Dwar il-Ħajja tal-Familja
Dak li Nitgħallmu Minn Ġesù
Dwar il-Ħajja tal-Familja
Liema ħarsa lejn iż-żwieġ tferraħ il-familji?
Iż-żwieġ huwa rabta sagra. Meta Ġesù ġie mistoqsi jekk id-divorzju huwiex aċċettabbli, hu qal: “Ma qrajtux li sa mill-bidu dak li ħalaqhom għamilhom raġel u mara u qal, ‘Minħabba f’hekk raġel iħalli lil missieru u lil ommu u jingħaqad maʼ martu, u t-tnejn ikunu ġisem wieħed’? Mela m’għadhomx iżjed tnejn, imma ġisem wieħed. Għalhekk, dak li Alla għaqqad flimkien ħa ma jifirdu ebda bniedem. . . . Kulmin jiddivorzja lil martu, ħlief minħabba ż-żína, u jiżżewweġ oħra jagħmel adulterju.” (Mattew 19:4-6, 9) Meta koppja miżżewġa jsegwu l-parir taʼ Ġesù u jkunu leali lejn xulxin, dawk kollha fil-familja jħossuhom fis-sigurtà u ferħanin.
Għala l-imħabba għal Alla tferraħ il-familja?
Ġesù qal: “‘Ħobb lil Ġeħova Alla tiegħek b’qalbek kollha u b’ruħek kollha u b’moħħok kollu.’ Dan hu l-akbar u l-ewwel kmandament.” Liema hu t-tieni l-akbar kmandament? Ġesù qal: “Ħobb lill-proxxmu tiegħek [dan jinkludi lil dawk li jgħixu l-iktar qrib tiegħek—il-familja] bħalek innifsek.” (Mattew 22:37-39) Allura, il-fattur essenzjali għall-hena fil-familja hu li jkollna relazzjoni tajba m’Alla għax l-imħabba għalih tqanqalna nħobbu ’l xulxin.
Kif jistgħu l-irġiel u n-nisa miżżewġin iferrħu ’l xulxin?
L-irġiel miżżewġin iferrħu lil marthom meta jsegwu l-eżempju taʼ Ġesù. Hu wera mħabba li qanqlitu jagħmel sagrifiċċji għall-mara figurattiva tiegħu, il-kongregazzjoni. (Efesin 5:25) Ġesù qal: “Bin il-bniedem ma ġiex biex ikun moqdi, imma biex jaqdi.” (Mattew 20:28) Ġesù qatt m’għamilha taʼ dittatur jew kien aħrax maʼ dawk taħt il-ħarsien tiegħu imma kien iserraħhom. (Mattew 11:28) Għalhekk, l-irġiel miżżewġin għandhom jeżerċitaw l-awtorità tagħhom b’qalb tajba għall-ġid tal-familja kollha.
In-nisa miżżewġin ukoll jistgħu jibbenefikaw mill-eżempju taʼ Ġesù. Il-Bibbja tgħid li “l-kap tal-Kristu hu Alla.” Tgħid ukoll li “l-kap tal-mara hu r-raġel.” (1 Korintin 11:3) Ġesù ma ħassux importanti wisq biex jissottometti ruħu lejn Alla. Hu kellu rispett profond lejn Missieru. Ġesù qal: “Dejjem nagħmel dak li jogħġob lilu.” (Ġwanni 8:29) Mara li tissottometti ruħha għall-istat taʼ kap taʼ żewġha, għax tħobb u tirrispetta ’l Alla, tgħin ħafna biex il-ħajja tal-familja tkun ferħana.
X’jistgħu jitgħallmu l-ġenituri mill-ħarsa taʼ Ġesù lejn it-tfal?
Ġesù qattaʼ l-ħin mat-tfal u kien interessat fil-ħsibijiet u s-sentimenti tagħhom. Il-Bibbja tgħid: “Ġesù sejjaħ lejh liċ-ċkejknin u qal: ‘Ħallu t-tfal żgħar jiġu għandi.’” (Luqa 18:15, 16) Darba minnhom, in-nies ikkritikaw lil xi subien li tkellmu fil-beraħ dwar il-fidi tagħhom f’Ġesù. Imma Ġesù faħħar lil dawn is-subien u qal lil dawk li kkritikawhom: “Qatt ma qrajtuh dan, ‘Minn fomm iċ-ċkejknin u t-trabi tal-ħalib int ipprovdejt it-tifħir’?”—Mattew 21:15, 16.
X’jistgħu jitgħallmu t-tfal minn Ġesù?
Ġesù ta eżempju mill-aħjar lit-tfal dwar il-bżonn li jkunu interessati fl-affarijiet spiritwali. Meta kellu 12-il sena nstab “fit-tempju bil-qiegħda f’nofs l-għalliema, jismagħhom u jistaqsihom.” B’liema riżultat? “Dawk kollha li kienu qed jisimgħuh baqgħu mistagħġbin b’kemm kien jifhem u bit-tweġibiet tiegħu.” (Luqa 2:42, 46, 47) Madankollu, l-għarfien taʼ Ġesù m’għamlux minfuħ bih innifsu. Anzi dan għamlu jirrispetta l-ġenituri tiegħu. Il-Bibbja tgħid li “baqaʼ sottomess lejhom.”—Luqa 2:51.
Għal iktar informazzjoni ara kapitlu 14 tal-ktieb Il-Bibbja X’Tgħallem Verament? a
[Nota taʼ taħt]
a Pubblikat mix-Xhieda taʼ Ġeħova.