Kif Tliet Konvenzjonijiet Influwenzawli Ħajti
Kif rakkontata minn George Warienchuck
ĠIELI smajt xi ħaġa f’waħda mill-konvenzjonijiet tagħna li tant kemm laqtitek ġejt imqanqal biex tagħmel bidliet kbar f’ħajtek? Lili hekk ġrali. Meta nħares lura, nirrealizza li tliet konvenzjonijiet b’mod partikulari influwenzawli ħajti. L-ewwel waħda għenitni biex inkun inqas mistħi; it-tieni, biex inkun iktar kuntent; it-tielet, biex nagħti iktar. Madankollu, qabel ma ngħidilkom dwar dawn il-bidliet, ħa nispjegalkom xi ġrajjiet li seħħew snin qabel ma nżammu dawn il-konvenzjonijiet—ġrajjiet li għandhom x’jaqsmu maʼ tfuliti.
Jien twilidt fl-1928, l-iżgħar minn tlett itfal. Jien u ħuti, Margie u Olga, trabbejna f’South Bound Brook, New Jersey, l-Istati Uniti, li dak iż-żmien kien raħal b’madwar 2,000 abitant. Għalkemm konna foqra, ommi kienet ġeneruża. Kull meta kellha l-flus biex tipprepara ikla speċjali, kienet taqsamha mal-ġirien. Meta kelli disaʼ snin, ommi kellha żjara mingħand Xhud li kienet titkellem bl-Ungeriż, il-lingwa t’ommi, u dan qanqalha biex tismaʼ l-messaġġ tal-Bibbja. Iktar tard, Bertha, oħt li kellha ftit iktar minn 20 sena, kompliet l-istudju tal-Bibbja m’ommi u għenitha ssir qaddejja taʼ Ġeħova.
Għall-kuntrarju t’ommi, jien kont mistħi u kelli nuqqas taʼ fiduċja fija nnifsi. Biex tgħaxxaqha, ommi kellha t-tendenza li ċċekkinni. Meta bid-dmugħ f’għajnejja staqsejtha, “Għala dejjem tikkritikani?” hi qaltli li kienet tħobbni imma li ma riditx tfissidni żżejjed. Ommi kellha intenzjonijiet tajbin, imma n-nuqqas taʼ kliem inkuraġġanti ġegħelni nħossni inferjuri.
Ġurnata minnhom, waħda mill-ġirien li spiss kienet tkellimni bil-ħlewwa staqsietni biex immur maʼ wliedha l-iskola taʼ nhar taʼ Ħadd tal-knisja tagħhom fejn jitgħallmu r-reliġjon. Kont naf li Ġeħova ma kienx jieħu pjaċir jekk immur, imma kont nibżaʼ li noffendi lil dik il-ġara li kienet qalbha tajba. Allura għal ftit xhur, kont immur il-knisja avolja kont inħossni diżappuntat bija nnifsi. Fl-iskola, il-biżaʼ mill-bniedem wassalni biex naġixxi kontra l-kuxjenza tiegħi. Is-surmast tal-iskola, raġel dominanti, għamel ċert li l-għalliema u t-tfal kollha jsellmu lill-bandiera. Jien ukoll kont insellem lill-bandiera. Dan kompla għal madwar sena, u mbagħad seħħet bidla.
Tgħallimt li Għandu Jkolli l-Kuraġġ
Fl-1939, grupp tal-istudju tal-ktieb beda jiltaqaʼ d-dar tagħna. Ben Mieszkalski, ħu żagħżugħ li kien pijunier, kien jikkonduċih. Konna nsejħulu Big Ben—u bir-raġun. Għalija, kien jidher twil u wiesaʼ daqs il-bieb taʼ barra tagħna. Madankollu, minkejja l-istatura kbira tiegħu, hu kien qalbu tajba ħafna u t-tbissima dħulija tiegħu malajr ġegħlitni nħossni komdu. Għalhekk, meta Ben staqsieni biex noħroġ fil-ministeru miegħu, aċċettajt mill-qalb. Sirna ħbieb. Meta kont inħossni mdejjaq, kien ikellimni bil-mod li ħu akbar li jinteressah kien ikellem lil
ħuh iż-żgħir. Dan kien ifisser ħafna għalija, u sirt inħobbu ħafna.Fl-1941, Ben stieden lill-familja tagħna biex imorru miegħu bil-karozza tiegħu għal konvenzjoni f’St. Louis, Missouri. Immaġina kemm ħassejtni eċċitat! Qatt ma kont ivvjaġġajt iktar minn 80 kilometru mid-dar, u issa kont sejjer f’post iktar minn 1,500 kilometru ’l bogħod! Madankollu, kien hemm il-problemi f’St. Louis. Il-kleru kien ordna biex il-parruċċani jikkanċellaw kwalunkwe arranġament li kienu għamlu biex iżommu lix-Xhieda fi djarhom. Ħafna kkanċellaw. Il-familja li konna se noqogħdu magħha wkoll kienet ġiet mhedda. Huma xorta waħda laqgħuna. Dawk li qgħadna magħhom qalu li ma kinux se jiksru l-wegħda tagħhom li jipprovdu kamra. Il-kuraġġ tagħhom impressjonani.
