Ħarsa xierqa lejn l-iżbalji
Don u Margaret * ħadu pjaċir biż-żjara taʼ binthom u l-familja tagħha. Għall-aħħar ikla flimkien, Margaret, li qabel kienet koka professjonali, sajret imqarrun biz-zalza tal-ġobon, xi ħaġa li kienu jħobbuha ħafna ż-żewġ neputijiet tagħha.
Kulħadd kien lest bilqiegħda mal-mejda, u Margaret ġabet l-ikla prinċipali u poġġietha fin-nofs. Għolliet l-għatu, u lanqas riedet temmen lil għajnejha, fl-iskutella kien hemm biss iz-zalza taħraq tal-ġobon! Margaret kienet insiet titfaʼ l-ingredjent prinċipali, l-imqarrun!
Għandna kemm għandna età jew esperjenza, ilkoll niżbaljaw. Jistaʼ jkun li ngħidu xi kelma bla ħsieb jew nagħmlu xi ħaġa tajba imma mhux fil-ħin xieraq. Jew sempliċement ninsew nagħmlu xi ħaġa jew toħroġilna minn moħħna. Għala niżbaljaw? Kif nistgħu nkampaw mal-iżbalji? Nistgħu nevitawhom? Li jkollna ħarsa xierqa lejn l-iżbalji se jgħinna nwieġbu dawn il-mistoqsijiet.
L-IŻBALJI—IL-ĦARSA TAGĦNA U T’ALLA
Meta nagħmlu xi ħaġa tajba, ma niddejqux naċċettaw it-tifħir u l-kumplimenti, speċjalment jekk inħossu li jistħoqqilna. Meta niżbaljaw, anki jekk mhux apposta jew ħadd ma jinduna, m’għandniex bl-istess mod nammettu li għamilna xi ħaġa ħażina? Biex nagħmlu hekk, jeħtieġ li nkunu umli.
Jekk naħsbu li aħna xi ħaġa, għandu mnejn nipprovaw inċekknu l-iżbalji tagħna, inwaħħlu f’ħaddieħor, jew saħansitra niċħdu li żbaljajna. Li naġixxu b’dan il-mod normalment iwassal għal konsegwenzi ħżiena. Il-problema tistaʼ tibqaʼ mhux solvuta, u jistaʼ jeħel xi ħadd ieħor mingħajr ħtija taʼ xejn. U anki jekk għal issa jirnexxilna ngħadduha lixxa, irridu niftakru li fl-aħħar mill-aħħar “kull wieħed minna se jagħti kont tiegħu nnifsu lil Alla.”—Rumani 14:12.
Alla għandu ħarsa realistika lejn l-iżbalji. Fil-ktieb tas-Salmi, Alla hu deskritt bħala li hu “ħanin” u li juri mogħdrija; hu “mhux se joqgħod il-ħin kollu jsib il-ħtija, lanqas ma se jibqaʼ jżomm f’qalbu għal dejjem.” Jaf li l-bnedmin huma imperfetti u jifhem id-dgħufijiet li nitwieldu bihom. Hu “jiftakar li aħna trab.”—Salm 103:8, 9, 14.
Barra minn hekk, bħal missier li juri ħniena, Alla jrid li aħna, uliedu, inqisu l-iżbalji bħalma jqishom hu. (Salm 130:3) Biex jgħinna nkampaw mal-iżbalji tagħna stess u mal-iżbalji t’oħrajn, Alla bi mħabba tana ħafna pariri u gwida fil-Kelma tiegħu.
MODI KIF TISTAʼ TKAMPA MAL-IŻBALJI
Spiss, meta jsiru xi żbalji, xi individwi jqattgħu ħafna ħin u enerġija jaraw f’min se jwaħħlu jew joqogħdu jiġġustifikaw dak li ntqal jew sar. Minflok, jekk bi kliemek weġġajt lil xi ħadd, għala ma tiskużax ruħek u tirranġa l-affarijiet? B’hekk, tibqgħu ħbieb, u qisu qatt ma ġara xejn. Għamilt xi ħaġa ħażina u ħloqt xi inkonvenjenza jew saħansitra
problema għalik innifsek jew għal ħaddieħor? Minflok ma tirrabja miegħek innifsek jew twaħħal f’oħrajn, għala ma tagħmilx l-almu tiegħek biex tirranġa l-affarijiet? Li tibqaʼ tinsisti li mhux tort tiegħek, żgur li se joħloq iktar tensjoni bla bżonn u l-problema tkompli tikber. Mela minflok, tgħallem, irranġa, u ibqaʼ għaddej b’ħajtek.Iżda meta jiżbalja xi ħadd ieħor, ikun faċli ħafna għalina li naġixxu b’tali mod li nuru d-diżapprovazzjoni tagħna. Kemm ikun aħjar li nieħdu l-parir taʼ Ġesù Kristu: “Għalhekk, kulma tridu li l-bnedmin jagħmlulkom, intom tridu tagħmluh lilhom ukoll.” (Mattew 7:12) Meta tagħmel żball, anki jekk ikun ċuċata, żgur li tkun tixtieq li oħrajn juru mogħdrija miegħek jew saħansitra jagħlqu għajnejhom għall-iżball. Allura għala ma tistinkax biex turi l-istess qalb tajba m’oħrajn?—Efesin 4:32.
