Kont Taf?
Il-briks li nstabu f’Babilonja u l-mod kif kienu jsiru, kif jaqblu maʼ dak li tgħid il-Bibbja?
FEJN kien hemm il-belt taʼ Babilonja, l-arkeoloġi sabu ħafna briks kbar li kienu ntużaw biex jibnu l-belt. Skont l-arkeologu Robert Koldewey, dan it-tip taʼ briks kien isir ġo tip taʼ forn “barra mill-belt, fejn kien hemm tafal tajjeb biex jinħadem u ħafna ħaxix biex jużaw għan-nar.”
L-arkeoloġi sabu wkoll evidenza li dawk fil-gvern f’Babilonja użaw il-fran għall-affarijiet koroh. Paul-Alain Beaulieu, professur li hu espert fuq l-istorja u l-lingwa tal-Assirja fl-Università taʼ Toronto, jgħid: “Xi kitbiet minn Babilonja juru li r-re kien jikkmanda biex kull min ma jobdihx jew ma jirrispettax l-allat taʼ Babilonja jintefaʼ ġol-forn u jinħaraq.” Pereżempju, kitba waħda minn żmien Nebukadnessar tgħid: “Eqirduhom, aħarquhom, . . . daħħluhom fil-forn, . . . itfgħuhom fin-nar u oqtluhom.”
Dan ifakkarna f’dak li hemm miktub f’Danjel kapitlu 3. Hemmhekk naqraw li r-Re Nebukadnessar għamel statwa kbira tad-deheb barra l-belt taʼ Babilonja. Meta tliet żgħażagħ Ebrej jisimhom Sidrak, Mesak, u Għabednego ma ridux iqimu l-istatwa, Nebukadnessar irrabja ħafna. Hu kmanda “biex isaħħnu l-forn sebaʼ darbiet iktar milli kienu jsaħħnuh is-soltu,” u tefgħu t-tliet żgħażagħ fil-forn. Imma anġlu b’saħħtu salvahom mill-mewt.—Dan. 3:1-6, 19-28.
Il-briks li sabu f’Babilonja jaqblu maʼ dak li tgħid il-Bibbja. Ħafna minnhom għandhom kliem li jfaħħar lir-re. Waħda minnhom tgħid: “Nebukadnessar, ir-Re taʼ Babilonja . . . Il-palazz, li jien l-Aqwa Re bnejt . . . Jalla d-dixxendenti tiegħi jmexxu fih għal dejjem.” Dan hu simili għal dak li hemm miktub f’Danjel 4:30, fejn Nebukadnessar ftaħar: “M’hijiex din Babilonja l-Kbira, li jien bnejt għad-dar irjali bis-saħħa taʼ setegħti u għad-dinjità tal-maestà tiegħi?”