajda bejn homework u attivitajiet oħra wara l-​iskola. Madankollu, ikkunsidra l-​benefiċċji.

Il-​faċendi jagħmlu tajjeb għall-​maturità tat-​tfal. It-​tfal li jagħmlu l-​faċendi aktarx imorru aħjar fl-​iskola, u mhux taʼ b’xejn. Li jgħinu fid-​dar ikun t’għajnuna biex it-​tfal ikunu fiduċjużi fihom infushom, dixxiplinati, u determinati—għodod essenzjali biex jitgħallmu.

Il-​faċendi jippreparaw lit-​tfal biex jaqdu lil ħaddieħor. Xi wħud innotaw li t-​tfal li jiġu mqabbdin jagħmlu xi ħaġa fid-​dar għandhom ċans akbar li meta jikbru jaċċettaw li jagħmlu xogħol għall-​komunità. Din mhux sorpriża, ladarba l-​faċendi jħarrġuhom biex ipoġġu l-​bżonnijiet t’oħrajn qabel tagħhom. Mill-​banda l-​oħra, Steven, li ssemma qabel, jinnota: “Meta ma jkun mistenni xejn minnhom, it-​tfal jidraw li qegħdin hemm biex jinqdew, u huma jikbru b’ħarsa żbaljata dwar x’inhu mistenni minnhom mill-​ħajja f’sens taʼ responsabbiltà u xogħol iebes.”

Il-​faċendi jħeġġu l-​għaqda fil-​familja. Permezz tal-​isforzi tagħhom fid-​dar, it-​tfal jirrealizzaw li apparti li huma apprezzati mill-​familja, huma għandhom ukoll responsabbiltà fiha. Din it-​tagħlima tiġi fix-​xejn meta l-​ġenituri jagħtu iktar prijorità lill-​attivitajiet taʼ wara l-​iskola milli l-​faċendi. Saqsi lilek innifsek, ‘X’benefiċċju hemm jekk it-​tifel tiegħi jorbot qalbu maʼ tim tal-​futbol imma ma jibqax iħossu parti mill-​familja?’

DAK LI TISTAʼ TAGĦMEL

Ibda minn meta jkunu għadhom żgħar. Xi ġenituri jgħidu li lit-​tfal għandhom jagħtuhom xi xogħol fid-​dar mill-​età taʼ tliet snin. Oħrajn jissuġġerixxu li jkollhom sentejn jew saħansitra iżgħar. Il-​punt hu, it-​tfal żgħar ħafna jieħdu pjaċir jaħdmu flimkien mal-​ġenituri tagħhom u jimitawhom.—Prinċipju Bibliku: Proverbji 22:6.

Agħti l-​faċendi skont l-​età. Pereżempju, tifel taʼ tliet snin jistaʼ jiġbor il-​ġugarelli, jimsaħ fejn iwaqqaʼ, jew jifred il-​ħwejjeġ li jkunu għall-​ħasil. Tfal akbar jistgħu jikinsu, jaħslu l-​karozza, jew saħansitra jippreparaw xi ikla. Agħti x-​xogħol skont l-​abbiltà tat-​tfal. Għandek mnejn tibqaʼ sorpriż dwar kemm ikunu entużjasti dwar ix-​xogħol li jkunu ġew imqabbdin jagħmlu.

Agħti importanza lill-​faċendi. Dan għandu mnejn ikun diffiċli meta t-​tfal tiegħek ikollhom xebgħa homework kuljum. Madankollu, li ma tqabbadx it-​tfal jagħmlu xi xogħol fid-​dar biex ikollhom marki għoljin “huwa sinjal li m’intix tpoġġi l-​prijoritajiet sew” jgħid il-​ktieb The Price of Privilege. Bħalma ntqal qabel, li t-​tfal jagħmlu l-​faċendi, jgħinhom ikunu studenti aħjar. U dak li jitgħallmu jkun qed iħejjihom għal meta jkollhom il-​familja tagħhom stess.—Prinċipju Bibliku: Filippin 1:10.

Iffoka fuq il-​mira iktar milli fuq ir-​riżultat. It-​tfal għandhom mnejn jieħdu iktar ħin milli tkun tixtieq biex ilestu xi biċċa xogħol. Forsi tinduna wkoll li l-​kwalità tax-​xogħol tistaʼ tkun aħjar. Meta jiġri hekk, taqbadx u tkompli bil-​faċenda int. Il-​mira tiegħek mhijiex li l-​faċenda ssir bħalma jagħmilha adult imma li tgħin lit-​tfal ikunu responsabbli u jesperjenzaw il-​ferħ li jistaʼ jiġi mix-​xogħol.—Prinċipju Bibliku: Ekkleżjasti 3:22.

Iffoka fuq il-​ħlas xieraq. Xi wħud jgħidu li meta tħallas lit-​tfal biex jagħmlu faċenda tkun qed tgħallimhom ikunu responsabbli. Oħrajn jgħidu li dan iġiegħel lit-​tfal jiffokaw fuq dak li se jieħdu mill-​familja iktar milli fuq dak li jistgħu jagħtuha. Huma jwissu wkoll li t-​tfal għandhom mnejn jirrifjutaw li jagħmlu xogħol fid-​dar meta jkollhom biżżejjed flus—sinjal li l-​benefiċċju tal-​faċendi jkun qed jintilef. X’inhi l-​lezzjoni? Għandu mnejn ikun aħjar li l-​flus li jingħataw lit-​tfal ma jkunux bħala ħlas għall-​faċendi.