Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

SUĠĠETT PRINĊIPALI | X’TGĦID IL-​BIBBJA DWAR IL-​ĦAJJA U L-​MEWT?

Dak li tgħid il-Bibbja dwar il-ħajja u l-mewt

Dak li tgħid il-Bibbja dwar il-ħajja u l-mewt

Meta naqraw ir-​rakkont tal-​ħolqien fil-​ktieb Bibliku tal-​Ġenesi, nitgħallmu li Alla qal lill-​ewwel bniedem, Adam: “Minn kull siġra tal-​ġnien tistaʼ tiekol sakemm tixbaʼ. Imma mis-​siġra taʼ l-​għarfien tat-​tajjeb u l-​ħażin ma tistax tiekol, għax fil-​jum li tiekol minnha int żgur li tmut.” (Ġenesi 2:16, 17) Din l-​istqarrija turi b’mod ċar u sempliċi li kieku Adam obda l-​kmand t’Alla kieku ma kienx se jmut u kien se jibqaʼ ħaj fil-​ġnien tal-​Għeden.

B’dispjaċir, Adam flok għażel li jobdi u jgħix għal dejjem, hu għażel li jinjora l-​kmandi t’Alla u kiel mill-​frotta projbita meta martu, Eva, tathielu. (Ġenesi 3:1-​6) Il-​konsegwenzi taʼ dan l-​att taʼ diżubbidjenza għadhom magħna sal-​lum. L-​appostlu Pawlu ta din l-​ispjegazzjoni: “Huwa għalhekk li bħalma permezz taʼ bniedem wieħed id-​dnub daħal fid-​dinja, u permezz tad-​dnub il-​mewt, u b’hekk il-​mewt infirxet fuq il-​bnedmin kollha għax kollha dinbu.” (Rumani 5:12) Bla dubju taʼ xejn, dan il-​“bniedem wieħed” kien Adam. Imma x’kien id-​dnub, u għala wassal għall-​mewt?

Dak li Adam għamel—li apposta m’obdiex il-​liġi t’Alla jew kisirha—hu dnub. (1 Ġwanni 3:4) U l-​kastig tad-​dnub hu l-​mewt, bħalma Alla kien qal lil Adam. Li kieku Adam—u n-​nisel futur tiegħu—baqgħu ubbidjenti lejn il-​kmandi t’Alla, kieku ma kienx se jkun hemm dnub u ma kienx se jkollhom jesperjenzaw il-​mewt. Alla ma ħalaqx lin-​nies biex imutu imma biex jgħixu—saħansitra għal dejjem.

Kulħadd jaqbel maʼ dak li tgħid il-​Bibbja dwar li l-​mewt “infirxet fuq il-​bnedmin kollha.” Imma hemm xi parti minna li tibqaʼ tgħix wara li mmutu? Ħafna jgħidu iva, li parti minna—xi ħaġa li tissejjaħ ruħ—hi immortali. Madankollu, dan kieku jfisser li Alla gideb lil Adam. Dan kif? Għax li kieku parti minna tmur tgħix f’post ieħor wara li mmutu, kieku l-​mewt ma kinitx se tkun il-​kastig tad-​dnub bħalma qal Alla. Il-​Bibbja tgħid: “Hu impossibbli li Alla jigdeb.” (Ebrej 6:18) Fir-​realtà, kien Satana li gideb meta qal lil Eva: “Żgur li ma tmutux.”—Ġenesi 3:4.

Dan iqajjem il-​mistoqsija, Jekk it-​tagħlim tal-​immortalità tar-​ruħ hu bbażat fuq gidba, mela allura x’jiġri verament meta mmutu?

IL-​BIBBJA HIJA ĊARA

Ir-​rakkont tal-​Ġenesi dwar il-​ħolqien jgħid: “Alla Ġeħova sawwar ir-​raġel mit-​trab taʼ l-​art u nefaħlu fi mnifsejh in-​nifs tal-​ħajja, u r-​raġel sar ruħ ħajja.” L-​espressjoni “ruħ ħajja” hi tradotta mill-​kelma Ebrajka nefex * li letteralment tfisser “ħliqa li tieħu n-​nifs.”—Ġenesi 2:7, nota taʼ taħt.

B’hekk, il-​Bibbja tagħmilha ċara li n-​nies mhumiex maħluqin b’ruħ immortali. Anzi, kull individwu hu “ruħ ħajja.” Huwa għalhekk li tfittex kemm tfittex, ma ssib imkien fil-​Bibbja l-​espressjoni “ruħ immortali.”

Il-​Bibbja ma tgħidx li n-​nies għandhom dik li xi wħud isejħulha ruħ immortali. Allura, għala ħafna reliġjonijiet jgħallmu l-​kuntrarju? It-​tweġiba tiħodna lura għaż-​żmien tal-​Eġittu tal-​qedem.

