Agħraf il-Kwalitajiet Tajbin taʼ Oħrajn
Il-Problema
L-egoiżmu jistaʼ jwassal għall-preġudizzju. Xi ħadd egoist ikun minfuħ bih innifsu. Iqis lilu nnifsu superjuri u jiġġudika lin-nies li huma differenti minnu bħala inferjuri. Kulħadd jistaʼ jaqaʼ f’din in-nassa. L-Encyclopædia Britannica tgħid: “Il-biċċa l-kbira tan-nies iħossu li l-ħajja, l-ikel, l-ilbies, id-drawwiet, it-twemmin, il-valuri, u affarijiet oħra tagħhom, huma superjuri għal dawk taʼ gruppi oħra.” Kif nistgħu nevitaw dan il-mod żbaljat taʼ kif naħsbu?
Prinċipju mill-Bibbja
‘B’umiltà qisu lill-oħrajn superjuri għalikom.’—FILIPPIN 2:3.
Xi jfisser? Biex nevitaw kburija żejda, aħna għandna bżonn nitgħallmu nkunu umli. L-umiltà tgħinna nagħrfu li f’ċerti affarijiet, oħrajn huma aħjar minna. L-ebda grupp taʼ nies m’għandu l-kwalitajiet u l-abbiltajiet tajbin kollha.
Ikkunsidra l-eżempju taʼ Stefan. Hu trabba f’pajjiż Komunist imma għeleb is-sentimenti taʼ preġudizzju kontra nies minn pajjiżi li ma kinux Komunisti. Hu jgħid: “Jien nemmen
li hu importanti li tqis lil oħrajn superjuri għalik biex tkun tistaʼ tirreżisti l-preġudizzju. Jien ma nafx kollox. Nistaʼ nitgħallem xi ħaġa mingħand kulħadd.”Dak li Tistaʼ Tagħmel
Ipprova kun realistiku u ammetti li inti tiżbalja. Agħraf li oħrajn jistgħu jagħmlu xi affarijiet aħjar minnek. Taħsibx li n-nies kollha minn grupp partikolari għandhom l-istess affarijiet li jdejquk.
Minflok ma taħseb b’mod negattiv dwar persuna minn grupp partikolari taʼ nies, saqsi lilek innifsek:
Ammetti li oħrajn huma tajbin f’affarijiet li int ma tinqalax fihom
-
‘Huma l-kwalitajiet li ma nħobbx f’dik il-persuna verament ħżiena, jew sempliċiment huma differenti?’
-
‘Din il-persuna se ssibli difetti?’
-
‘Din il-persuna fiex inhi iktar kapaċi minni?’
Jekk twieġeb dawn il-mistoqsijiet b’mod onest, inti se tkun tistaʼ mhux biss tegħleb kull preġudizzju li għandek imma wkoll tistaʼ ssib affarijiet x’tammira f’dik il-persuna.