Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Naqdu Mingħajr Dispjaċiri

Naqdu Mingħajr Dispjaċiri

“Ninsa l-​affarijiet taʼ warajja u niġġebbed biex nilħaq l-​affarijiet li hemm quddiemi.”—FLP. 3:13.

1-3. (a) X’inhu dispjaċir, u kif jistaʼ jeffettwana? (b) X’nistgħu nitgħallmu mill-​eżempju taʼ Pawlu?

POETA kiteb: “Mill-​kliem kollu li jingħad u jinkiteb, l-​iktar taʼ dwejjaq hu dan: ‘Mhux li kien!ʼ” Il-​poeta kien J. G. Whittier u hu kien qed jirreferi għall-​affarijiet li jiddispjaċina li għamilna, li nixtiequ li nistgħu nerġgħu nagħmlu imma b’mod differenti. “Dispjaċir” huwa wġigħ emozzjonali għal xi ħaġa li tkun għamilt jew m’għamiltx, u jistaʼ jfisser “li terġaʼ tibki.” Ilkoll għamilna xi affarijiet li nixtiequ li nistgħu mmorru lura u nagħmluhom b’mod differenti. Liema dispjaċiri għandek int?

2 Xi nies żbaljaw bl-​ikrah f’ħajjithom u saħansitra dinbu serjament. Oħrajn m’għamlux affarijiet daqshekk ħżiena, iżda jitħassbu jekk xi għażliet li għamlu kinux verament l-​aħjar li setgħu jagħmlu. Xi wħud kienu kapaċi jieqfu jhewdnu dwar il-​passat u jkomplu sejrin b’ħajjithom. Oħrajn iħossu rimors kontinwu dwar il-​passat minħabba li jaħsbu li setgħu għamlu l-​affarijiet mod ieħor. (Salm 51:3) Bħal min tħossok int? Tixtieq taqdi lil Alla mingħajr dispjaċiri—għall-​inqas minn issa ’l quddiem? Hemm xi eżempju fil-​Bibbja li jistaʼ jgħinek tagħmel dan? Dażgur li hemm—l-​appostlu Pawlu.

3 Matul ħajtu, Pawlu għamel kemm żbalji koroh kif ukoll għażliet għaqlin. Hu ddispjaċieh ħafna mill-​iżbalji li għamel, iżda tgħallem ukoll jiffoka fuq li jagħmel l-​aħjar li setaʼ fis-​servizz t’Alla. Ejja naraw x’jistaʼ jgħallimna l-​eżempju tiegħu dwar li naqdu mingħajr dispjaċir.

IL-​PASSAT LI PAWLU DDISPJAĊIEH MINNU

4. Pawlu liema passat kellu li ddispjaċieh minnu?

4 Bħala Fariżew żagħżugħ, Pawlu għamel affarijiet li iktar tard iddispjaċieh minnhom. Pereżempju, hu ppersegwita bl-​aħrax lid-​dixxipli taʼ Ġesù. Il-​Bibbja tgħid li eżatt wara li l-​persekuturi qatlu  lil Stiefnu, “Sawl [iżjed tard magħruf bħala Pawlu] beda jħarbat lill-​kongregazzjoni. Kien jidħol bil-​forza f’dar wara l-​oħra, ikaxkar ’il barra kemm irġiel u kemm nisa, u jitfagħhom il-​ħabs.” (Atti 8:3) L-​istudjuż tal-​Bibbja Albert Barnes qal li “jħarbat” ifisser li Sawl attakka lill-​kongregazzjoni Kristjana bl-​aħrax bħal “bhima salvaġġa.” Pawlu kien Lhudi żeluż li emmen bis-​sħiħ li Alla riedu jeqred lill-​kongregazzjoni Kristjana. Għalhekk, hu ppersegwita bl-​aħrax lill-​Kristjani u hedded li joqtol “kemm irġiel u kemm nisa.”—Atti 9:1, 2; 22:4. *

