Imħallef li Hu Sod Għal Dak li Hu Sewwa
Ersaq Qrib Lejn Alla
Imħallef li Hu Sod Għal Dak li Hu Sewwa
L-IMĦALLFIN umani kultant jaqtgħu sentenzi li huma inġusti jew ħorox iżżejjed; imma Ġeħova mhuwiex hekk, għax hu “jħobb il-ġustizzja.” (Salm 37:28) Għalkemm hu paċenzjuż, ma jħallix kollox għaddej. Hu sod għal dak li hu sewwa. Ikkunsidra kif aġixxa meta nqalgħet ġlieda u ribelljoni, bħalma naqraw f’Numri kapitlu 20.
Lejn it-tmiem tal-vjaġġ tagħhom fix-xagħri, l-Israelin iffaċċjaw nuqqas taʼ ilma. a In-nies bdew jargumentaw maʼ Mosè u Aron billi qalulhom: “Għala ġibtu l-kongregazzjoni taʼ Ġeħova f’dan ix-xagħri biex aħna u l-bhejjem tat-tagħbija tagħna mmutu hawnhekk?” (Vers 4) In-nies gergru li x-xagħri kien “post mill-agħar” li ma kellu “la tin, la dwieli, [u lanqas] rummien,” l-istess frott li l-ispiji Israelin ġabu mill-Art Imwiegħda ħafna snin qabel, u lanqas ma kellhom ‘ilma x’jixorbu.’ (Vers 5; Numri 13:23) Huma kienu bażikament qed jagħtu t-tort lil Mosè u Aron għall-fatt li x-xagħri ma kienx bħall-art mimlija frott li l-ġenerazzjoni li tgerger taʼ qabilhom m’aċċettatx li tidħol fiha.
Ġeħova ta kas it-tgergir tan-nies. Għalhekk, qal lil Mosè biex jagħmel tliet affarijiet: jieħu l-ħatar, jiġmaʼ n-nies, u ‘jkellem lill-blata quddiem għajnejhom u din trid tagħti l-ilma tagħha.’ (Vers 8) Mosè obda l-ewwel żewġ affarijiet li ordnalu Ġeħova imma naqas li jobdi t-tielet ħaġa. Minflok ma kellem lill-blata b’fidi f’Ġeħova, hu mtela bl-imrar u qal lin-nies: “Isimgħu, issa, ja ribelli! Minn din il-blata triduna noħorġulkom l-ilma?” (Vers 10; Salm 106:32, 33) Imbagħad, Mosè ħabbat darbtejn fuq il-blata, “u beda ħiereġ ħafna ilma.”—Vers 11.
B’hekk, Mosè flimkien m’Aron dinbu serjament. “Intom irribellajtu kontra l-ordni tiegħi,” qalilhom Alla. (Numri 20:24) Billi ħaduha kontra l-ordni t’Alla f’dan il-każ, Mosè u Aron saru dak li akkużaw lin-nies bih—ribelli. Il-ġudizzju t’Alla kien ċar: Mosè u Aron ma kellhomx idaħħlu lil Israel fl-Art Imwiegħda. Kien dan il-ġudizzju aħrax iżżejjed? Le, għal għadd taʼ raġunijiet.
L-ewwel, Alla ma qalx lil Mosè biex ikellem lin-nies, aħseb u ara jiġġudikahom bħala ribelli. It-tieni, Mosè u Aron naqsu milli jigglorifikaw lil Alla. Alla qalilhom li ma qaddsuhx. (Vers 12) Billi qal: “Triduna noħorġulkom l-ilma,” Mosè tkellem bħallikieku kienu hu u Aron li pprovdew l-ilma b’miraklu u mhux Alla. It-tielet, il-ġudizzju kien konsistenti maʼ ġudizzji oħrajn li saru qabel. Alla ma ħalliex lill-ġenerazzjoni ribelluża taʼ qabel tidħol f’Kangħan, għalhekk għamel l-istess maʼ Mosè u Aron. (Numri 14:22, 23) Ir-rabaʼ, Mosè u Aron kienu l-mexxejja taʼ Israel. Dawk li għandhom ħafna responsabbiltà għandhom kont akbar x’jagħtu lil Alla.—Luqa 12:48.
Ġeħova hu sod għal dak li hu sewwa. Minħabba li jħobb il-ġustizzja, ma jistax jagħmel ġudizzji inġusti. B’mod ċar, Imħallef bħal dan jistħoqqlu l-fiduċja u r-rispett tagħna.
[Nota taʼ taħt]
a Wara l-Eżodu mill-Eġittu, l-Israelin kienu lesti biex jidħlu f’Kangħan, l-art li Alla wiegħed lil Abraham. Iżda meta għaxar spiji ġabu rapport ħażin, in-nies gergru kontra Mosè. B’hekk, Ġeħova stqarr li kellhom iqattgħu 40 sena fix-xagħri—żmien biżżejjed biex il-ġenerazzjoni ribelluża tmut.