Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Toledo tiddeskrivi l-istorja u l-kultura Spanjola. Din il-belt ġiet dikjarata Wirt Dinji fl-1986 u hi popolari mat-turisti

PAJJIŻI U POPLI

Żjara fi Spanja

Żjara fi Spanja

SPANJA huwa pajjiż imżewwaq kemm bħala art u kemm bħala nies. Fil-parti l-kbira, Spanja hija miksija b’għelieqi tal-qamħ, dwieli, u siġar taż-żebbuġ. Lejn in-Nofsinhar, hemm biss 14-il kilometru baħar li jifred l-art prinċipali taʼ Spanja mill-kontinent Afrikan.

Ħafna nies—inkluż il-Feniċi, il-Griegi, u l-Kartaġiniżi—emigraw lejn dan il-pajjiż li jinsab fin-naħa tal-Lbiċ tal-Ewropa. Meta waslu r-Rumani fit-tielet seklu qabel Kristu, din l-art li kienu għadhom kemm ħadu taħt idejhom sejħulha Hispania. Imbagħad marru jgħixu hemm il-Viżigoti u l-Mori, li lkoll ħallew wirt kulturali.

Fl-2015, aktar minn 68 miljun persuna żaru Spanja. Il-maġġorparti jmorru minħabba x-xemx, il-bajjiet mill-isbaħ, u t-teżori artistiċi, kulturali, u storiċi li għandu l-pajjiż. L-ikel Spanjol ukoll jiġbed għadd ġmielu taʼ turisti. L-ikel tipiku jinkludi frott tal-baħar, laħam tal-majjal, stuffatijiet, insalati, u ħaxix imsajjar jew imħawwar biż-żejt taż-żebbuġa. Il-frejjeġ Spanjoli, il-paella, u t-tapas huma magħrufa mad-dinja kollha.

Il-mariscada hu platt tipiku bil-frott tal-baħar

Jiżfnu l-flamengo

In-nies Spanjoli huma dħulin u jafu jmorru man-nies. Kważi lkoll jgħidu li huma Kattoliċi, imma ftit li xejn imorru l-quddies. Fis-snin reċenti, nies mill-Afrika, mill-Asja, u mill-Amerika Latina emigraw lejn Spanja. Ħafna minnhom jieħdu pjaċir jitkellmu fuq ir-reliġjon u l-kulturi tagħhom. Ix-Xhieda taʼ Ġeħova kellhom diskussjonijiet interessanti magħhom u għenuhom jifhmu x’tgħallem il-Bibbja dwar diversi suġġetti.

Matul l-2015, aktar minn 10,500 Xhud minn jeddhom bnew jew irranġaw 70 Sala tas-Saltna, il-post fejn jiltaqgħu. L-awtoritajiet taʼ xi postijiet ipprovdew l-art għal xi wħud minn dawn il-proġetti. Biex jgħinu lill-immigranti, ix-Xhieda taʼ Ġeħova jkollhom laqgħat f’aktar minn 30 lingwa differenti apparti l-Ispanjol. Fl-2016, aktar minn 186,000 ruħ attendew laqgħa speċjali tax-Xhieda taʼ Ġeħova biex ifakkru l-mewt taʼ Ġesù Kristu.