Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Offrew lilhom infushom minn rajhom—Fit-Tajwan

Offrew lilhom infushom minn rajhom—Fit-Tajwan

SA MADWAR ħames snin ilu, Choong Keon u Julie, koppja miżżewġa li issa għandhom madwar 35 sena, kienu qed jaqdu bħala pijunieri regulari f’Sydney, l-Awstralja. “Kellna xogħol sekulari part-time u konna ngħixu ħajja komda,” jirrakkonta Choong Keon. “Fejn konna ngħixu, it-temp kien sabiħ u l-mod taʼ ħajja kien wieħed rilassat. Konna kuntenti ngħixu qrib tal-familja u l-ħbieb tagħna.” Xorta waħda, lil Choong Keon u Julie bdiet tniggiżhom il-kuxjenza. Għala? Għax kienu jafu li ċ-ċirkustanzi tagħhom kienu jippermettulhom jagħmlu iktar fis-servizz taʼ Ġeħova, imma huma żammew lura milli jagħmlu l-bidliet meħtiġin.

Imbagħad, f’konvenzjoni fl-2009, huma semgħu taħdita li messitilhom qalbhom. Il-kelliemi indirizza lil dawk li setgħu jkabbru l-ministeru tagħhom bil-kliem: “Aħsbu dwar dan l-eżempju: Sewwieq jistaʼ jdawwar il-karozza tiegħu lejn ix-xellug jew lejn il-lemin, imma biss jekk il-karozza tkun miexja. B’mod simili, Ġesù jistaʼ jidderiġina biex inkabbru l-ministeru tagħna, imma biss jekk inkunu mexjin—jekk inkunu qed nagħmlu sforz kbir biex nilħqu l-mira tagħna.” * Il-koppja ħassew li l-kelliemi kien bħallikieku qed ikellem lilhom direttament. F’dik l-istess konvenzjoni, ġew intervistati koppja missjunarja li kienu qed jaqdu fit-Tajwan. Huma tkellmu dwar il-ferħ tagħhom fil-ministeru u enfasizzaw li kien għad hemm bżonn ħafna għajnuna. Għal darb’oħra, Choong Keon u Julie ħassew li dan il-kliem kien bħallikieku indirizzat lilhom.

Julie tgħid: “Wara dik il-konvenzjoni, tlabna lil Ġeħova biex jagħtina l-kuraġġ ħalli nieħdu l-pass biex immorru ngħixu t-Tajwan.” Hi żiedet tgħid: “Imma konna beżgħanin. Kien qisu se naqbżu ġo baħar fond għall-ewwel darba.” Skrittura li għenithom jagħmlu din il-“qabża” kienet Ekkleżjasti 11:4, dan il-vers jgħid: “Min joqgħod għassa tar-riħ ma jiżrax; u min joqgħod iħares lejn is-sħab ma jaħsadx.” Choong Keon jgħid: “Iddeċidejna li ma  noqogħdux ‘għassa u nħarsu’ imma minflok nibdew ‘niżirgħu u naħsdu.’” Huma talbu fuq li talbu, qraw bijografiji taʼ missjunarji, ikkuntattjaw bl-e-mail lil dawk li diġà kienu marru joqogħdu t-Tajwan, biegħu l-karozzi u l-għamara tagħhom, u waslu t-Tajwan tliet xhur wara.

HI SSIB IL-FERĦ FL-IPPRITKAR

Bħalissa hemm iktar minn 100 ħu u oħt minn pajjiżi barranin li qed jaqdu fit-Tajwan fi nħawi fejn il-bżonn għall-pubblikaturi tas-Saltna hu kbir. Dawn ġejjin mill-Awstralja, il-Britannja, Franza, il-Ġappun, l-Istati Uniti, il-Kanada, il-Korea, u Spanja, u l-età tagħhom tvarja bejn 21 u 73 sena. Fosthom hemm iktar minn 50 oħt mhix miżżewġa. X’għen lil dawn l-aħwa żelużi biex iwettqu l-ministeru tagħhom f’pajjiż barrani? Ejja nsiru nafu.

