Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Kont Taf?

Kont Taf?

In-​nies fi żminijiet Bibliċi kif kienu jkunu jafu li beda xahar ġdid jew sena ġdida?

GĦALL-​Iżraelin li kienu jgħixu fl-​Art Imwiegħda, is-​sena kienet tibda meta kienu jaħartu l-​ħamrija fl-​għelieqi u jiżirgħu l-​ħxejjex. Dan kien jaħbat bejn Settembru u Ottubru tal-​lum.

In-​nies kienu jikkalkulaw kemm hu twil xahar fuq iċ-​ċiklu tal-​qamar, li hu twil madwar 29 jew 30 ġurnata. U kienu jikkalkulaw kemm hi twila s-​sena mix-​xemx. Però, sena kalkulata fuq iċ-​ċiklu tal-​qamar hi iqsar minn sena kalkulata fuq ix-​xemx. Għalhekk, kellhom isibu metodu biex iż-​żewġ modi, li bihom kienu jikkalkulaw is-​sena, jiġu jaqblu. Huma kienu jagħmlu dan billi jżidu xi ġranet jew minn żmien għal żmien iżidu xahar, jistaʼ jkun qabel tibda sena ġdida. B’dan il-​mod, il-​kalendarju kien jaqbel maż-​żmien li kienu jiżirgħu u jiġbru l-​ħxejjex.

Imma fi żmien Mosè, Alla qal lill-​Iżraelin li għalihom l-​ewwel xahar tas-​sena kellu jkun Abib, jew Nisan. (Eżo. 12:2; 13:4) Dan kien bejn Marzu u April tal-​lum. Fix-​xahar taʼ Nisan, kellu jkun hemm festa għall-​Iżraelin, li fiha kellhom joffru l-​ewwel xgħir (barley) lil Ġeħova.—Eżo. 23:15, 16.

Studjuż wieħed qal li kien faċli għalihom ikunu jafu meta għandhom iżidu xahar fil-​kalendarju. Qal ukoll: “Il-​festa tal-​Qbiż li kienet tiġi ċelebrata fix-​xahar taʼ Nisan (fl-​14 taʼ Nisan), meta l-​qamar kien ikun kwinta, kellha dejjem issir wara l-​ġurnata tar-​rebbiegħa meta l-​lejl u n-​nhar kienu jkunu twal indaqs. Jekk lejn l-​aħħar tas-​sena kienu jindunaw li l-​Qbiż kien se jaħbat qabel din il-​ġurnata tar-​rebbiegħa, il-​Lhud kienu jżidu xahar qabel Nisan.”

Ix-​Xhieda taʼ Ġeħova jużaw dan il-​metodu biex jaraw meta għandha ssir l-​Ikla taʼ Filgħaxija tal-​Mulej, li tiġi fir-​rebbiegħa, u taħbat fl-​14 taʼ Nisan skont il-​kalendarju Lhudi. Din id-​data tingħata minn qabel lill-​kongregazzjonijiet kollha madwar id-​dinja. *

Imma l-​Iżraelin kif kienu jkunu jafu meta se jispiċċa xahar u jibda xahar ieħor? Illum faċli nkunu nafu, kemm inħarsu lejn il-​kalendarju pprintjat jew fuq il-​mowbajl. Imma fiż-​żminijiet Bibliċi dan ma kienx daqshekk faċli.

Fi żmien Noè, kull xahar kien ikun twil 30 ġurnata. (Ġen. 7:11, 24; 8:3, 4) Iktar tard, għall-​Iżraelin, xahar ma kienx bilfors 30 ġurnata. Fil-​kalendarju Lhudi, xahar kien jibda eżatt meta jaraw qamar ġdid. Għalhekk, xahar ġieli kien ikun fih 29 ġurnata u ġieli kien ikun fih 30.

Darba waħda, kemm David u kemm Ġonatan qalu hekk għal xahar ġdid: “Għada qamar ġdid.” (1 Sam. 20:5, 18) Allura, milli jidher, fi żmienhom kienu diġà jkunu jafu meta xahar ġdid kien ikun se jibda. Imma l-​Iżraelin kif kienu jkunu jafu li beda xahar ġdid? Il-​Mixna, li hi ġabra taʼ liġijiet u tradizzjonijiet tal-​Lhud, tagħtina xi informazzjoni. Din turi li wara li l-​Lhud inħelsu minn Babilonja, is-​Sinedriju, jiġifieri, il-​Qorti tal-​Lhud, kellha sehem f’dan. Matul is-​sebaʼ xhur tal-​festi, il-​qorti kienet tiltaqaʼ fit-​30 jum tax-​xahar. Dawn l-​irġiel kellhom ir-​responsabbiltà biex jaraw meta kien se jibda x-​xahar. Imma kif kienu jiddeċiedu?

Madwar Ġerusalemm kien hemm irġiel li xogħolhom kien li joqogħdu attenti biex jaraw jekk jidhirx qamar ġdid. Xħin kienu jarawh, kienu jmorru malajr jgħidu lis-​Sinedriju. Imbagħad, meta l-​qorti kienet tħoss li għandha biżżejjed provi, li kien qed jidher qamar ġdid, kienet tavża lin-​nies li beda xahar ġdid. Imma x’kien jiġri meta t-​temp kien ikun imsaħħab jew imċajpar, u l-​irġiel ma jkunux jistgħu jaraw il-​qamar ġdid? Kienu jgħidu li x-​xahar li jkunu qegħdin fih se jkollu 30 ġurnata u mbagħad jibda xahar ġdid.

Biex javżaw li jkun beda xahar ġdid, kienu jagħmlu sinjal b’nar fuq il-​Muntanja taż-​Żebbuġ, qrib Ġerusalemm. U f’postijiet għoljin oħrajn madwar Iżrael, kienu jqabbdu nar biex oħrajn isiru jafu wkoll. Iktar tard, kien hemm messaġġiera biex javżaw lin-​nies. Grazzi għal dan, il-​Lhud f’Ġerusalemm u f’postijiet oħrajn kienu jkunu jafu li beda xahar ġdid u setgħu jiċċelebraw il-​festi fl-​istess żmien.

Jaf issib t’għajnuna ċ-​chart biex tifhem ix-​xhur, il-​festi, u l-​istaġuni tal-​Iżraelin.

^ Ara It-​Torri tal-​Għassa tal-​15 taʼ Frar 1990, p. 11, u “Mistoqsijiet mill-​Qarrejja” bl-​Ingliż fil-​ħarġa tal-​15 taʼ Ġunju 1977.