Ħuti tgħammdu f’dik il-konvenzjoni. L-istess ġurnata, Ħuna Rutherford, mill-Betel taʼ Brooklyn, ta taħdita kommoventi li fiha staqsa lit-tfal kollha li riedu jagħmlu r-rieda t’Alla biex iqumu bilwieqfa. Xi 15,000 qamu bilwieqfa. Jien kont wieħed minnhom. Imbagħad staqsa lil dawk li riedu jagħmlu l-almu tagħhom fix-xogħol tal-ippritkar biex jgħidu, “Iva.” Flimkien mat-tfal l-oħrajn, jien b’leħen għoli għedt, “Iva!” Wara kien hemm ċapċip kbir. Ħassejtni mimli entużjażmu.
Wara l-konvenzjoni, morna nżuru ħu f’West Virginia. Hu rrakkonta li darba waqt li kien fix-xogħol tal-ippritkar, grupp taʼ nies irrabjati sawtuh u tefgħulu l-qatran u r-rix. Jien qgħadt nismaʼ b’nifsi maqtugħ. “Imma se nkompli nipprietka,” qal il-ħu. Meta tlaqna mingħand dan il-ħu, ħassejtni bħal David. Kont lest niffaċċja lil Gulija—is-surmast tal-iskola tiegħi.
Lura l-iskola, avviċinajt lis-surmast. Hu ħares lejja bl-ikrah. F’qalbi tlabt lil Ġeħova għall-għajnuna. Imbagħad malajr għedtlu: “Jien mort konvenzjoni tax-Xhieda taʼ Ġeħova. M’iniex se nsellem lill-bandiera iktar!” Kien hemm skiet għal ftit tal-ħin. Is-surmast bil-mod qam minn fuq l-iskrivanija u mexa lejja. Wiċċu kien aħmar nar daqskemm kien irrabjat. Hu għajjat: “Sellem lill-bandiera inkella se titkeċċa!” Din id-darba m’għamiltx kompromess, u ġewwa fija ħassejt ferħ li qatt ma kont esperjenzajt qabel.
Kelli sebaʼ mitt sena biex ngħid lil Ben x’kien ġara. Meta rajtu fis-Sala tas-Saltna, għajjatt: “Keċċewni mill-iskola! Ma sellimtx lill-bandiera!” Ben dawwar driegħu miegħi, tbissem, u qalli: “Bla dubju, Ġeħova jħobbok.” (Dt. 31:6) Kemm immotivani dan il-kliem! Fil-15 taʼ Ġunju, 1942, tgħammidt.
Kif Tgħallimt Inkun Kuntent
Wara t-Tieni Gwerra Dinjija, l-ekonomija tal-pajjiż f’daqqa waħda marret għall-aħjar, u madwar il-pajjiż stajt tixtri ħafna affarijiet ġodda. Kelli xogħol b’paga tajba u stajt nixtri affarijiet li qabel kont biss noħlom dwarhom. Xi wħud minn sħabi xtraw muturi; oħrajn irrinovaw id-djar tagħhom. Jien xtrajt karozza ġdida fjamanta. Minħabba x-xewqa tiegħi għal iktar kumditajiet materjali ma domtx ma bdejt inwarrab fil-ġenb l-interessi tas-Saltna. Kont naf li kont miexi fid-direzzjoni l-ħażina. Fortunatament, fl-1950, konvenzjoni fil-belt taʼ New York għenitni naġġusta ħajti mill-ġdid.
F’dik il-konvenzjoni, kelliemi wara l-ieħor inkuraġġixxa lill-udjenza biex timxi ’l quddiem bix-xogħol tal-ippritkar. “Neħħu dak kollu li mhuwiex bżonn, u iġru t-tiġrija,” ħeġġiġna wieħed mill-kelliema. Kien qisu qed ikellem lili personalment. Rajt ukoll il-gradwazzjoni taʼ
klassi taʼ Gilgħad, li ġegħlitni naħseb, ‘Jekk dawn ix-Xhieda li huma tal-età tiegħi jistgħu jgħaddu mingħajr kumditajiet materjali biex jaqdu f’pajjiżi barranin, jien għandi nkun lest nagħmel l-istess hawnhekk f’pajjiżi.’ Sa tmiem il-konvenzjoni kont iddeċidejt li nsir pijunier.Sadanittant, kont bdejt noħroġ m’Evelyn Mondak, oħt żeluża fil-kongregazzjoni li kont nattendi jien. Omm Evelyn, li rabbiet sitt itfal, kienet mara kuraġġuża. Kienet tħobb tagħmel ix-xogħol tal-ippritkar fit-triq quddiem Knisja Kattolika Rumana kbira. Minkejja li l-qassis kemm-il darba b’rabja qalilha biex titlaq, hi ma ċċaqalqitx. Bħal ommha, Evelyn ma kinitx tibżaʼ mill-bniedem.—Prov. 29:25.
