Jinnotak Alla?
DAK LI JGĦALLIMNA L-ĦOLQIEN
L-ewwel siegħa taʼ ħajja taʼ tarbija barra l-ġuf hu perjodu kritiku taʼ aġġustament. Għala? Għax it-tfal jistgħu jikbru u jiżviluppaw ħafna aħjar jekk l-ommijiet ikollhom rabta emozzjonali qawwija mat-trabi tagħhom matul dan il-ħin kritiku. *
Xi jġiegħel lil omm tieħu ħsieb b’tenerezza lit-tarbija tat-twelid tagħha? Il-Professur Jeannette Crenshaw f’The Journal of Perinatal Education tispjega li ammont kbir tal-ormon ossitosin “iqanqal is-sentimenti tal-omm wara li twelled hekk kif l-omm tmiss, tħares lejn, u treddaʼ t-tarbija tagħha.” Ormon ieħor li jiżdied f’dan il-perjodu “jgħin lill-omm tirreaġixxi għall-bżonnijiet tat-tarbija tagħha” u jsaħħaħ il-komunikazzjoni u l-kuntatt magħha. Dan għala hu sinifikanti?
Ir-rabta mill-qrib bejn l-omm u t-tarbija ġiet disinjata mill-Ħallieq tagħna kollu mħabba, Alla Ġeħova. * Is-Sultan David ta ġieh lil Alla għax kien hu li ħarġu mill-ġuf u ġiegħlu jħossu fis-sigurtà fi ħdan ommu. Hu talab: “F’idejk kont merħi [jew, “fdat”] sa mill-ġuf; sa minn żaqq ommi int kont Alla tiegħi.”—Salm 22:9, 10.
IKKUNSIDRA: Jekk Alla ħalaq sistema tant komplikata biex jagħmel ċert li omm umana b’tenerezza tagħti kas u tieħu ħsieb il-bżonnijiet tat-tarbija tagħha, ma jagħmilx sens li naħsbu li Alla jieħu wkoll interess persunali fina, “ulied Alla”?—Atti 17:29.
DAK LI L-BIBBJA TGĦALLIMNA DWAR IL-ĦARSIEN KOLLU MĦABBA T’ALLA
Ġesù Kristu, li jaf lill-Ħallieq aħjar minn kull persuna oħra, għallem: “Ma jinbigħux żewġ għasafar tal-bejt għal munita taʼ valur żgħir? Iżda lanqas wieħed minnhom ma jaqaʼ fl-art mingħajr ma jkun jaf Missierkom. Għax saħansitra x-xagħar taʼ raskom kollu hu magħdud. Għalhekk tibżgħux: intom tiswew iktar minn ħafna għasafar tal-bejt.”—Mattew 10:29-31.
Huma ftit dawk li jagħtu kas kull għasfur żgħir li jaraw, aħseb u ara kemm jinnotaw meta wieħed minnhom jaqaʼ. Imma Missierna tas-smewwiet jinnota lil kull wieħed minnhom! U l-għasafar—anki ħafna għasafar—qatt ma jiswew daqs bniedem għalih. Għaldaqstant il-lezzjoni hi ċara: Serraħ moħħok, Alla jinnotak. Infatti, hu interessat ferm fik!
Alla jinteressah ħafna mill-benesseri tagħna u jħarisna b’interess kollu mħabba
L-Iskrittura taċċertana
-
“Għajnejn Ġeħova huma kullimkien, għassa tal-ħżiena u t-tajbin.”—PROVERBJI 15:3.
-
“Għajnejn Ġeħova huma fuq in-nies sewwa, u widnejh miftuħin għall-għajta tagħhom għall-għajnuna.”—SALM 34:15.
-
“Se nifraħ u nithenna bil-qalb tajba bl-imħabba tiegħek, għax int rajt is-sofferenza tiegħi; kont taf bin-niket taʼ ruħi.”—SALM 31:7.
“KONT INĦOSS LI ĠEĦOVA MA KIENX IĦOBBNI”
Jistaʼ l-fatt li nkunu nafu li Alla jinteressah mill-benesseri tagħna u jħarisna b’interess kollu mħabba jagħmel differenza f’ħajjitna? U żgur li iva, bħalma tispjega Hannah * mill-Ingilterra:
“Kien hemm ħafna drabi fejn kont inħoss li Ġeħova ma kienx iħobbni u li t-talb tiegħi ma kienx qed jiġi mwieġeb. Kont naħseb li dan kien minħabba nuqqas taʼ fidi min-naħa tiegħi. Ħassejt li kont qed niġi kkastigata jew injorata għax ma kontx importanti. Ħassejt li Alla ma kienx jimpurtah minni.”
Però, Hannah m’għadx għandha dubju jekk Ġeħova jħobbhiex u jagħtihiex attenzjoni. X’kien li biddel il-mod kif tħossha? “Il-bidla ma saritx mil-lum għall-għada imma bil-mod il-mod,” tispjega hi. “Niftakar li ħafna snin ilu kont smajt taħdita bbażata fuq il-Bibbja dwar is-sagrifiċċju taʼ Ġesù bħala fidwa. Din kellha effett kbir fuqi u għenitni nħossni ċerta mill-imħabba taʼ Ġeħova. U meta t-talb tiegħi jiġi mwieġeb, spiss ninfaqaʼ nibki għax nirrealizza li fuq kollox Ġeħova jħobbni. Ukoll, billi nistudja l-Bibbja u nattendi l-laqgħat Kristjani nitgħallem iktar dwar Ġeħova, il-personalità tiegħu, u l-mod kif iħossu dwarna. Issa qed nara ċar li Ġeħova jappoġġana u jħobbna u li għandu x-xewqa li jieħu ħsiebna individwalment.”
Dak li tgħid Hannah hu inkuraġġanti. Imma kif tistaʼ tkun ċert li Alla jifhem u jiftakar kif tħossok int? L-artiklu li ġej se jikkunsidra din il-mistoqsija.
^ par. 3 Xi ommijiet li jbatu minn dipressjoni wara t-twelid jistgħu jsibuha bi tqila biex ikollhom rabta emozzjonali qawwija mat-tarbija tagħhom. Però, dawn m’għandhomx iħossu li hu t-tort tagħhom. Skont l-Istitut Nazzjonali għas-Saħħa Mentali fl-Istati Uniti, id-dipressjoni wara t-twelid “x’aktarx li tiġi minn għadd taʼ fatturi fiżiċi u emozzjonali . . . imma ma tiġix minn xi ħaġa li tkun għamlet jew m’għamlitx l-omm.” Għal iktar informazzjoni fuq is-suġġett, ara l-artiklu “Nifhmu d-Dipressjoni Wara t-Twelid taʼ Tarbija,” fil-ħarġa taʼ Stenbaħ! tat-8 t’Awwissu 2003.
^ par. 5 Ġeħova hu l-isem t’Alla kif jidher fil-Bibbja.—Salm 83:18.
^ par. 15 Xi ismijiet f’din is-serje t’artikli ġew mibdulin.