Lefèvre d’Étaples—Hu ried li n-nies komuni jsiru jafu l-Kelma t’Alla
DARBA minnhom, il-Ħadd filgħodu, fil-bidu tas-snin 20 tas-seklu 16, l-abitanti taʼ Meaux, belt żgħira qrib Pariġi, ma setgħux jemmnu lil widnejhom xħin kienu fil-Knisja. Huma kienu qed jisimgħu l-qari tal-Evanġelji bil-lingwa tagħhom stess—bil-Franċiż minflok bil-Latin!
It-traduttur tal-Bibbja li kien ħa din l-inizjattiva, Jacques Lefèvre d’Étaples (bil-Latin, Jacobus Faber Stapulensis), iktar tard kiteb lil ħabib tal-qalb tiegħu: “Lanqas tistaʼ timmaġina kif Alla qed jgħin lil ħafna nies jifhmu l-Kelma tiegħu.”
F’dak iż-żmien, il-Knisja Kattolika u t-teologi f’Pariġi kienu jopponu li tiġi tradotta l-Bibbja f’lingwi komuni. Allura x’qanqal lil Lefèvre biex jittraduċi l-Bibbja bil-Franċiż? U kif irnexxielu jgħin lin-nies komuni jifhmu l-Kelma t’Alla?
IFITTEX IT-TIFSIR VERU TAL-ISKRITTURA
Qabel ma sar traduttur tal-Bibbja, Lefèvre iddedika ħajtu biex iġib lura t-tifsir oriġinali taʼ xogħlijiet klassiċi tal-filosofija u t-teoloġija. Hu nnota li spiss inbidlet it-tifsira oriġinali tagħhom minħabba sekli taʼ traduzzjonijiet li kien fihom żbalji u ideat ħżiena. Hekk kif kien qed ifittex it-tifsir veru tal-kitba tal-qedem, hu beda jistudja bir-reqqa l-Bibbja li kienet qed tintuża mill-Knisja Kattolika, il-Vulgata Latina.
Il-ħeġġa li kellu biex jistudja l-Iskrittura wasslitu għall-konklużjoni li l-istudju tal-verità divina biss iwassal lil dak li jkun biex ikun ferħan verament. Għalhekk, Lefèvre ma baqax jistudja l-filosofija u minflok intefaʼ b’ruħu u b’ġismu jittraduċi l-Bibbja.
Fl-1509, Lefèvre ippubblika studju li kien iqabbel ħames verżjonijiet bil-Latin tas-Salmi, * inkluż il-korrezzjoni tiegħu stess tal-Vulgata. B’differenza minn teologi oħra taʼ żmienu, hu stinka biex isib mod naturali u sempliċi biex jittraduċi siltiet tal-Bibbja. Il-metodu tiegħu kif kien jinterpreta l-Iskrittura kellu influwenza kbira fuq studjużi tal-Bibbja u riformaturi oħrajn.—Ara l-kaxxa “ Kif Martin Luteru ġie influwenzat minn Lefèvre.”
Bħala Kattoliku, Lefèvre kien konvint li riforma fil-knisja kienet biss possibbli jekk l-Iskrittura tiġi mgħallma kif suppost lin-nies komuni. Imma n-nies komuni kif kienu se jibbenefikaw mill-Iskrittura fi żmien meta dawn il-kotba mqaddsa kienu fil-biċċa l-kbira bil-Latin?
TRADUZZJONI TAL-BIBBJA DISPONIBBLI GĦAL KULĦADD
L-imħabba kbira li Lefèvre kellu għall-Kelma t’Alla kompliet issaħħaħ id-determinazzjoni tiegħu biex jagħmel l-Iskrittura disponibbli għal kemm jistaʼ jkun nies. Biex jilħaq din il-mira, f’Ġunju tal-1523, hu ppubblika traduzzjoni tal-Evanġelji bil-Franċiż f’żewġ volumi żgħar. Dan id-daqs—li kien jiswa nofs il-prezz taʼ edizzjoni normali—għamilha iktar faċli għan-nies taʼ ftit mezzi biex jiksbu kopja tal-Bibbja.
In-nies komuni aġixxew mill-ewwel u b’entużjażmu. In-nies, kemm irġiel kif ukoll nisa, tant kellhom ħeġġa biex jaqraw dak li qal Ġesù bil-lingwa tagħhom stess li l-ewwel 1,200 kopja li ġew stampati spiċċaw wara biss ftit xhur.
WAQFA KURAĠĠUŻA GĦALL-BIBBJA
Fl-introduzzjoni tal-Evanġelji, Lefèvre spjega li hu kien ittraduċiehom bil-Franċiż sabiex “il-membri komuni” tal-knisja “jkunu ċerti mill-verità tal-evanġelji bħal dawk li jifhmu l-evanġelji bil-Latin.” Imma Lefèvre għala kellu daqstant ħeġġa biex jgħin lin-nies komuni jsiru jafu x’tgħallem il-Bibbja verament?
