GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ
10: Kun taʼ min jafdak
DAN XI JFISSER
Nies li tistaʼ tafdahom jiksbu l-fiduċja tal-ġenituri, il-ħbieb, u l-imgħallmin tagħhom. Huma jobdu r-regoli, iżommu l-wegħdi, u dejjem jgħidu l-verità.
GĦALA HU IMPORTANTI
Kemm tirċievi libertà, kważi dejjem jiddependi minn kemm urejt li int taʼ min jafdak fuq perjodu taʼ żmien.
“L-aqwa mod kif tikseb il-fiduċja tal-ġenituri hu billi turihom bl-azzjonijiet li int matur u responsabbli, mhux biss meta tkun magħhom.”—Sarahi.
PRINĊIPJU BIBLIKU: “Ibqgħu agħtu prova taʼ x’intom.”—2 Korintin 13:5.
DAK LI TISTAʼ TAGĦMEL
Kemm jekk tixtieq li n-nies jafdawk iktar u kemm jekk tixtieq li jerġgħu jibdew jafdawk, il-passi li ġejjin jistgħu jgħinuk.
Kun onest. Meta tigdeb, in-nies malajr ma jibqgħux jafdawk. Għall-kuntrarju, meta tkun onest u ma taħbi xejn—l-iktar dwar l-iżbalji tiegħek—int tistaʼ tikseb il-fiduċja t’oħrajn.
“Meta l-affarijiet ikunu sejrin sew, faċli li tkun onest. Imma meta tkun onest dwar affarijiet li jitfgħuk f’dell ikrah, in-nies se jaraw li jistgħu jafdawk iktar.”—Caiman.
PRINĊIPJU BIBLIKU: “Nixtiequ nġibu ruħna bl-onestà f’kollox.”—Ebrej 13:18.
Kun responsabbli. Fi stħarriġ li sar fl-Istati Uniti, 78 fil-mija taʼ dawk li jimpjegaw lin-nies urew li “waħda mit-tliet abbiltajiet l-iktar importanti” li jfittxu fl-impjegati hi li jkunu responsabbli. Jekk titgħallem tkun responsabbli minn issa se jgħinek meta ssir adult.
“Il-ġenituri tiegħi jinnotaw meta nkun responsabbli u meta ma jkollhomx għalfejn joqogħdu jiġru warajja biex nagħmel xogħol fid-dar. Iktar ma nieħu l-inizjattiva, iktar jafdawni.”—Sarah.
PRINĊIPJU BIBLIKU: “Jien fiduċjuż li se tilqaʼ t-talba tiegħi u naf li se tagħmel saħansitra iktar minn dak li qed ngħidlek.”—Filemon 21.
Kun paċenzjuż. Meta persuna tikber fiżikament, oħrajn malajr jindunaw, imma jieħu ż-żmien biex jindunaw li tkun qed tikber emozzjonalment u mentalment.
“Biex tikseb il-fiduċja tal-ġenituri u t’oħrajn ma jiddependix minn xi ħaġa waħda biss. Imma tistaʼ tiksibha bil-mod il-mod jekk dejjem tkun responsabbli.”—Brandon.
PRINĊIPJU BIBLIKU: ‘Ilbsu s-sabar fit-tul.’—Kolossin 3:12.