PRINĊIPJI LI JISTGĦU JGĦINUK TNAQQAS L-IŻBALJI
Dizzjunarju jispjega li l-iżbalji jiġu minn “opinjoni ħażina, nuqqas t’għarfien, jew traskuraġni.” Ikollna nammettu li xi darba jew oħra waqajna f’xi waħda minn dawn in-nases, jekk mhux f’iktar! Minkejja dan, nistgħu nagħmlu inqas żbalji jekk nikkunsidraw xi prinċipji bażiċi mill-Iskrittura.
Prinċipju minnhom insibuh fi Proverbji 18:13, li jgħid: “Meta xi ħadd iwieġeb qabel ma jismaʼ l-kwistjoni, dan ikun bluha min-naħa tiegħu u umiljazzjoni.” Iva, li tieħu ftit iktar ħin biex tismaʼ l-istorja kollha u tikkunsidra x’se twieġeb, żgur li se jżommok lura milli tfattarha billi taqbad u tgħid jew tagħmel xi ħaġa mingħajr ma taħsibha. L-informazzjoni li tikseb għax tkun qgħadt attent tistaʼ tiswa mitqlu deheb biex ma tiġġudikax ħażin—u b’hekk tevita li tagħmel żball.
Prinċipju Bibliku ieħor jgħid: “Jekk inhu possibbli, sakemm jiddependi minnkom, żommu l-paċi mal-bnedmin kollha.” (Rumani 12:18) Agħmel l-aħjar li tistaʼ biex tippromwovi l-paċi u l-koperazzjoni. Meta taħdem m’oħrajn, uri konsiderazzjoni u rispett u agħmel sforz biex tfaħħar u tinkuraġġixxi. F’atmosfera bħal din, kliem u azzjonijiet li jsiru bla ħsieb jistgħu jinħafru faċilment u jintesew, u offiżi iktar serji jistgħu jiġu solvuti jew irranġati b’mod paċifiku.
Ara jekk tistax titgħallem mill-iżball. Minflok ma toqgħod tfittex l-iskużi għal dak li tkun għedt jew għamilt, qisha bħala opportunità biex tiżviluppa kwalitajiet pożittivi. Jistaʼ jkun li għandek bżonn turi iktar paċenzja, qalb tajba, jew kontroll. Xi ngħidu għall-ħlewwa, il-paċi, u l-imħabba? (Galatin 5:22, 23) Minn tal-inqas, tistaʼ tkun taf x’m’għandekx tagħmel id-darba li jmiss. Filwaqt li għandek tkun responsabbli, ipprova tiħux lilek innifsek wisq bis-serjetà. Sens taʼ umoriżmu żgur li se jgħin biex itaffi t-tensjoni.
NISTGĦU NIBBENEFIKAW MINN ĦARSA XIERQA
Li jkollna ħarsa xierqa lejn l-iżbalji se jgħinna biex inkampaw mal-iżbalji b’mod pożittiv. Se nkunu iktar fil-paċi magħna nfusna u m’oħrajn. Jekk nistinkaw biex nitgħallmu mill-iżbalji tagħna, se nsiru iktar għaqlin u n-nies se jkunu iktar komdi magħna. La se nsewdu qalbna żżejjed u lanqas narmu lilna nfusna. Il-fatt li nkunu konxji li anki oħrajn iridu jkampaw mal-iżbalji tagħhom, se jgħinna nersqu iktar qrib lejhom. Iktar importanti minn hekk, nistgħu nibbenefikaw jekk nitgħallmu nimitaw l-imħabba t’Alla u l-fatt li hu dejjem lest li jaħfer mill-qalb.—Kolossin 3:13.
L-iżball li ssemma fil-bidu li għamlet Margaret, ħassar l-okkażjoni tal-familja? Lanqas xejn. Kulħadd daħaq, speċjalment Margaret, u gawda l-ikla—mingħajr l-imqarrun! Snin wara, iż-żewġ neputijiet irrakkontaw kemm-il darba lil uliedhom stess din l-istorja li ma kienu se jinsewha qatt u baqgħu jiftakru fil-memorji sbieħ li kellhom man-nanniet tagħhom. Wara kollox, kien biss żball!
^ par. 2 L-ismijiet ġew mibdulin.