5. X’ġiegħel lil Sawl jieqaf jippersegwita lid-​dixxipli taʼ Ġesù u jibda jipprietka dwar Kristu?

5 L-​intenzjoni taʼ Sawl kienet li jmur Damasku, ikeċċi ’l barra lid-​dixxipli taʼ Ġesù minn djarhom, u jkaxkarhom lejn Ġerusalemm biex jiffaċċjaw ir-​rabja tas-​Sinedriju. Madankollu, ma rnexxilux għax dak li ried jagħmel kien kontra dak li ried il-​Kap tal-​kongregazzjoni Kristjana, Ġesù. (Efes. 5:23) Meta Sawl kien sejjer Damasku, Ġesù deherlu, u Sawl għema b’dawl mirakoluż. Imbagħad, Ġesù bagħtu Damasku biex jistenna iktar istruzzjonijiet. Ir-​rakkont fil-​ktieb tal-​Atti jgħidilna x’ġara wara.—Atti 9:3-​22.

6, 7. X’juri li Pawlu rrealizza li kien għamel żbalji serji?

6 Il-​valuri taʼ Pawlu nbidlu malli sar Kristjan. Minflok ma kien opponent feroċi tal-​Kristjanità, hu sar difensur żeluż. Minkejja dan, iktar tard kiteb dwaru stess: “Naturalment, smajtu kif kienet qabel il-​kondotta tiegħi fil-​Ġudaiżmu, li kont nippersegwita b’mod estrem lill-​kongregazzjoni t’Alla u nħarbatha.” (Gal. 1:13) Wara, meta kiteb lill-​Korintin, lill-​Filippin, u lil Timotju, hu reġaʼ semma l-​iżbalji tal-​passat li ddispjaċieh minnhom. (Aqra l-​1 Korintin 15:9; Flp. 3:6; 1 Tim. 1:13) Pawlu ma kienx kburi b’dak li kien għamel, però lanqas ma pprova jagħti l-​impressjoni li dawn l-​affarijiet qatt ma ġraw. Kien verament konxju li kien għamel żbalji serji.—Atti 26:9-​11.

7 Studjuż tal-​Bibbja li jismu Frederic W. Farrar kiteb li meta naħsbu dwar kemm Pawlu ppersegwita lill-​Kristjani bi krudeltà, aħna nkunu nistgħu nifhmu n-​niket kbir li żgur ħass u kemm oħrajn setgħu kkritikawh. Meta Pawlu żar kongregazzjonijiet differenti, jistaʼ jkun li l-​aħwa li ltaqgħu miegħu għall-​ewwel darba qalu: ‘Mela int Pawlu. Int kont li ppersegwitajtna!ʼ—Atti 9:21.

8. Pawlu kif ħassu dwar il-​ħniena u l-​imħabba li Ġeħova u Ġesù wrewh, u liema lezzjoni nieħdu minn dan?

8 Madankollu, Pawlu rrealizza li kien biss minħabba l-​qalb tajba mhix mistħoqqa t’Alla li setaʼ jwettaq il-​ministeru tiegħu. Hu jsemmi din il-​kwalità ħanina t’Alla xi 90 darba fl-​14-​il ittra tiegħu—iktar minn kwalunkwe kittieb ieħor tal-​Bibbja. (Aqra l-​1 Korintin 15:10.) Pawlu apprezza profondament il-​mod ħanin li bih ġie trattat, u ried ikun ċert li l-​qalb tajba mhix mistħoqqa t’Alla ma tkunx ingħatatlu għalxejn. Għalhekk, ħadem iebes iktar mill-​appostli l-​oħrajn kollha. L-​eżempju taʼ Pawlu juri b’mod ċar li jekk nistqarru dnubietna u nbiddlu ħajjitna, Ġeħova hu lest li jħassar anke dnubiet serji permezz tas-​sagrifiċċju taʼ Ġesù bħala fidwa. X’lezzjoni siewja hi din għal dawk li jsibuha iebsa li jemmnu li l-​benefiċċji tas-​sagrifiċċju taʼ Kristu jistgħu jkunu tagħhom ukoll! (Aqra l-​1 Timotju 1:15, 16.) Għalkemm  Pawlu kien ippersegwita lil Kristu, hu setaʼ jikteb: “L-​Iben t’Alla . . . ħabbni u ta lilu nnifsu għalija.” (Gal. 2:20; Atti 9:5) Iva, Pawlu tgħallem li kellu jagħmel l-​aħjar tiegħu fis-​servizz t’Alla minkejja l-​passat tiegħu, biex hekk ma jkollux iżjed għal xiex jiddispjaċih. Hija din xi ħaġa li int tgħallimt?