Fl-1951, jien u Evelyn iżżewwiġna, tlaqna x-xogħol sekulari, u bdejna naqdu bħala pijunieri. Indokratur tas-circuit inkuraġġiena biex immorru noqogħdu Amagansett, raħal max-xatt tal-Atlantiku xi 160 kilometru mill-belt taʼ New York. Meta l-kongregazzjoni qaltilna li ma kellhomx fejn noqogħdu, fittixna karavan imma ma stajniex insibu wieħed għal butna. Imbagħad rajna karavan li ma kienx f’kundizzjoni tajba. Is-sid ried 900 dollaru għalih—eżatt is-somma li konna rċivejna bħala rigali tat-tieġ. Xtrajnieh, irranġajnieh, u ħadnieh fit-territorju l-ġdid tagħna. Madankollu, wasalna hemm bla sold u ħsibna dwar kif konna se nkampaw bħala pijunieri.
Evelyn kienet tnaddaf xi djar, u jien sibt xogħol innaddaf restorant Taljan tard filgħaxijiet. “Kwalunkwe ikel li jifdal,” qal is-sid, “tistaʼ tieħdu d-dar għall-mara.” Għalhekk, meta kont nasal id-dar xi s-sagħtejn taʼ filgħodu, il-karavan tagħna kien jimtela bir-riħa taʼ pizez u għaġin. Dawk l-ikliet li konna nerġgħu nsaħħnu konna nieħdu pjaċir bihom, speċjalment fix-xitwa meta konna nirtogħdu bil-bard fil-karavan friżat tagħna. Iżjed minn hekk, l-aħwa fil-kongregazzjoni kultant kienu jħallu xi ħuta kbira fuq it-taraġ tal-karavan. Matul is-snin li qdejna flimkien maʼ dawk l-aħwa għeżież f’Amagansett, tgħallimna li jekk inkunu kuntenti bl-affarijiet bażiċi se jkollna ħajja sodisfaċenti. Matul dawn is-snin konna ferħanin.
Motivati Biex Nagħmlu Iktar
F’Lulju tal-1953, ilqajna mijiet taʼ missjunarji li kienu ġew minn inkarigi f’pajjiżi barranin biex jattendu konvenzjoni internazzjonali fil-belt taʼ New York. Dawn irrakkontaw esperjenzi affaxxinanti. L-eċċitament tagħhom kien jittieħed. Barra minn hekk, meta kelliemi fil-konvenzjoni enfasizza li ħafna pajjiżi kienu għadhom ma ntlaħqux bil-messaġġ tas-Saltna, konna nafu x’kellna nagħmlu—nagħtu iktar minna nfusna billi nżidu l-ministeru tagħna. F’dik il-konvenzjoni stess, applikajna għat-taħriġ missjunarju. F’dik l-istess sena, ġejna mistidnin biex nattendu t-23 klassi tal-Iskola taʼ Gilgħad, li bdiet fi Frar tal-1954. Xi privileġġ kien dan!
Kemm fraħna meta sirna nafu li konna ġejna inkarigati biex naqdu fil-Brażil. Qabel ma tlaqna għall-vjaġġ tagħna t’14-il ġurnata bil-vapur, ħu responsabbli f’Betel qalli: “Disaʼ aħwa nisa missjunarji mhux miżżewġin se jivvjaġġaw miegħek u maʼ martek lejn il-Brażil. Ħu ħsiebhom!” Tistaʼ timmaġina l-ħarsa fuq l-uċuħ tal-baħrin meta rawni tielaʼ fuq il-vapur b’għaxar nisa għadhom żgħar mexjin warajja? Madankollu, l-aħwa nisa ttrattaw is-sitwazzjoni mingħajr ebda problema. Xorta waħda, ħadt ir-ruħ meta wasalna qawwijin u sħaħ il-Brażil.