Laura

Laura, oħt mhix miżżewġa mill-Kanada, taqdi bħala pijuniera fil-Punent tat-Tajwan. Imma sa xi għaxar snin ilu, xejn ma kien jogħġobha x-xogħol tal-ippritkar. Hi tispjega li ma tantx kienet toħroġ fil-ministeru, u għalhekk ma kinitx tieħu pjaċir. Imbagħad xi ħbieb fil-Kanada staqsewha biex tmur magħhom il-Messiku biex tieħu sehem fix-xogħol tal-ippritkar għal xahar. Hi tgħid, “Din kienet l-ewwel darba li qattajt ħafna ħin fil-ministeru, u tgħidx kemm ħadt pjaċir—kienet xi ħaġa li vera ma kontx qed nistennieha!”

Din l-esperjenza pjaċevoli qanqlet lil Laura biex tikkunsidra li tmur f’kongregazzjoni taʼ lingwa barranija fil-Kanada. Hi bdiet tattendi kors tal-lingwa Ċiniża, qdiet maʼ grupp taċ-Ċiniż, u għamlet mira li tmur tgħix it-Tajwan. Din il-mira laħqitha f’Settembru tal-2008. “Domt madwar sena biex inħossni komda fl-ambjent ġdid tiegħi,” tgħid Laura, “imma issa lanqas biss nimmaġinani mmur lura l-Kanada.” Kif tħossha dwar ix-xogħol tal-ippritkar? “Tgħidx kemm nieħu pjaċir,” tgħid hi. “M’hemm xejn li jagħtik iktar sodisfazzjon milli tara kif l-istudenti tal-Bibbja jbiddlu ħajjithom hekk kif isiru jafu lil Ġeħova. Il-fatt li naqdi fit-Tajwan  tani l-opportunità biex għal darba wara l-oħra nesperjenza dan il-ferħ kbir.”

KIF IKAMPAW MINKEJJA LI MA JAFUX IL-LINGWA SEW

Brian u Michelle

Brian u Michelle, koppja li għandhom madwar 35 sena mill-Istati Uniti, marru joqogħdu t-Tajwan xi tmien snin ilu. Għall-ewwel ħassew li ma kellhomx sehem utli fil-ministeru. Imma ħu li kien ilu jaqdi bħala missjunarju qalilhom: “Anki jekk biss tagħtu fuljett lil xi ħadd, għandkom tiftakru li x’aktarx din tkun l-ewwel darba li dak l-individwu jingħata messaġġ dwar Ġeħova. Allura diġà qed ikollkom sehem importanti fil-ministeru!” Dan il-kumment inkuraġġanti għen bil-kbir lil Brian u lil Michelle biex ma jaqtgħux qalbhom. Ħu ieħor qalilhom: “Biex ma tiġux skuraġġiti, tikkalkulawx kemm għamiltu progress fil-lingwa Ċiniża minn jum għal jum, imma minn assemblea għal oħra.” U tabilħaqq, huma għamlu progress u qed juru li llum huma pijunieri effettivi.

X’jistaʼ jqanqal lilek biex tidħol għall-biċċa xogħol li titgħallem lingwa barranija? Ipprova żur il-pajjiż fejn tixtieq taqdi. Mur il-laqgħat, assoċja mal-aħwa lokali, u mur magħhom fil-ministeru. Brian jgħid: “Wara li tara kemm ħafna jwieġbu b’mod favorevoli għall-messaġġ tas-Saltna u tesperjenza l-imħabba mill-qalb tal-aħwa, se tiġi mqanqal biex tilqaʼ l-isfidi li taqdi f’pajjiż barrani.”

XI NGĦIDU GĦAX-XOGĦOL SEKULARI?

