Kont Taf?
Wara ż-żmien taʼ Ġona, Ninwe x’sar minnha?
MADWAR is-sena 670 qabel Kristu (QK), l-Assirja saret l-ikbar imperu fid-dinja. Il-website taʼ The British Museum spjegat li t-territorju kien “minn Ċipru fil-Punent sal-Iran fil-Lvant, u għal xi snin kien jinkludi wkoll l-Eġittu.” Il-belt kapitali tal-Assirja, Ninwe, kienet l-ikbar belt fid-dinja. Hi kellha monumenti impressjonanti, ġonna mill-isbaħ, palazzi lussużi, u libreriji kbar. Kitbiet minquxa fuq il-ħitan antiki taʼ Ninwe wrew li s-Sultan Ashurbanipal, bħas-slaten tal-Assirja taʼ qablu, sejjaħ lilu nnifsu “sultan tad-dinja.” Meta kien qed imexxi hu, kien jidher impossibbli li xi ħadd jegħleb lill-Assirja u Ninwe.
Imma meta l-Assirja kienet fl-aqwa tagħha, il-profeta taʼ Ġeħova, Sofonija, qal: “[Ġeħova] se . . . jeqred lill-Assirja. U jagħmel lil Ninwe ħerba, reġjun bla ilma bħax-xagħri.” Barra minn hekk, il-profeta taʼ Ġeħova, Naħum, ukoll qal: “Isirqu l-fidda; isirqu d-deheb; . . . Belt vojta, magħmula baħħ, u mħarbta! . . . Kulmin jarak jaħrab ’il bogħod minnek u jgħid, ‘Ninwe saret ħerba!’” (Sof. 2:13; Naħ. 2:9, 10; 3:7) In-nies li semgħu dawn il-profeziji forsi ħasbu: ‘Dan kif qatt jistaʼ jiġri? Kif jistaʼ xi ħadd jirbaħ lill-Assirja?’ Kienet tidher impossibbli.
Imma hekk ġara! Ftit qabel is-sena 600 QK, il-Babiloniżi u l-Medi rebħu lill-Assirja. F’Ninwe ma baqgħux jgħixu nies, u maż-żmien din il-belt intesiet kompletament! Skont pubblikazzjoni li ħarġet minn The Metropolitan Museum of Art fi New York, “din il-belt ġiet abbandunata u mirduma, u n-nies kienu jsiru jafu biha mill-Bibbja biss.” Skont il-Biblical Archaeology Society, madwar is-sena 1800 wara Kristu (WK), “ħadd ma kien jaf jekk il-belt taʼ Ninwe kinitx vera teżisti.” Imma fl-1845, l-arkeologu Austen Henry Layard beda jħaffer fejn qabel kien hemm il-belt taʼ Ninwe. Dak li sab wera li Ninwe kienet belt impressjonanti.
Il-fatt li l-profeziji dwar Ninwe seħħew bl-eżatt isaħħilna l-fidi li l-profeziji tal-Bibbja dwar il-qerda tal-gvernijiet fi żmienna wkoll se jseħħu.—Dan. 2:44; Riv. 19:15, 19-21.