X’Inhu Tajjeb u Ħażin: Gwida li Taħdem
Il-Bibbja għenet lil miljuni taʼ nies f’erbaʼ aspetti tal-ħajja tagħhom.
1. Iż-Żwieġ
In-nies għandhom opinjonijiet differenti dwar iż-żwieġ u dwar dak li għandhom jagħmlu biex ikollhom żwieġ ferħan.
IL-BIBBJA TGĦID: “Kull wieħed minnkom għandu jħobb lill-mara tiegħu bħalu nnifsu; mill-banda l-oħra, il-mara għandu jkollha rispett kbir għar-raġel tagħha.” —Efesin 5:33.
DAN XI JFISSER: Iż-żwieġ għamlu Alla, għalhekk hu jaf x’għandhom bżonn koppja biex ikunu ferħanin. (Marku 10:6-9) Koppja jistgħu jgħixu ħajja ferħana billi ma jiffokawx fuqhom infushom, imma jaraw x’jistgħu jagħtu lil xulxin biex ikollhom żwieġ b’saħħtu. Raġel juri li jħobb lill-mara tiegħu billi jittrattaha sew u jieħu ħsiebha, u mara turi li tirrispetta lir-raġel tagħha bil-mod kif tkellmu u taġixxi miegħu.
DAK LI TGĦID IL-BIBBJA JAĦDEM: Quang u Thi, mill-Vjetnam, ħasbu li qatt ma kienu se jkunu ferħanin fiż-żwieġ tagħhom. Quang spiss ma kienx qalbu tajba mal-mara tiegħu. Fil-fatt hu qal: “Ma kienx jimpurtani mis-sentimenti tagħha u dan ġegħelha tħossha mweġġgħa.” Thi riedet tiddivorzjah. Hi qalet: “Ma stajtx inkompli nafdah u nirrispettah.”
Maż-żmien, Quang u Thi tgħallmu dak li tgħid il-Bibbja u kif setgħu japplikaw Efesin 5:33 fiż-żwieġ tagħhom. Quang qal: “Dan il-vers għenni nara kemm hu importanti li nkun qalbi tajba, nuriha li nħobbha, u nieħu ħsiebha materjalment, fiżikament, u emozzjonalment. Meta għamilt dan hi bdiet tħobbni u tirrispettani iktar.” U Thi tgħid, “Iktar ma bdejt napplika Efesin 5:33 u nirrispetta lil Quang, iktar bdejt inħossni maħbuba, protetta, u fil-paċi.”
Għal iktar informazzjoni dwar iż-żwieġ, aqra Stenbaħ! Nru. 2 2018, bit-titlu “12-il sigriet taʼ familji li jirnexxu” fuq jw.org.
2. Kif Tittratta lil Oħrajn
Spiss in-nies jittrattaw ħażin lil oħrajn minħabba n-nazzjonalità, id-dehra, ir-reliġjon, jew l-orjentazzjoni sesswali tagħhom.
IL-BIBBJA TGĦID: “Onoraw lil kull xorta taʼ bnedmin.”—1 Pietru 2:17.
DAN XI JFISSER: Il-Bibbja turina b’mod ċar li m’għandniex nobogħdu lin-nies taʼ nazzjonalità oħra jew li huma omosesswali. Anzi tinkuraġġina biex nirrispettaw lin-nies kollha, huma minn fejn huma u sew jekk huma sinjuri u sew jekk huma fqar. (Atti 10:34) Anki jekk ma naqblux maʼ dak li jemmnu jew jagħmlu oħrajn, aħna xorta rridu nittrattawhom b’qalb tajba u nuruhom rispett.—Mattew 7:12.
DAK LI TGĦID IL-BIBBJA JAĦDEM: Daniel ġie mgħallem li n-nies mill-Asja kienu taʼ periklu għal pajjiżu. Għalhekk, hu beda jobgħodhom u spiss kien jgħajjarhom quddiem in-nies. Daniel jgħid: “Jien kont qed naħseb li qed naqbeż għal pajjiżi, u ma ħsibtx li l-mod kif kont qed naħseb u naġixxi kien ħażin.”
Maż-żmien Daniel tgħallem dwar dak li tgħid il-Bibbja. Hu jgħid, “kelli nbiddel il-mod taʼ kif kont qed naħseb u nara n-nies kif jarahom Alla. Għalih kulħadd l-istess, jiġu minn fejn jiġu.” Daniel issa jħossu differenti meta jiltaqaʼ maʼ nies taʼ nazzjonalità oħra. Hu jgħid: “Spiss lanqas nagħti kas minn fejn huma. Jien inħobb lil kulħadd u għandi ħbieb mad-dinja kollha.”
Għal iktar informazzjoni aqra Stenbaħ! Nru. 3 2020, bit-titlu “Hemm Fejqan għall-Preġudizzju?” fuq jw.org.
