Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Is-saħħa fiżika

Is-saħħa fiżika

Il-​Bibbja mhix ktieb dwar il-​mediċina. Imma fiha nsibu pariri li jistgħu jgħinuna biex ikollna ħajja iktar f’saħħitha. Ikkunsidra xi prinċipji tal-​Bibbja li jistgħu jgħinuk tkun iktar f’saħħtek.

ĦU ĦSIEB ĠISMEK

PRINĊIPJU BIBLIKU: “Ebda bniedem qatt ma bagħad lil ġismu stess; imma jitimgħu u jgħożżu.”—Efesin 5:29.

XI JFISSER DAN: Dan il-​prinċipju tal-​Bibbja jinkuraġġina biex nagħmlu dak li nistgħu biex nieħdu ħsieb is-​saħħa fiżika tagħna. Studju juri li ħafna problemi taʼ saħħa jiġu mill-​istil taʼ ħajja li wieħed jagħżel. Għalhekk li tagħmel għażliet tajbin jistaʼ jwassal għal saħħa aħjar.

X’TISTAʼ TAGĦMEL:

  • Żomm dieta tajba. Agħżel li tiekol ikel bnin u ixrob biżżejjed ilma.

  • Ibqaʼ attiv. L-​attività fiżika tistaʼ tgħinek ittejjeb is-​saħħa tiegħek, għandek kemm għandek żmien u anka jekk għandek xi diżabilità jew limitat minħabba xi marda kronika. Filwaqt li l-​għeżież tiegħek jew speċjalisti tas-​saħħa jistgħu jagħtuk suġġerimenti u jinkuraġġuk biex tagħmel l-​eżerċizzju, fl-​aħħar mill-​aħħar int trid tagħmlu!

  • Orqod biżżejjed. Nuqqas taʼ rqad b’mod regolari jistaʼ jwassal għal mard serju. Bid-​deċiżjonijiet li jieħdu, ħafna nies jispiċċaw ma jorqdux biżżejjed. B’hekk, meta tagħżel li torqod biżżejjed, tkun qed tagħżel li tgħix aħjar.

AQTAʼ VIZZJI ĦŻIENA

PRINĊIPJU BIBLIKU: “Ħa nitnaddfu minn kull tinġis tal-​laħam u taʼ l-​ispirtu.”—2 Korintin 7:1.

XI JFISSER DAN: Aħna nibbenefikaw meta nagħżlu li ma nħammġux ġisimna b’sustanzi li jagħmlu l-​ħsara bħalma huma l-​prodotti tat-​tabakk, eżempju s-​sigaretti. Dawn huma magħrufin bħala kawża prinċipali tal-​mard u l-​mewt.

X’TISTAʼ TAGĦMEL: Agħżel ġurnata li fiha tkun ħa taqtagħhom u mmarkaha fuq il-​kalendarju. Ġurnata qabel id-​data li tkun għażilt, armi s-​sigaretti, l-​ashtrays, il-​lighters, u l-​affarijiet l-​oħrajn kollha li għandhom x’jaqsmu maʼ dan il-​vizzju ħażin. Evita li tmur f’postijiet fejn ikun hemm nies ipejpu. Għid lil sħabek u lil tal-​familja bid-​deċiżjoni li tkun ħadt biex ikunu jistgħu jgħinuk.

PRINĊIPJI OĦRA MILL-​BIBBJA

Inti tistaʼ tikseb kopja tal-​Bibbja billi tikkuntattja lil wieħed mix-​Xhieda taʼ Ġeħova fil-​komunità tiegħek

EVITA L-​PERIKLU.

“Jekk tibni dar ġdida, agħmel ċint mal-​bejt tiegħek, sabiex ma ġġibx il-​ħtija tad-​demm fuq darek għaliex jaqaʼ xi ħadd minn fuqu.”—DEWTERONOMJU 22:8.

IKKONTROLLA R-​RABJA TIEGĦEK.

“Min idum biex jirrabja għandu ħafna dixxerniment, imma min hu bla paċenzja qed jeżalta l-​bluha.”—PROVERBJI 14:29.

EVITA LI TIEKOL IŻŻEJJED.

“Tkunx . . . fost dawk li għandhom kilba għal-​laħam.”—PROVERBJI 23:20.