Pawlu tgħallem kif jaqdi mingħajr dispjaċiri

TĦOSSOK IDDISPJAĊUT MINN XI ĦAĠA?

9, 10. (a) Uħud mill-​poplu taʼ Ġeħova għala jkollhom xi dispjaċiri? (b) X’hemm ħażin f’li l-​ħin kollu ninkwetaw dwar il-​passat?

9 Għamilt int xi affarijiet li issa jiddispjaċik li għamilthom? Tixtieq li użajt il-​ħin u l-​enerġija tiegħek għal affarijiet iktar importanti? Għamilt xi ħaġa li weġġgħet lil oħrajn? Jew forsi hemm xi ħaġ’oħra li tixtieq li għamilt mod ieħor. X’tistaʼ tagħmel jekk tħossok hekk?

10 Ħafna nies jinkwetaw! Li tinkwieta l-​ħin kollu jfisser li titturmenta, tgħejji, u tippersegwita lilek innifsek. Dan iwassal għal ansjetà kbira. Se jsolvi xi problemi l-​inkwiet? Lanqas waħda! Immaġinak tipprova tgħum kontra l-​kurrent għal sigħat sħaħ f’baħar imqalleb, taħli dik l-​enerġija kollha iżda ma tasal imkien! Minflok ma toqgħod tinkwieta, għandek tagħmel kulma tistaʼ biex issolvi l-​problema. Itlob skuża lill-​persuna li nqastha u pprova agħmel paċi magħha. Int tistaʼ tevita dak li wassal għall-​għemil ħażin, u b’hekk ma tħallix li jinqalgħu problemi fil-​futur. Madankollu, kultant sempliċement ikollok tissaporti l-​konsegwenzi tal-​iżball tiegħek. Imma l-​inkwiet dwar l-​iżbalji tal-​passat mhux se jgħinek. Infatti, jistaʼ jagħmilhielek diffiċli li tagħti l-​aħjar li tistaʼ fis-​servizz t’Alla. Bl-​inkwiet mhu se tieħu xejn!

11. (a) X’għandna nagħmlu jekk irridu lil Ġeħova jurina l-​ħniena u l-​imħabba? (b) Skont il-​Bibbja, x’jeħtieġ nagħmlu biex ma nibqgħux inħossuna ħatjin dwar l-​iżbalji tal-​passat tagħna?

11 Xi wħud għandhom it-​tendenza li jħallu l-​iżbalji tal-​passat jirkbuhom sal-​punt  li jħossuhom li mhumiex denji f’għajnejn Alla. Forsi jħossuhom li ma jistħoqqilhomx il-​ħniena t’Alla għax ħarġu jew wisq jew spiss ’il barra mit-​triq it-​tajba. Madankollu, il-​fatt hu li minkejja x’għamlu fil-​passat, huma jistgħu jindmu, jinbidlu, u jitolbu maħfra. (Atti 3:19) Ġeħova jistaʼ jurihom il-​ħniena u l-​imħabba, l-​istess bħalma wera lil ħafna oħrajn. Ġeħova b’qalb tajba se jaħfer lil kull min ikun umli, onest, u ddispjaċut minn dnubietu. Pereżempju, Alla ħafer lil Ġob, li ddispjaċieh ħafna mill-​iżbalji li għamel. (Ġob 42:6) Il-​Bibbja tgħidilna eżatt x’jeħtieġ nagħmlu biex ma nibqgħux inħossuna ħatjin dwar l-​iżbalji tagħna u biex ikollna paċi ġewwinija: “Min jgħatti n-​nuqqasijiet tiegħu m’huwiex se jirnexxi, imma min jistqarrhom u jitlaqhom jintwera ħniena.” (Prov. 28:13; Ġak. 5:14-​16) B’hekk, nistgħu nistqarru dnubietna lil Alla, nitolbuh il-​maħfra, u naġixxu biex nirranġaw l-​iżball. (2 Kor. 7:10, 11) Jekk għamilna dawn l-​affarijiet, imbagħad nistgħu ngawdu mill-​ħniena taʼ Dak li “jaħfer bil-​kbir.”—Is. 55:7.