3. Il-Flus
Ħafna nies jaħsbu li biex ikunu ferħanin u jkollhom futur sabiħ iridu jkunu sinjuri.
IL-BIBBJA TGĦID: “L-għerf hu taʼ protezzjoni bħall-flus, imma l-vantaġġ taʼ li wieħed ikollu l-għerf u l-għarfien hu li dawn se jsalvawlu ħajtu.”—Ekkleżjasti 7:12.
DAN XI JFISSER: Vera li għandna bżonn il-flus, imma l-flus ma jagħtuniex garanzija li se nkunu ferħanin u jkollna futur sabiħ. (Proverbji 18:11; 23:4, 5) Aħna nkunu ferħanin u se jkollna futur sabiħ jekk napplikaw l-għerf li nsibu fil-Bibbja.—1 Timotju 6:17-19.
DAK LI TGĦID IL-BIBBJA JAĦDEM: Cardo, raġel mill-Indoneżja, għamel minn kollox biex isir sinjur. Hu jgħid: “Kelli kull ħaġa li n-nies joħolmu dwarha, stajt insiefer, nixtri affarijiet li jiswew il-flus, karozzi, u djar lussużi.” Imma l-flus li kellu ma tantx damu għandu. Cardo jkompli jgħid: “Spiċċajt vittma taʼ frodi u serquli l-flus kollha li kont ħdimt iebes għalihom. Jien kont ħdimt iebes għal ħafna snin biex insir sinjur, imma mbagħad ħassejtni ddiżappuntat u ma niswa għal xejn għax kont tlift kollox.”
Issa Cardo m’għadux jiffoka fuq il-flus imma għażel li jgħix ħajja sempliċi għax hu qed japplika dak li tgħid il-Bibbja dwar il-flus. Hu jgħid: “Issa sinjur vera għax għandi ħbiberija tajba m’Alla. Issa norqod moħħi mistrieħ u nħossni vera ferħan.”
Għal iktar informazzjoni dwar dak li tgħid il-Bibbja dwar il-flus, aqra l-artiklu bl-Ingliż “Can Education and Money Guarantee a Secure Future?” f’It-Torri tal-Għassa Nru. 3 2021, fuq jw.org.
4. Is-Sess
In-nies għandhom ħafna opinjonijiet differenti dwar is-sess.
IL-BIBBJA TGĦID: “Dak li jrid Alla hu li tkunu qaddisin u tirrifjutaw l-immoralità sesswali. Kull wieħed minnkom għandu jkun jaf kif jikkontrolla lil ġismu biex iżommu qaddis u onorabbli, u m’għandux iċedi għal xewqat sesswali bla kontroll b’regħba, bħalma jagħmlu n-nies li ma jafux lil Alla.”—1 Tessalonikin 4:3-5.
DAN XI JFISSER: Il-Bibbja tgħidilna x’nistgħu u x’ma nistgħux nagħmlu fejn jidħlu x-xewqat tagħna dwar is-sess. “L-immoralità sesswali” tinkludi l-adulterju, il-prostituzzjoni, is-sess bejn dawk li mhumiex miżżewġin lil xulxin, l-omosesswalità, u l-bestjalità. (1 Korintin 6:9, 10) Ir-relazzjoni sesswali hija rigal mingħand Alla li taha biss lil raġel u mara miżżewġin.—Proverbji 5:18, 19.
DAK LI TGĦID IL-BIBBJA JAĦDEM: Mara mill-Awstralja jisimha Kylie tgħid: “Meta kont single ħsibt li jekk nagħmel is-sess maʼ xi ħadd, se jħobbni u jieħu ħsiebi. Imma mhux hekk ġara, anzi ħassejtni ansjuża u qalbi maqsuma.”
Iktar tard, Kylie tgħallmet dak li tgħid il-Bibbja dwar is-sess u bdiet tapplikah f’ħajjitha. Hi tgħid: “Issa nistaʼ nifhem li dak li jgħidilna Alla hu għall-ġid tagħna u biex ma nweġġgħux, għalhekk qed nagħmel l-affarijiet kif jixtieq Ġeħova. Illum għandi raġel li jieħu ħsiebi u jħobbni. Minħabba li nobdi dak li tgħid il-Bibbja evitajt ħafna wġigħ taʼ qalb!”
Għal aktar informazzjoni aqra l-artiklu “Il-Bibbja X’Tgħid dwar li Raġel u Mara Jgħixu Flimkien Mingħajr Ma Jkunu Miżżewġin?” fuq jw.org.
Il-Ħallieq tagħna jgħinna nkunu nafu x’inhu tajjeb u ħażin. Għalkemm mhux dejjem ikun faċli nobdu dak li jgħidilna Alla, meta nobdu se jkun taʼ ġid għalina u se nkunu ferħanin.