Kristin u Michelle

Diversi pijunieri li marru jgħixu fit-Tajwan, fejn il-bżonn hu akbar, setgħu jmantnu lilhom infushom billi jgħallmu l-Ingliż. Kristin u Michelle ibigħu l-frott tal-baħar. Kristin jispjega, “Qatt ma kont għamilt dan ix-xogħol qabel, imma dan jgħinni biex inkun nistaʼ nibqaʼ fil-pajjiż.” Maż-żmien, Kristin kellu klijenti li jixtru mingħandu regolarment. Dan ix-xogħol part-time jippermettilu jmantni lilu nnifsu u lil martu, u jħallilhom biżżejjed ħin biex iqattgħuh fl-attività primarja tagħhom—ix-xogħol taʼ pijunier, li fih jistadu għall-bnedmin.

“GAWDI L-VJAĠĠ”

William u Jennifer, koppja mill-Istati Uniti, waslu t-Tajwan madwar sebaʼ snin ilu. William jgħid: “Peress li ridna nitgħallmu l-lingwa, naqdu bħala pijunieri, nieħdu ħsieb il-kongregazzjoni, u naqilgħu biżżejjed flus biex ngħixu, kultant konna nħossuna eżawriti.” X’għenhom biex jirnexxu u jibqgħu ferħanin? Huma pprovaw jagħmlu miri raġunevoli. Pereżempju, billi ma stennewx wisq minnhom infushom waqt li kienu qed jitgħallmu ċ-Ċiniż, huma ma kinux skuraġġiti għalkollox meta l-progress kien bil-mod.

William u Jennifer

William jiftakar li darba indokratur li jivvjaġġa qallu, “Gawdi l-vjaġġ, u mhux biss id-destinazzjoni.” Fi kliem ieħor, wara li nagħmlu mira spiritwali, għandna nieħdu pjaċir b’dak li nagħmlu biex nilħqu l-mira. William jgħid li dan il-parir għen lilu u lil martu biex ikunu flessibbli, biex jagħtu widen għall-pariri li jagħtuhom l-aħwa responsabbli tal-lokal, u biex jaġġustaw il-mod kif jagħmlu l-affarijiet sabiex il-ministeru tagħhom ikun taʼ suċċess f’pajjiż ġdid. Hu jżid jgħid, “Dan il-parir għenna wkoll niftakru biex nieħdu ftit ħin u ngawdu s-sbuħija naturali tal-gżira fejn konna qed naqdu.”

Bħal William u Jennifer, Megan, oħt pijuniera mhix miżżewġa mill-Istati Uniti, qed ‘tgawdi l-vjaġġ tagħha,’ jiġifieri s-servizz tagħha, waqt li qed tipprova tilħaq il-mira li titkellem biċ-Ċiniż b’mod iktar fluwenti. Kull tmiem il-ġimgħa hi tingħaqad maʼ grupp taʼ pubblikaturi li jippritkaw f’territorju affaxxinanti—il-port taʼ Kaohsiung, l-akbar port fit-Tajwan. Megan qed jirnexxilha taqsam l-aħbar tajba minn vapur għal vapur u tipprietka lil sajjieda mill-Bangladexx, il-Filippini, l-Indja, l-Indoneżja,  it-Tajlandja, u l-Vanwatu. “Peress li s-sajjieda ma jdumux ħafna fil-port, nibdew studju tal-Bibbja hemmhekk dak il-ħin stess. Biex nilħaq lil kulħadd, spiss nistudja maʼ grupp taʼ erbgħa min-nies jew ħamsa fl-istess ħin.” U kif inhi sejra fil-lingwa Ċiniża? Hi tgħid, “Nixtieq li nistaʼ nitgħallem iktar malajr, imma nżomm f’moħħi dak li darba qalli ħu, ‘Agħmel l-almu tiegħek, u Ġeħova żgur ikun miegħek.’”

Megan

SIGUR, SEMPLIĊI, U EĊĊITANTI

Qabel ma Cathy, mill-Britannja, marret tgħix f’pajjiż ieħor, hi għamlet riċerka biex tara liema pajjiż barrani jkun sigur għal oħt mhix miżżewġa. Hi fetħet qalbha fit-talb maʼ Ġeħova u kitbet lil diversi uffiċċji tal-fergħa biex issir taf x’perikli jistaʼ jkun hemm għal oħt mhix miżżewġa. Wara dan, hi kkunsidrat bir-reqqa t-tweġibiet għall-ittri tagħha u kkonkludiet li kien xieraq għaliha li tmur it-Tajwan.