12. (a) X’jgħallimna l-​eżempju taʼ David dwar l-​aħjar mod biex nittrattaw maʼ kuxjenza ħatja? (b) F’liema sens ħassu ddispjaċut Ġeħova, u li nafu dan kif jgħinna? (Ara l-​kaxxa.)

12 It-​talb huwa b’saħħtu ħafna; jiswa wisq quddiem Alla. F’salm mill-​isbaħ, David esprima l-​fidi tiegħu li Ġeħova kien semaʼ talbu. (Aqra Salm 32:1-​5.) Qabel ma David stqarr dnubietu m’Alla, il-​kuxjenza ħatja tiegħu ġegħlitu jħossu ħażin ħafna. Milli jidher, hu ġie effettwat ħażin, mentalment u fiżikament, u tilef il-​ferħ minħabba li naqas li jistqarr dnubietu. Kien biss meta David stqarr dnubietu lil Alla li ġie maħfur u ħass serħan. Ġeħova wieġeb it-​talb taʼ David u għenu jħossu aħjar u jkompli jagħmel it-​tajjeb. Bl-​istess mod, jekk int titlob sinċerament mill-​qalb, tistaʼ tkun fiduċjuż li Ġeħova se jagħti l-​attenzjoni kollha tiegħu għat-​talb ħerqan tiegħek. Jekk l-​iżbalji tal-​passat jinkwetawk, irranġahom sa fejn tistaʼ u mbagħad emmen li Ġeħova ħafirlek.—Salm 86:5.

AĦSEB X’SE JIĠRI FIL-​FUTUR

13, 14. (a) Fuq xiex għandna niffokaw issa? (b) Liema mistoqsijiet jistgħu jqanqluna biex nanalizzaw is-​sitwazzjoni preżenti tagħna fil-​ħajja?

13 Huwa veru li nistgħu nitgħallmu mill-​passat, imma m’għandniex nibqgħu ninkwetaw dwaru. Iffoka fuq il-​preżent u l-​futur. Staqsi lilek innifsek mistoqsijiet bħal dawn: ‘Fi ftit snin oħra, se jiddispjaċini mill-​għażliet li qiegħed nagħmel? Se nkun nixtieq li kont għamilt l-​affarijiet differenti? Qiegħed  naqdi lil Alla lealment sabiex b’hekk ma jkollix għal xiex jiddispjaċini fil-​futur?’

14 Hekk kif it-​tribulazzjoni kbira toqrob, ma rridux li nħossuna mifnijin bi ħsibijiet t’ansjetà bħal dawn: ‘Stajt għamilt iktar fis-​servizz t’Alla? Għaliex m’għamiltx ix-​xogħol taʼ pijunier meta kelli l-​opportunità? X’żammni milli nirsisti biex naqdi bħala qaddej ministerjali? Għamilt sforz ġenwin biex nilbes il-​personalità l-​ġdida? Huwa jien it-​tip taʼ persuna li Ġeħova jrid fid-​dinja l-​ġdida tiegħu?’ Minflok ma noqogħdu ninkwetaw fuq affarijiet li m’għamilniex, għandna nużaw dawn il-​mistoqsijiet biex nanalizzaw lilna nfusna u nagħmlu ċert li qed nagħtu l-​aħjar tagħna fis-​servizz taʼ Ġeħova. Inkella għandna mnejn inkomplu ngħixu ħajja li tistaʼ twassal għal iktar dispjaċiri.—2 Tim. 2:15.

