Mistoqsijiet mill-Qarrejja
Kemm kienet għolja l-intrata tat-tempju taʼ Salamun?
L-intrata kienet parti mid-daħla tal-Qaddis fit-tempju. Skont l-edizzjonijiet tat-Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida taʼ l-Iskrittura Mqaddsa li ħarġu qabel l-2023, “il-loġġa li kienet quddiem it-tul kienet għoxrin kubitu, quddiem il-wisaʼ tad-dar, u l-għoli tagħha kien mija u għoxrin.” (2 Kron. 3:4) Traduzzjonijiet oħra jgħidu li l-intrata kienet għolja “120 kubitu,” jiġifieri 53 metru.
Imma t-Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida taʼ l-Iskrittura Mqaddsa tal-2023, dwar l-intrata tat-tempju taʼ Salamun tgħid: “L-għoli tagħha kien 20 kubitu,” jiġifieri disaʼ metri. a Ħa naraw xi raġunijiet għal din il-bidla.
L-għoli tal-intrata mhux imsemmi fl-1 Slaten 6:3. Ġeremija kiteb it-tul u l-fond tal-intrata, imma mhux l-għoli. Fil-kapitlu taʼ wara hu jsemmi ħafna dettalji taʼ affarijiet oħrajn li kien hemm fit-tempju, bħall-Baħar tal-metall imdewweb, l-għaxar karrijiet, u ż-żewġ kolonni tar-ram li kienu fuq in-naħa taʼ barra tal-intrata. (1 Slat. 7:15-37) Kieku l-intrata kienet għolja iktar minn 50 metru u kienet ħafna itwal mill-kumplament tat-tempju, Ġeremija għala ma semmiex l-għoli tagħha? Mijiet taʼ snin wara, kittieba Lhud qalu li l-intrata ma kinitx iktar għolja mit-tempju taʼ Salamun.
Xi studjużi għandhom dubju jekk il-ħitan tat-tempju setgħux iżommu intrata għolja 120 kubitu. Fl-antik kienu jibnu ħafna bini għoli u bil-briks, bħal pereżempju d-daħla tat-tempju fl-Eġittu. Normalment dawn kienu jkunu wesgħin minn isfel u iktar ma jogħlew ’il fuq, iktar isiru dojoq. Imma t-tempju taʼ Salamun kien differenti. Xi studjużi jgħidu li l-ħitan ma kinux wesgħin iktar minn 6 kubiti, jiġifieri 2.7 metri. L-istudjuż tal-arkitettura Theodor Busink qal: “Skont il-wisaʼ [tad-daħla tat-tempju], l-intrata ma setgħetx kienet [għolja] 120 kubitu.”
Il-kliem fit-2 Kronaki 3:4 setaʼ ġie kkopjat ħażin. F’xi kitbiet antiki, f’dal-vers hemm miktub “120.” Imma f’kitbiet oħra li tistaʼ tafdahom, bħall-manuskritt Alexandrinus li ilu iktar minn 1,500 sena u l-manuskritt Ambrosianus li ilu iktar minn 1,400 sena, f’dan il-vers hemm miktub “20 kubitu.” Allura xi ħadd li jikkopja l-Bibbja għala setaʼ ħa żball u kiteb “120”? Bl-Ebrajk, il-kliem “mija” u “kubitu” jinkitbu b’mod simili. Allura dak li kien qed jikkopja setaʼ kiteb “mija” minflok “kubitu.”
Aħna nipprovaw nifhmu d-dettalji tat-tempju taʼ Salamun bl-aħjar mod, imma niffokaw l-iżjed fuq x’jirrappreżenta, jiġifieri t-tempju spiritwali. Kemm napprezzaw li Ġeħova stieden lill-qaddejja kollha tiegħu biex jaqduh f’dan it-tempju!—Lhud 9:11-14; Riv. 3:12; 7:9-17.
a Nota taʼ taħt fil-Bibbja tgħid li “xi manuskritti antiki jgħidu ‘120,’ filwaqt li manuskritti oħrajn u xi traduzzjonijiet jgħidu ‘20 kubitu.’”