Fl-2004, meta kellha 31 sena, Cathy marret toqgħod it-Tajwan, fejn qed tgħix ħajja sempliċi kemm jistaʼ jkun. Hi tirrakkonta: “Staqsejt lill-aħwa minn fejn nistaʼ nixtri l-frott u l-ħaxix bi prezz irħis. Il-parir tajjeb tagħhom għenni biex il-flus iservuni aktar.” X’jgħinha żżomm ħajja sempliċi? Cathy tgħid: “Spiss nitlob lil Ġeħova biex jgħinni nkun kuntenta b’ikel sempliċi u bi lbies li ma tantx jiswa flus. Inħoss li Ġeħova jwieġeb it-talb tiegħi billi jgħallimni x’inhuma l-bżonnijiet tiegħi u billi jgħinni nkun kuntenta avolja m’għandix kulma nixtieq.” Hi żiedet tgħid: “Jien inħobb il-ħajja sempliċi tiegħi għax tgħinni niffoka fuq l-affarijiet spiritwali.”

Cathy

Imma l-ħajja taʼ Cathy mhijiex biss sempliċi imma wkoll eċċitanti. Hi tispjega għala: “Nistaʼ nipprietka fi nħawi fejn ħafna nies iwieġbu b’mod favorevoli għall-aħbar tajba. Dan ferħ taʼ veru!” Meta waslet it-Tajwan, kien hemm żewġ kongregazzjonijiet taċ-Ċiniż fil-belt fejn kienet bdiet taqdi bħala pijuniera, imma llum hemm sebaʼ kongregazzjonijiet. Cathy tgħid: “Li nara dan it-tkabbir tal-għaġeb b’għajnejja stess u li jkolli sehem fil-ħsad jagħmel il-ħajja tiegħi taʼ kuljum verament eċċitanti!”

“ANKI LILI KELLHOM BŻONN”

Choong Keon u Julie, li ssemmew fil-bidu, issa kif inhuma sejrin fl-inkarigu tagħhom? Choong Keon għall-ewwel ħass li ma tantx kien utli fil-kongregazzjoni minħabba li ċ-Ċiniż tiegħu kien limitat. Imma l-aħwa tal-lokal kienu jaħsbuha mod ieħor. “Meta nqasmet il-kongregazzjoni tagħna f’żewġ kongregazzjonijiet, jien ingħatajt ħafna iktar responsabbiltajiet bħala qaddej ministerjali,” jgħid Choong Keon. “F’dak iż-żmien, verament ħassejt li kont qed naqdi fejn il-bżonn kien akbar. Kemm ħadt pjaċir,” jgħid hu bi tbissima, “li anki lili kellhom bżonn!” Illum hu jaqdi bħala anzjan. Julie żżid tgħid: “Inħossu sodisfazzjon u ferħ li qatt ma ħassejna qabel. Ġejna hawnhekk biex ngħinu, imma nħossu li aħna ġejna megħjuna b’din l-esperjenza eċċitanti. Nirringrazzjaw lil Ġeħova talli qed iħallina naqduh hawnhekk!”

F’ħafna pajjiżi, għad hemm il-bżonn taʼ iktar nies biex jaħdmu fil-ħsad spiritwali. Se tispiċċa l-iskola u ma tafx x’se taqbad tagħmel b’ħajtek? Int ġuvni jew xebba u tixtieq tkun aktar utli fl-organizzazzjoni taʼ Ġeħova? Tixtieq li l-familja tiegħek ikollha ħafna memorji sbieħ fis-servizz taʼ Ġeħova? Irtirajt u għandek ħajja mimlija esperjenza taʼ valur li tistaʼ taqsamha m’oħrajn? Tistaʼ tkun żgur li hemm barkiet għonja jistennewk jekk tiddeċiedi li tkabbar il-ministeru tiegħek billi taqdi fejn hemm iktar bżonn taʼ pubblikaturi tas-Saltna.