QATT M’GĦANDU JIDDISPJAĊIK MINN ĦAJJA FIS-​SERVIZZ T’ALLA

15, 16. (a) X’sagrifiċċji għamlu ħafna biex jagħtu l-​aħjar tagħhom lil Ġeħova? (b) Għala m’għandux jiddispjaċina minn xi sagrifiċċju li għamilna għal Alla?

15 Xi ngħidu għal dawk minnkom li għamlu sagrifiċċji biex jaqdu lil Ġeħova full-​time? Forsi ħallejt karriera tajba jew negozju li kien irendi biex tissimplifika ħajtek u jkollok iżjed ħin għal miri tas-​Saltna. Jew forsi għażilt li ma tiżżewwiġx jew li tibqaʼ bla tfal biex tkun tistaʼ taqdi f’Betel, fix-​xogħol taʼ kostruzzjoni internazzjonali, fix-​xogħol tas-​circuit, jew fis-​servizz missjunarju. Għandu jiddispjaċik minn dawn id-​deċiżjonijiet issa li qed tikber fl-​età fis-​servizz taʼ Ġeħova? Għandek tħoss li s-​sagrifiċċji li għamilt ma kienx hemm bżonnhom jew għamilthom fi żmien ħażin? Lanqas xejn!

16 Int ħadt dawn id-​deċiżjonijiet għaliex ħabbejt ħafna lil Ġeħova u ridt tgħin lil oħrajn biex jaqduh. Taħsibx li ħajtek kienet se tkun aħjar kieku għamilt l-​affarijiet mod ieħor. Tistaʼ tkun ferħan ħafna għad-​deċiżjonijiet li ħadt. Int għażilt l-​aħjar mod kif taqdi lil Ġeħova fiċ-​ċirkustanzi tiegħek. Ġeħova mhux se jinsa s-​sagrifiċċji kollha li għamilt għalih. Meta jkollok “il-​ħajja vera,” ħajja taʼ dejjem u perfetta, hu se jippremjak b’barkiet li huma saħansitra aħjar minn kull ħaġa li tistaʼ timmaġina!—1 Tim. 6:19; Salm 145:16.

KIF NAQDU MINGĦAJR MA JIDDISPJAĊINA

17, 18. (a) Liema prinċipju għen lil Pawlu jaqdi mingħajr dispjaċiri? (b) Kif se ssegwi l-​eżempju taʼ Pawlu?

17 X’għamel Pawlu biex jevita li jħoss iktar dispjaċir iktar ’il quddiem f’ħajtu? Hu qal li ma baqax jinkwieta dwar il-​passat tiegħu u li ħadem ħafna għall-​premju tiegħu. (Aqra Filippin 3:13, 14.) Pawlu ma baqax jaħseb dwar l-​affarijiet ħżiena li kien għamel meta kien fir-​reliġjon Lhudija. Minflok, uża l-​enerġija kollha tiegħu biex jibqaʼ leali sabiex ikun jistaʼ jirċievi l-​premju taʼ ħajja taʼ dejjem.

18 Ilkoll kemm aħna nistgħu napplikaw il-​prinċipju li hemm fil-​kliem taʼ Pawlu. Minflok ma nitnikktu dwar il-​passat tagħna, staġnati fuq dak li ma nistgħux inbiddlu, għandna nirsistu għal dak li ġej iżjed ’il quddiem. Le, forsi ma nistgħux ninsew letteralment l-​iżbalji tal-​passat tagħna, iżda m’għandniex għalfejn il-​ħin kollu nċanfru lilna nfusna minħabba fihom. Aħna nistgħu naħdmu iebes biex ma nibqgħux ninkwetaw dwar il-​passat, naqdu mill-​aħjar li nistgħu lil Alla issa, u nħarsu ’l quddiem għall-​futur glorjuż.

^ Par. 4 Ħafna drabi, il-​Bibbja ssemmi li n-​nisa kienu fost dawk li Pawlu ppersegwita. Dan juri li fl-​ewwel seklu n-​nisa kellhom sehem importanti fix-​xogħol tal-​ippritkar, l-​istess bħalma għandhom illum.—Salm 68:11.