Wara li tgħallimna l-Portugiż, ġejt inkarigat biex nagħmel ix-xogħol tas-circuit f’Rio Grande do Sul, stat fin-Nofsinhar tal-Brażil. L-indokratur tas-circuit li kont se naqdi floku, ħu mhux miżżewweġ, qal lili u lil marti: “Qed niskanta kif bagħtu koppja miżżewġa hawnhekk. Dan il-post hu mħarbat.” Il-kongregazzjonijiet kienu mferrxin maʼ nħawi rurali kbar ħafna, u ftit minnhom setgħu jintlaħqu biss bi trakk. Jekk kont tixtri ikla għas-sewwieq, kien iħallik titlaʼ fit-trakk tiegħu. Konna noqogħdu bilqiegħda bħal rikkieba taż-żwiemel b’saqajna miftuħin fuq it-tagħbija, u b’idejna t-tnejn konna nżommu sod mal-ħbula li kienu mdawrin mat-tagħbija. Kull meta t-trakk kien idur f’daqqa, konna niggranfaw saħansitra iktar mal-ħbula hekk kif it-tagħbija għolja kienet ixxaqleb lejn naħa minnhom u aħna konna naraw widien kbar taħtna. Madankollu, meta konna naraw l-uċuħ ferħanin tal-aħwa li kienu jkunu qed jistennewna bil-ħerqa, dawn il-vjaġġi li kienu jdumu ġurnata sħiħa kienu verament jiswew l-isforzi li nkunu għamilna.
Konna noqogħdu fid-djar tal-aħwa. Kienu fqar ħafna, imma dan ma waqqafhomx milli jkunu ġenerużi. F’reġjun iżolat wieħed, l-aħwa kollha kienu jaħdmu f’impjant fejn kienu jippakkjaw il-laħam. Minħabba l-pagi baxxi tagħhom setgħu jieklu biss darba kuljum. Jekk ma kinux jaħdmu għal ġurnata, ma kinux jitħallsu. Xorta waħda, matul iż-żjajjar tagħna, kienu jieħdu jumejn leave mix-xogħol biex jappoġġaw l-attivitajiet tal-kongregazzjoni. Poġġew il-fiduċja tagħhom f’Ġeħova. Dawk l-aħwa umli għallmuna lezzjonijiet dwar li nagħmlu sagrifiċċji għas-Saltna t’Alla li qatt ma se ninsew. Matul iż-żmien li għexna magħhom, irċivejna edukazzjoni li l-ebda skola ma tistaʼ toffri. Hekk kif inħares lura u niftakar f’dawk l-aħwa, għajnejja għadhom jimtlew bid-dmugħ taʼ ferħ.
Fl-1976, aħna rritornajna l-Istati Uniti sabiex nieħdu ħsieb ommi li kienet marida. Kien diffiċli biex nitilqu mill-Brażil, imma aħna grati li rajna tkabbir rimarkevoli tal-interessi tas-Saltna f’dan il-pajjiż. Kull meta nirċievu ittri mill-Brażil, iġibulna ħafna memorji sbieħ taʼ dak iż-żmien tal-għaġeb f’ħajjitna.
Nerġgħu Niltaqgħu maʼ Ħbieb Għeżież
Hekk kif ħadna ħsieb ommi, qdejna bħala pijunieri u konna nagħmlu xi xogħol taʼ tindif. Fl-1980, ommi mietet leali lejn Ġeħova. Wara dan, ġejt mistieden biex naqdi fix-xogħol tas-circuit fl-Istati Uniti. Fl-1990, jien u marti żorna kongregazzjoni f’Connecticut, u hemmhekk iltqajna maʼ xi ħadd speċjali ħafna. Wieħed mill-anzjani tal-kongregazzjoni kien Ben—iva, l-istess Ben li kien għenni xi 50 sena qabel biex nieħu waqfa għal Ġeħova. Tistaʼ timmaġina l-ferħ tagħna hekk kif għannaqna lil xulxin?
Mill-1996, jien u Evelyn qdejna bħala pijunieri speċjali b’saħħa batuta fil-kongregazzjoni tal-Portugiż f’Elizabeth, New Jersey. Għandi xi problemi taʼ saħħa, imma bl-għajnuna tal-għażiża marti, nieħu sehem fil-ministeru tal-għalqa spiss kemm jistaʼ jkun. Evelyn tgħin ukoll waħda mill-ġirien imdaħħla fiż-żmien u nieqsa mis-saħħa. Isimha? Bertha—iva, l-istess Bertha li għenet lil ommi ssir qaddejja taʼ Ġeħova iktar minn 70 sena ilu! Aħna ferħanin li għandna l-opportunità li nesprimu l-gratitudni tagħna lejha għal dak kollu li għamlet biex tgħin lil familti ssir taf il-verità.
Jien grat li dawk il-konvenzjonijiet tal-bidu qanqluni biex nieħu l-waqfa tiegħi għall-qima vera, biex nissimplifika ħajti, u biex inżid fil-ministeru tiegħi. Iva, dawk il-konvenzjonijiet influwenzawli ħajti.
[Stampa f’paġna 23]
Omm Evelyn (xellug) u ommi
[Stampa f’paġna 23]
Il-ħabib tiegħi Ben
[Stampa f’paġna 24]
Fil-Brażil
[Stampa f’paġna 25]
M’Evelyn illum