TAGĦLIM PAGAN IQABBAD L-​GĦERUQ

Erodotu, kittieb Grieg tal-​istorja li għex 2,500 sena ilu, qal li l-​Eġizzjani kienu “l-​ewwel nies li appoġġjaw l-​immortalità tar-​ruħ.” Kultura tal-​qedem oħra, dik taʼ Babilonja, ukoll bdiet ittellaʼ u tniżżel jekk iddaħħalx l-​idea tar-​ruħ immortali. Imma sakemm Alessandru l-​Kbir rebaħ il-​Lvant Nofsani fis-​sena 332 QK (qabel Kristu), il-​filosfi Griegi kienu taw spinta lil dan it-​tagħlim, u b’hekk dan malajr infirex mal-​Imperu Grieg kollu.

Ma ssib imkien fil-​Bibbja l-​espressjoni “ruħ immortali”

Fl-​ewwel seklu WK (wara Kristu), żewġ setet Lhud prominenti, l-​Esseni u l-​Fariżej, għallmu li r-​ruħ tibqaʼ ħajja wara li jmut il-​ġisem. The Jewish Encyclopedia tgħid: “Il-​Lhud bdew iħaddnu t-​twemmin tal-​immortalità tar-​ruħ għax ġew influwenzati minn filosofija Griega u prinċipalment mill-​filosofija taʼ Platun.” Bl-​istess mod, fl-​ewwel seklu, kittieb tal-​istorja Lhudi li kien jismu Ġużeppi Flavju ma qalx li dan it-​tagħlim kien ġej mill-​Iskrittura Mqaddsa, imma li kien ġej mit-​“twemmin tal-​ulied Griegi.” Dan it-​twemmin kien jikkunsidrah bħala ġabra taʼ ħrejjef u leġġendi.

Hekk kif l-​influwenza tal-​kultura Griega kompliet tinfirex, dawk li kienu jgħidu li huma Kristjani aċċettaw dan it-​tagħlim pagan ukoll. Skont l-​istorjografu Jona Lendering, “L-​ipotesi taʼ Platun li r-​ruħ tagħna xi darba kienet f’post aħjar u li issa qed tgħix f’dinja midinba, għamlitha faċli biex tgħaqqad il-​filosofija platonika mal-​Kristjanità.” B’hekk, id-​duttrina pagana tar-​ruħ immortali kienet daħlet fil-​knisja “Kristjana” u saret parti fundamentali mit-​twemmin tagħha.

“IL-​VERITÀ TEĦLISKOM”

Fl-​ewwel seklu, l-​appostlu Pawlu ta din it-​twissija: “Il-​kliem imnebbaħ jgħid fiż-​żgur li f’xi żminijiet iktar tard xi wħud jitbiegħdu mill-​fidi għax jagħtu kas kliem imnebbaħ li jqarraq u tagħlim tad-​demonji.” (1 Timotju 4:1) Kemm wera li kien minnu dan il-​kliem! Id-​duttrina tar-​ruħ immortali hija biss eżempju wieħed tat-​“tagħlim tad-​demonji.” Din id-​duttrina ma tinsabx fil-​Bibbja, u l-​għeruq tagħha ġejjin minn reliġjonijiet u filosofiji pagani tal-​qedem.

Kemm aħna grati li Ġesù qal: “Tkunu tafu l-​verità, u l-​verità teħliskom.” (Ġwanni 8:32) Peress li niksbu għarfien eżatt tal-​verità tal-​Bibbja, aħna ninħelsu mit-​tagħlim u l-​prattiki li huma appoġġjati minn ħafna reliġjonijiet u li ma jonorawx ’l Alla. Iktar minn hekk, il-​verità fil-​Kelma t’Alla teħlisna minn jasar taʼ tradizzjonijiet u superstizzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-​mewt.—Ara l-​kaxxa “ Fejn huma l-​mejtin?

L-​iskop tal-​Ħallieq tagħna għalina l-​bnedmin ma kienx li ngħixu 70 jew 80 sena biss fuq l-​art u li mbagħad inqattgħu l-​eternità fis-​sema jew f’dinja tal-​ispirti. L-​iskop oriġinali tiegħu għall-​bnedmin kien li ngħixu għal dejjem hawnhekk fuq l-​art bħala wlied ubbidjenti. Dan l-​iskop mill-​isbaħ huwa mod kif Alla juri mħabbtu lejn l-​umanità, u dan l-​iskop għadu jgħodd. (Malakija 3:6) Is-​salmista ġie ispirat biex jikteb dan il-​kliem taʼ faraġ: “Il-​ġusti se jirtu l-​art, u jgħammru fiha għal dejjem.”—Salm 37:29.

 

^ par. 9 Ħafna traduzzjonijiet moderni jpoġġuha “ħlejqa ħajja,” Il-​Bibbja, Għaqda Biblika Maltija, It-​Tieni u It-​Tielet Edizzjoni; “ħliqa ħajja,” Il-​Bibbja taʼ Saydon; “esseri ħaj,” The Jerusalem Bible; jew sempliċiment “beda jgħix,” Today’s English Version.