Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

GĦAJNUNA GĦALL-FAMILJA | IŻ-ŻGĦAŻAGĦ

Kif tittratta mal-bidliet

Kif tittratta mal-bidliet

L-ISFIDA

  • Ix-xogħol taʼ missierek jirrikjedi li tmorru toqogħdu xi mkien ieħor.

  • Il-ħabib kbir tiegħek se jmur jgħix ’il bogħod.

  • Ħuk jew oħtok ikbar minnek se titlaq mid-dar biex tiżżewweġ.

Int kemm se tkun lest taddatta għal dawn il-bidliet?

Siġra li tistaʼ titgħawweġ mar-riħ x’aktarx ikollha iktar ċans tibqaʼ soda wara maltempata. Bħal dik is-siġra, tistaʼ titgħallem “titgħawweġ” mal-bidliet li fuqhom għandek ftit jew xejn kontroll. Però, qabel ma niddiskutu kif tistaʼ tagħmel dan, ikkunsidra ftit affarijiet li għandek tkun taf dwar il-bidliet.

DAK LI GĦANDEK TKUN TAF

Ma tistax tevita l-bidla. Il-Bibbja tgħid verità fundamentali dwar il-bnedmin: “Ġrajjiet mhux mistennijin jiġu fuq kulħadd.” (Ekkleżjasti 9:11) Xi darba jew oħra, int se tiffaċċja r-realtà taʼ dan il-kliem. Żgur li mhux kull ġrajja mhux mistennija hija ħażina. U xi bidliet li għall-ewwel jidhru li huma ħżiena jistgħu jkunu taʼ vantaġġ. Minkejja dan, il-maġġoranza tan-nies imorru tajjeb meta jkunu f’rutina, imma meta jkun hemm bidla—kemm jekk tajba jew ħażina—isibuha diffiċli biex jaddattaw għaliha.

Il-bidla tistaʼ tkun stressanti b’mod partikulari għall-adoloxxenti. Għala? “Diġà tkun għaddej minn bidliet minn ġewwa,” jispjega żagħżugħ jismu Alex. * “Bidliet minn barra sempliċement iżidu mal-istress.”

Hawn għandna raġuni oħra: Meta l-adulti jiffaċċjaw bidla, jistgħu jiftakru fl-esperjenzi taʼ sitwazzjonijiet simili li diġà għaddew minnhom u jaraw kif ittrattaw magħhom, imma ż-żgħażagħ għandhom inqas esperjenzi fiex jiftakru.

Tistaʼ titgħallem taddatta ruħek. Ir-reżiljenza hija l-abbiltà li tirkupra minn għawġ jew taddatta għal bidla. Persuna reżiljenti, jew flessibbli, tistaʼ mhux biss tissaporti ċirkustanza ġdida imma tħares lejn dak li jidher li hu ostaklu u tara opportunità fih. Hemm inqas ċans għal żgħażagħ flessibbli li jduru għad-droga jew għall-alkoħol meta jħossuhom skuraġġiti.

DAK LI TISTAʼ TAGĦMEL

Aċċetta r-realtà. Bla dubju int tixtieq tikkontrolla ħajtek għalkollox, imma dan sempliċiment mhux possibbli. Il-ħbieb jistgħu jmorru jgħixu xi mkien ieħor jew jiżżewġu; ħutek jikbru u jitilqu mid-dar; iċ-ċirkustanzi jistgħu jġiegħlu ’l familtek tmur tgħix xi mkien ieħor, u dan jinvolvi li tħalli warajk il-ħbieb u kull ħaġa li tkun drajt. Ikun aħjar li taċċetta r-realtà milli tħalli ħsibijiet negattivi jtaqqluk.—Prinċipju Bibliku: Ekkleżjasti 7:10.

Ħares ’il quddiem. Li tiffoka fuq il-passat hu bħal meta ssuq fi triq prinċipali u tħares fiss fil-mera biex tara wara. Ħarsa ħafifa kultant hi taʼ benefiċċju, imma int għandek bżonn tikkonċentra verament fuq it-triq taʼ quddiemek. L-istess hu minnu meta tiffaċċja bidla. Ipprova ffoka fuq il-futur. (Proverbji 4:25) Pereżempju, x’mira tistaʼ tagħmel għax-xahar jew sitt xhur li ġejjin?

Iffoka fuq il-pożittiv. “Il-flessibilità għandha x’taqsam mal-attitudni,” tgħid żagħżugħa jisimha Laura. “Sib aspetti pożittivi taċ-ċirkustanzi li qiegħed fihom.” Tistaʼ ssemmi almenu vantaġġ wieħed miċ-ċirkustanza ġdida tiegħek?—Prinċipju Bibliku: Ekkleżjasti 6:9.

Żagħżugħa jisimha Victoria tiftakar li meta kienet iżgħar, il-ħbieb tal-qalb tagħha marru kollha jgħixu xi mkien ieħor. “Vera ħassejtni waħdi, u xtaqt li kollox setaʼ baqaʼ kif kien,” tgħid hi. “Imma meta nħares lura, dak kien iż-żmien meta bdejt nikber verament. Irrealizzajt li biex tikber jirrikjedi tibdil. Ukoll, bdejt nara possibbiltajiet għal ħbiberiji ġodda li kollha kienu madwari.”—Prinċipju Bibliku: Proverbji 27:10.

Li tiffoka fuq il-passat huwa bħallikieku qed issuq fi triq ewlenija u tħares fiss fil-mera biex tara wara

Agħmel affarijiet għal oħrajn. Il-Bibbja tgħid: “Tfittxux l-interessi persunali tagħkom biss, imma wkoll l-interessi persunali taʼ l-oħrajn.” (Filippin 2:4) Rimedju tajjeb għall-isfida tiegħek stess hu li tgħin lil oħrajn bl-isfidi tagħhom. Anna, taʼ 17-il sena, tgħid: “Jien u nikber, bdejt nirrealizza li meta stajt ngħin lil xi ħadd li setaʼ kien għaddej minn sitwazzjoni simili—jew agħar—kien taʼ sodisfazzjon!”

^ par. 11 Xi ismijiet f’dan l-artiklu ġew mibdulin.