GĦAJNUNA GĦAL DAWK LI TILFU LIL XI ĦADD GĦAŻIŻ
L-uġigħ li ġġib magħha l-mewt
“Jien u Sophia * konna ilna miżżewġin iktar minn 39 sena meta marda fit-tul ħaditilha ħajjitha. Kelli ħafna appoġġ mill-ħbieb u żammejt ruħi okkupat, imma għal sena sħiħa, kont inħoss uġigħ kbir. L-emozzjonijiet tiegħi kienu jinbidlu l-ħin kollu, filli nħossni mod u filli ieħor. Anki issa, li għaddew kważi tliet snin mill-mewt tagħha, kultant f’daqqa waħda jaqbduni dwejjaq kbar u spiss mingħajr ma nkun naf għala.”—Kostas.
Tlift lil xi ħadd għażiż fil-mewt? Jekk iva, int x’aktarx li tifhem kif iħossu Kostas. Ftit affarijiet iġibu iktar stress jew uġigħ taʼ qalb minn mewt taʼ sieħeb jew sieħba, qarib, jew ħabib għażiż. Esperti li jistudjaw in-niket li ġġib magħha l-mewt jaqblu maʼ dan. Artiklu ppubblikat f’The American Journal of Psychiatry jgħid li ħafna nies iħossu li jkunu tilfu l-għażiż tagħhom darba għal dejjem u minħabba f’hekk jesperjenzaw uġigħ estrem. Xi ħadd li jiffaċċja l-uġigħ insapportabbli li ġġib magħha telfa bħal din, għandu mnejn jaħseb: ‘Kemm se ndum inħossni hekk? Qatt se nerġaʼ nkun ferħan? Kif nistaʼ ntaffi dan id-dwejjaq?’
Din il-ħarġa taʼ Stenbaħ! se tikkunsidra t-tweġibiet għal dawn il-mistoqsijiet. L-artiklu li jmiss se jiddiskuti x’tistaʼ tistenna jekk għadek kif tlift lil xi ħadd fil-mewt. L-artikli taʼ wara se jiddiskutu modi li jistgħu jgħinuk tnaqqas in-niket kbir tiegħek.
Aħna sinċerament nittamaw li l-artikli li ġejjin ikunu taʼ faraġ u t’għajnuna prattika għal kull min qed jesperjenza l-uġigħ li ġġib magħha l-mewt.
^ par. 3 Xi ismijiet f’din is-serje t’artikli ġew mibdulin.