Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Kura m’għandhiex biss tiffoka fuq is-sintomi imma wkoll fuq il-kaġun tas-sintomi

L-ISFIDA

Insiru nafu l-kaġun tal-problemi tagħna

Insiru nafu l-kaġun tal-problemi tagħna

Taħseb li l-​bnedmin jistgħu jsolvu l-​ħafna problemi li mhux qed iħalluna fil-​paċi u s-​sigurtà u li qed jheddu l-​futur tagħna? Biex verament inkunu nistgħu nsolvu l-​problemi tagħna, għandna nsiru nafu x’inhu l-​kaġun.

Biex nagħtu eżempju, pazjent jismu Tom kien marid u iktar tard miet. Għala miet? “Meta dehru l-​ewwel sintomi, ħadd ma pprova jara x’kien il-​kaġun,” kiteb it-​tabib tal-​isptar fejn daħal Tom ftit qabel ma miet. Mid-​dehra t-​tobba li Tom kellu qabel sempliċiment tawh mediċina biex jgħinuh iħossu aħjar.

Qegħdin il-​bnedmin jipprovaw isolvu l-​problemi b’mod simili? Pereżempju, biex jiġġieldu l-​kriminalità, il-​gvernijiet jagħmlu liġijiet, ipoġġu kameras tas-​sigurtà, u jsaħħu l-​korp tal-​pulizija. Imma għalkemm sa ċertu punt dawn il-​miżuri huma effettivi, huma ma jindirizzawx il-​kaġun tal-​problema. Wara kollox, il-​mod kif jaġixxu n-​nies juri x’qegħdin jaħsbu, iħossu, u jridu verament.

Daniel, li joqgħod f’pajjiż fl-​Amerika t’Isfel li għandu ekonomija li qed tiddgħajjef, jgħid: “Darba konna ngħixu ħajja normali. Ma konniex nibżgħu minn serq bl-​armi. Imma llum m’għadx baqaʼ villaġġ jew raħal fil-​paċi. Minħabba s-​sitwazzjoni diffiċli tal-​pajjiż issa nistgħu naraw b’mod ċar x’inhuma verament in-​nies, jiġifieri, li huma rgħiba u li m’għandhomx rispett għall-​ħajja jew għall-​proprjetà t’oħrajn.”

Raġel li ħarab minn konflitt fil-​Lvant Nofsani u iktar tard studja l-​Bibbja jgħid: “Ħafna rġiel żgħażagħ mill-​belt fejn trabbejt kienu jiġu inkuraġġiti mill-​familji tagħhom u mis-​sistema politika u reliġjuża biex jinvolvu ruħhom fil-​gwerra u jiġu kkunsidrati eroj. Lill-​opponenti tagħhom kien jintqalilhom l-​istess ħaġa! Dan kollu ġegħelni nara kemm hu taʼ diżappunt li tpoġġi l-​fiduċja tiegħek f’mexxejja umani.”

Il-​Bibbja, ktieb mimli għerf, bir-​raġun tgħid:

  • “L-​inklinazzjoni taʼ qalb il-​bniedem hi ħażina sa minn żgħożitu.”—Ġenesi 8:21.

  • “Il-​qalb qarrieqa iktar minn kull ħaġa oħra u hi ddisprata. Min jistaʼ jifhimha?”—Ġeremija 17:9.

  • “Mill-​qalb joħorġu rraġunar ħażin, qtil, . . . żína, serq, xiehda falza.”—Mattew 15:19.

In-​nies għandhom tendenzi ħżiena li jwassluhom biex iweġġgħu lil oħrajn. Il-​bnedmin ma rnexxilhomx isibu soluzzjoni għal dan. Fil-​fatt, dawn il-​karatteristiki jidhru li sejrin mill-​ħażin għall-​agħar, bħalma rajna fil-​problemi li ssemmew fl-​artiklu taʼ qabel. (2 Timotju 3:1-​5) U dan hu minnu minkejja l-​ammont taʼ informazzjoni vasta li hi disponibbli llum, biex ma nsemmux il-​ħafna modi differenti kif nistgħu nikkomunikaw iktar minn qatt qabel! Mela għala ma nistgħux nagħmlu d-​dinja paċifika u sigura? Qed nistennew iktar minna nfusna milli nistgħu nagħtu? Qegħdin nipprovaw nagħmlu l-​impossibbli?

