Mistoqsijiet mill-Qarrejja
Meta l-Iżraelin kienu qegħdin fid-deżert, kellhom affarijiet oħra x’jieklu minbarra l-manna u s-summien?
Matul l-40 sena li l-Iżraelin għamlu fid-deżert, huma kważi dejjem kielu l-manna. (Eżo. 16:35) Ġeħova kien ipprovdielhom ukoll is-summien darbtejn. (Eżo. 16:12, 13; Num. 11:31) Però, l-Iżraelin kellhom xi ikel ieħor x’jieklu.
Pereżempju, xi kultant Ġeħova mexxa lill-poplu tiegħu ‘f’post taʼ mistrieħ’ fejn kien ikun hemm ilma x’jixorbu u ikel x’jieklu. (Num. 10:33) Wieħed minn dawk il-postijiet kien Elim, “fejn kien hemm 12-il għajn tal-ilma u 70 siġra tal-palm.” Bla dubju, dan il-palm kien tat-tamal. (Eżo. 15:27) Il-ktieb Plants of the Bible jgħid li l-palm tat-tamal li jikber f’ħafna postijiet differenti, hi l-iktar pjanta li tintuża għall-ikel fid-deżert. Din tipprovdi ikel, żejt, u kenn lil miljuni taʼ nies.
Jistaʼ jkun ukoll li l-Iżraelin waqfu f’oasi kbir li llum magħruf bħala l-Faran, li jagħmel parti mill-Wadi Faran. Il-ktieb Discovering the World of the Bible jgħid li dan il-wied “twil 130 kilometru, hu wieħed mill-itwal, mill-isbaħ, u mill-iktar widien famużi fis-Sinaj. Jekk xi ħadd jivvjaġġa 45 kilometru minn fejn il-wied jiltaqaʼ mal-baħar, se jasal l-Oasi Faran. Il-Faran hu madwar 610 metri ’l fuq mil-livell tal-baħar u twil 4.8 kilometri. Minħabba li hu mimli bis-siġar tal-palm, hu sabiħ ħafna u ġie mqabbel mal-ġnien tal-Għeden. Għal eluf taʼ snin, in-nies ġew hawnhekk minħabba l-eluf taʼ siġar tat-tamal li hawn.”
Meta l-Iżraelin telqu mill-Eġittu, huma ħadu magħhom għaġina bla ħmira, xi skutelli biex jagħmlu l-għaġina, u x’aktarx xi qamħ u żejt. Imma dawn żgur ma kinux se jservuhom għal ħafna żmien. In-nies ħadu magħhom ukoll “ħafna nagħaġ, mogħoż, u baqar.” (Eżo. 12:34-39) Imma minħabba l-kundizzjonijiet diffiċli fid-deżert, x’aktarx ħafna mill-annimali mietu u xi wħud minnhom qatluhom għall-ikel. Oħrajn offrewhom bħala sagrifiċċju, anke lill-allat foloz. a (Atti 7:39-43) Imma l-Iżraelin xorta kellhom xi nagħaġ u mogħoż. Nistgħu naraw dan minn dak li qal Ġeħova lin-nies tiegħu meta m’obdewhx: “It-tfal tagħkom isiru ragħajja fid-deżert għal 40 sena.” (Num. 14:33) Għalhekk, jistaʼ jkun li mill-annimali li kellhom kienu jieħdu l-ħalib u l-laħam, imma żgur li ma kienx biżżejjed biex jgħixu madwar tliet miljun ruħ għal 40 sena. b
L-annimali minn fejn kienu jsibu l-ikel u l-ilma? c Jistaʼ jkun li dak iż-żmien fid-deżert kienet tagħmel ħafna iktar xita, u allura kien jikber iktar ħaxix. L-Insight on the Scriptures, l-Ewwel Volum, jgħid li 3,500 sena ilu “kien hemm iktar ilma fil-post fejn kien hemm l-Iżraelin milli nsibu llum. Dan nafuh għax hemm ħafna widien fondi imma nexfin li ffurmaw minħabba l-ilma li kien jgħaddi minnhom.” Minkejja dan, id-deżert kien post tal-biżaʼ u bla ħajja. (Dt. 8:14-16) Li kieku Ġeħova ma pprovdilhomx l-ilma b’miraklu, żgur li l-Iżraelin u l-annimali tagħhom kienu se jmutu.—Eżo. 15:22-25; 17:1-6; Num. 20:2, 11.
Mosè qal lill-Iżraelin li Ġeħova pprovdielhom il-manna ‘biex iġegħelhom ikunu jafu li l-bniedem ma jgħixx bil-ħobż biss imma b’kull kelma li jgħid Ġeħova.’—Dt. 8:3.
a Il-Bibbja ssemmi żewġ okkażjonijiet meta ġew offruti l-annimali bħala sagrifiċċju lil Ġeħova meta l-Iżraelin kienu fid-deżert. L-ewwel darba meta kien hemm l-arranġament tal-qassisin, u t-tieni kienet meta ċċelebraw il-Qbiż. Dawn ġraw fis-sena 1512 QK (qabel Kristu), madwar sena wara li l-Iżraelin telqu mill-Eġittu.—Lev. 8:14–9:24; Num. 9:1-5.
b Lejn l-aħħar tal-40 sena li l-Iżraelin għamlu fid-deżert, huma ħadu mijiet t’eluf t’annimali lil dawk li ġġieldu kontrihom. (Num. 31:32-34) Minkejja dan, huma baqgħu jieklu l-manna sakemm daħlu fl-Art Imwiegħda.—Ġoż. 5:10-12.
c Nistgħu ngħidu li l-annimali ma kinux jieklu l-manna, għax Ġeħova qal lill-Iżraelin biex jiġbru l-manna skont kemm tiekol kull persuna, imma ma semmiex l-annimali.—Eżo. 16:15, 16.