Uri l-Imħabba
Il-Problema
Is-sentimenti tal-preġudizzju ma jitilqux malajr. Bħalma jieħu ż-żmien u l-isforz biex teħles minn xi virus, hekk ukoll jieħu ż-żmien u l-isforz biex teħles mill-preġudizzju. X’tistaʼ tagħmel biex tneħħi l-preġudizzju minn ġo fik?
Prinċipju mill-Bibbja
“Ilbsu l-imħabba, għax hi rabta perfetta li tgħaqqad.”—KOLOSSIN 3:14.
Xi jfisser? In-nies jersqu eqreb taʼ xulxin meta jkunu qalbhom tajba. Iktar ma turi mħabba lejn oħrajn, inqas se turi preġudizzju. Meta titgħallem tħobb in-nies iktar, dan se jgħinek tegħleb sentimenti negattivi lejhom.
Dak li Tistaʼ Tagħmel
Aħseb f’xi modi speċifiċi li bihom tistaʼ turi l-imħabba lejn nies li huma minn grupp li qabel ma kienx jogħġbok. M’hemmx għalfejn tagħmel xi ħaġa kbira. Ipprova agħmel waħda jew iżjed minn dawn li ġejjin:
Ma’ kull naqra mħabba li turi, int se titbiegħed iktar mill-preġudizzju
Uża manjieri tajbin maʼ membri taʼ dak il-grupp billi tiftħilhom il-bieb jew iċċedilhom postok meta tuża t-trasport pubbliku.
Ipprova għidilhom xi ħaġa żgħira, anki jekk ma jafux jitkellmu ħafna bil-lingwa tiegħek.
Kun paċenzjuż meta jagħmlu xi ħaġa li ma tifhimhiex.
Uri li tħoss għalihom jekk jitkellmu dwar il-problemi tagħhom.