QEGĦDIN NIPPROVAW NAGĦMLU L-​IMPOSSIBBLI?

Anke jekk permezz taʼ xi miraklu nkunu nistgħu nbiddlu għall-​aħjar il-​karatteristiki ħżiena tal-​bnedmin, xorta mhux ħa nkunu nistgħu nagħmlu d-​dinja post sigur għal kulħadd. Għala? Minħabba l-​limitazzjonijiet tagħna bħala bnedmin.

Il-​verità sempliċi hi fi qbil maʼ dak li tgħid il-​Bibbja: Il-​bniedem ma jistax jidderieġi l-​passi tiegħu. (Ġeremija 10:23) Iva, aħna ma ġejniex maħluqin biex immexxu lilna nfusna. Fil-​fatt, ma ġejniex maħluqin biex naħkmu fuq il-​bnedmin sħabna bħalma ma ġejniex maħluqin biex ngħixu taħt l-​ilma jew fl-​ispazju!

Ma ġejniex maħluqin biex naħkmu fuq il-bnedmin sħabna bħalma ma ġejniex maħluqin biex ngħixu taħt l-ilma

Ikkunsidra dan: In-​nies inġenerali jieħdu pjaċir li nies oħra jgħidulhom kif għandhom jgħixu jew liema valuri morali għandhom isegwu? Jieħdu pjaċir in-​nies meta oħrajn jgħidulhom kif għandhom iħarsu lejn affarijiet bħall-​abort jew kif għandhom jiddixxiplinaw lil uliedhom? Dawn huma biss ftit mill-​kwistjonijiet li jġibu firda. Għalkemm forsi nsibuha diffiċli biex naċċettawha, dak li tgħid il-​Bibbja jagħmel sens. Sempliċiment m’għandniex l-​abbiltà jew id-​dritt li mmexxu fuq bnedmin oħra. Mela fejn nistgħu nduru għall-​għajnuna?

L-​iktar tweġiba raġunevoli għalina hi li nduru lejn il-​Ħallieq tagħna. Wara kollox, hu għamilna! Għall-​kuntrarju taʼ dak li jaħsbu xi wħud, hu ma nsiniex. Fil-​fatt, mill-​għerf li nsibu fil-​Bibbja nistgħu naraw li hu jimpurtah minna. Meta nifhmu dan il-​ktieb uniku, nifhmu wkoll lilna nfusna aħjar u għala l-​istorja tal-​bnedmin hi daqshekk traġika. Mhux taʼ b’xejn li filosfu Ġermaniż darba kiteb, “in-​nies u l-​gvernijiet qatt ma tgħallmu xejn mill-​passat u minħabba f’hekk għadhom jaġixxu l-​istess.”

L-​GĦERF TAL-​BIBBJA JIPPROTEĠINA!

Raġel għaref darba qal li “l-​għerf jintwera li hu sewwa minn uliedu kollha,” jew mir-​riżultati tiegħu. (Luqa 7:35) Eżempju taʼ dan l-​għerf insibuh f’​Salm 146:3, li jgħid: “Tpoġġux il-​fiduċja tagħkom fin-​nobbli, lanqas f’bin il-​bniedem, li ma jistaʼ jsalva lil ħadd.” Dan il-​parir għaqli jistaʼ jgħinna biex ma nittamawx għal xi ħaġa li qatt mhi se sseħħ. Kenneth, li jgħix f’belt mimlija vjolenza fl-​Amerika taʼ Fuq, jgħid: “Kull mexxej politiku jwiegħed li se jagħmel l-​affarijiet aħjar, imma ħadd minnhom ma jistaʼ jagħmel dan. Il-​fallimenti tagħhom ifakkruni b’mod regolari fl-​għerf tal-​Bibbja.”

Daniel, li ġie kkwotat qabel, kiteb: “Kull ġurnata li tgħaddi tikkonvinċini iktar kemm il-​bnedmin ma jistgħux imexxu sew. . . . Is-​sempliċi fatt li għandek il-​flus fil-​kont tal-​bank tiegħek jew għamilt xi investimenti, mhux garanzija li se jkollok futur sigur. Rajt nies veru frustrati minħabba dawn l-​affarijiet.”

Il-​Bibbja mhux biss tipproteġina milli nistennew affarijiet mhux realistiċi, imma wkoll tagħtina tama, bħalma se naraw ’il quddiem.