Lefèvre kien konxju tal-ħsara li ħallew it-tagħlim u l-filosofija tal-bniedem fuq il-Knisja Kattolika. (Marku 7:7; Kolossin 2:8) U hu kien konvint li kien wasal iż-żmien biex l-Evanġelji “jiġu mxandra b’mod ċar madwar id-dinja sabiex in-nies ma jibqgħux jiġu żvijati minn duttrini tal-bniedem.”
Lefèvre stinka wkoll biex joħroġ fil-beraħ ir-raġunament żbaljat taʼ dawk li kienu jopponu t-traduzzjoni tal-Bibbja bil-Franċiż. Hu kixef l-ipokresija tagħhom quddiem kulħadd billi qal: “Kif se jgħallmu [lin-nies] biex josservaw dak kollu li qal Ġesù Kristu jekk lanqas biss huma lesti li jħallu lin-nies komuni jaraw u jaqraw l-Evanġelji t’Alla bil-lingwa tagħhom stess?”—Rumani 10:14.
Mhux taʼ b’xejn li t-teologi tal-Università taʼ Pariġi—is-Sorbonne—malajr ipprovaw isikktu lil Lefèvre. F’Awwissu tal-1523, huma oġġezzjonaw għat-traduzzjonijiet u l-ispjegazzjonijiet bil-lingwi komuni tal-Bibbja u kkunsidrawhom bħala li huma taʼ “ħsara għall-Knisja.” Li ma kienx għall-intervent tar-re Franċiż, Francis I, Lefèvre kieku kien jiġi kkundannat bħala eretiku, jew bħala wieħed li jaħdem kontra l-Knisja.
IT-TRADUTTUR “SIEKET” LESTA XOGĦLU
Lefèvre ma ħalliex dibattiti jaħarqu dwar xogħlu jaljenawh milli jittraduċi l-Bibbja. Fl-1524, wara li lesta t-traduzzjoni tal-Iskrittura Griega (l-hekk imsejjaħ it-Testment il-Ġdid), hu ppubblika traduzzjoni tas-Salmi bil-Franċiż sabiex dawk li jemmnu jkunu jistgħu jitolbu “b’iktar devozzjoni u iktar mill-qalb.”
It-teologi tas-Sorbonne immedjatament bdew jeżaminaw bir-reqqa t-traduzzjoni taʼ Lefèvre. Minnufih huma ordnaw biex it-traduzzjoni tiegħu tal-Iskrittura Griega tiġi maħruqa fil-pubbliku, u huma kkritikaw bl-aħrax xi kitbiet oħrajn li kienu “jiffavorixxu l-ereżija taʼ Luteru.” Meta t-teologi sejħulu biex jagħti spjegazzjoni, Lefèvre iddeċieda li jibqaʼ “sieket” u ħarab lejn Strasburgu. Imbagħad, b’mod diskret kompla jittraduċi l-Bibbja. Minkejja li xi wħud ikkunsidraw il-waqfa tiegħu bħala li ma kinitx kuraġġuża, hu kien jemmen li dan kien l-aħjar mod kif iwieġeb lil dawk li ma kinux japprezzaw il-“perli” prezzjużi tal-verità tal-Bibbja.—Mattew 7:6.
Kważi sena wara li ħarab, ir-Re Francis I ħatar lil Lefèvre bħala l-għalliem tat-tifel tiegħu t’erbaʼ snin, Charles. B’dan l-inkarigu, Lefèvre kellu ħafna ħin biex ilesti t-traduzzjoni tiegħu tal-Bibbja. Fl-1530, it-traduzzjoni tiegħu tal-Bibbja sħiħa ġiet stampata barra minn Franza, f’Antwerp, fil-Belġju, bl-approvazzjoni tal-Imperatur Karlu V. *
TAMIET KBAR U L-AĦĦAR DISPJAĊIRI
Matul ħajtu, Lefèvre ittama li l-knisja titlaq it-tradizzjonijiet tal-bniedem u terġaʼ lura għall-għarfien veru tal-Iskrittura. Hu kien jemmen b’qalbu kollha li “kull Kristjan għandu d-dritt, anzi għandu d-dmir, li jaqra u jitgħallem il-Bibbja persunalment.” U kien għalhekk li ħadem tant iebes biex jagħmel il-Bibbja disponibbli għal kulħadd. Minkejja li x-xewqa tiegħu li jara l-knisja tikkoreġi t-tagħlim tagħha ma seħħx, ħadd ma jistaʼ jiċħad dak li wettaq Lefèvre—hu għen lin-nies komuni jsiru jafu l-Kelma t’Alla.
^ par. 8 Il-Fivefold Psalter kien fih ħames verżjonijiet tas-Salmi f’kolonni separati u inkluda lista taʼ titli li japplikaw għal Alla, inkluż it-Tetragrammaton, l-erbaʼ ittri Ebrajċi li jirrappreżentaw l-isem t’Alla.
^ par. 21 Ħames snin wara, fl-1535, it-traduttur Franċiż Olivétan stampa t-traduzzjoni tiegħu tal-Bibbja li kienet ibbażata fuq il-lingwi oriġinali. Hu straħ ħafna fuq ix-xogħlijiet taʼ Lefèvre meta kien qed jittraduċi l-Iskrittura Griega.