Fejn Għexu
Il-Ħajja tal-Kristjani fl-Ewwel Seklu
Fejn Għexu
“Ma żammejtx lura milli . . . ngħallimkom pubblikament u minn dar għal dar.”—ATTI 20:20.
HEKK kif tidħol minn ġo bieb kbir ħafna, mill-ewwel issib ruħek f’belt tal-ewwel seklu. Bħal ħafna bliet oħrajn, din qiegħda fuq għolja. ’Il fuq minnek tistaʼ tara n-naħa taʼ fuq tal-belt. Hemm għadd taʼ vilel bojod u lussużi, ħafna minnhom b’ġonna mdawrin bil-ħitan, li qed ileqqu fix-xemx. F’dawn l-inħawi jgħixu l-għonja. Fin-niżla tal-għolja tibda tara iktar djar taʼ qisien u stili differenti. Dawn id-djar kbar tal-ġebel u b’diversi sulari, tal-merkanti u tas-sidien tal-art tal-klassi tan-nofs, qegħdin tul it-toroq miksijin biċ-ċangaturi. Iktar ’l isfel fil-wied hemm l-inħawi foqra. Id-djar sempliċi għall-aħħar taʼ hawnhekk huma żgħar u jidhru qishom kaxxi mibnijin waħda ħdejn l-oħra fi sqaqien dojoq, jew imdawrin maʼ btieħi żgħar.
Hekk kif timxi fit-toroq iffollati, il-ħsejjes u l-irwejjaħ iqanqlulek is-sensi. In-nisa qed isajru u jimlew dawk in-naħat bi rwejjaħ li jxennquk. Tismaʼ l-ħoss tal-annimali u tat-tfal li qed jilagħbu. L-irġiel qed jaħdmu bi bżulija fi ħwienet storbjużi li jintnu.
Għall-familja Kristjana, il-ħajja kienet ċentrata f’dawn id-djar. Dawn ħejjew l-isfond għall-ħajja taʼ kuljum, għat-tagħlim spiritwali, u għall-qima.
Id-Djar Iżgħar Bħad-djar tal-lum, id-daqs u t-tip tal-postijiet fejn kienu jgħixu kienu jvarjaw skont il-post u ċ-ċirkustanzi finanzjarji tal-familja. L-iżgħar djar (1) kienu jikkonsistu minn kamra mudlama u dejqa, li fiha kienet tgħix familja sħiħa. Ħafna djar żgħar kienu mibnijin b’ħitan magħmulin minn brikks tat-tajn imnixxfin fix-xemx. Djar oħrajn kienu magħmulin minn ħitan tal-ġebel maqtugħ bl-addoċċ.
Ġeneralment, iż-żewġ tipi kienu jinbnew fuq pedament tal-ġebel.Il-ħitan taʼ ġewwa kienu mkaħħlin u l-art kienet bil-madum, u dan kien jirrikjedi manutenzjoni kontinwa. Minn tal-inqas kien hemm fetħa żgħira waħda fis-saqaf jew fil-ħajt li kienet tippermetti li joħroġ id-duħħan tal-kċina. L-għamara kienet limitata għall-affarijiet essenzjali tad-dar.
Saqaf tat-tajn kien jistrieħ fuq friegħi, qasab, u fallakki fuq travi tal-injam, mirfudin bil-pilastri. It-tafal kompressat imbagħad kien jitkaħħal, u b’hekk is-saqaf ftit li xejn kien jgħaddi ilma minnu. Biex dak li jkun imur fuq il-bejt ġeneralment ried jitlaʼ minn sellum minn barra.
Saħansitra f’ambjent bħal dan, id-djar Kristjani kienu postijiet pjaċevoli, fejn anki familja fqira setgħet tkun sinjura spiritwalment u hienja.
Il-Klassi tan-Nofs Id-djar akbar tal-ġebel li kellhom żewġ sulari (2) tal-klassi tan-nofs kien fihom kamra tal-mistidnin. (Marku 14:13-16; Atti 1:13, 14) Din il-kamra kbira taʼ fuq setgħet tintuża għal-laqgħat u spiss kienet disponibbli fi żminijiet taʼ festa. (Atti 2:1-4) Dawn id-djar u anki djar akbar (3) tal-merkanti u tas-sidien tal-art kienu mibnijin b’ġebel tal-ġir li kien jitkaħħal bit-tajn tal-ġir. L-art bil-madum u l-ħitan taʼ ġewwa kienu jitkaħħlu; il-ħitan taʼ barra kienu jitbajdu.
Biex dak li jkun imur fil-kmamar taʼ fuq u fuq il-bejt ried jitlaʼ minn taraġ. Il-bjut ċatti kollha kienu mdawrin b’ċint biex jiġi evitat li xi ħadd jaqaʼ u biex jiġu evitati aċċidenti oħrajn. (Dewteronomju 22:8) Matul is-sħana tal-jum, taħt tinda sempliċi għad-dell, il-bejt kien post pjaċevoli fejn dak li jkun setaʼ jmur biex jistudja, jimmedita, jitlob, jew jistrieħ.—Atti 10:9.
Waqt li spiss kienu jakkomodaw lil familji estiżi, dawn id-djar sodi bi kmamar akbar kienu jippermettu iktar spazju fejn jgħixu, kmamar tas-sodda separati, u kċina u kamra tal-ikel akbar.
Id-Djar Iktar Lussużi Id-djar taʼ stil Ruman (4) kienu jvarjaw b’mod konsiderevoli fid-daqs, fid-disinn, u fil-kostruzzjoni. Il-kmamar spazjużi kienu ċentrati madwar kamra tal-ikel kbira (triklinju), iċ-ċentru tal-attività tal-familja. Xi disinji kienu jinkludu t-tieni jew it-tielet sular (5) jew kienu mżejnin b’ġonna mdawrin bil-ħitan.
Id-djar iktar lussużi setaʼ kien fihom għamara elaborata, ftit minnha ingastata bl-ivorju u Atti 20:9, 10.
bid-deheb. Dawn id-djar kellhom konvenjenzi bħal ilma fil-vit u banjijiet. L-art x’aktarx li kienet magħmula mill-injam jew minn irħam b’ħafna kuluri, u l-ħitan x’aktarx li kienu miksijin biċ-ċedru. Il-gradilji bil-ġamar kienu jintużaw biex isaħħnu. Il-gradi, ġeneralment tal-injam, kienu jitqiegħdu fit-twieqi għas-sigurtà, u l-purtieri kienu jagħtu ammont taʼ privatezza lin-nies. Fil-ħitan wesgħin tal-ġebel kienu jinqatgħu bankijiet taħt it-twieqi.—Kien x’kien id-daqs jew l-istil tad-dar tagħhom, il-Kristjani tal-bidu kienu ospitabbli u ġenerużi bl-affarijiet li kellhom. B’hekk, l-indokraturi li jivvjaġġaw ma kellhomx diffikultà biex isibu familja qalbha tajba u ospitabbli maʼ min joqogħdu sakemm ilestu l-ministeru tagħhom f’dik il-belt jew raħal.—Mattew 10:11; Atti 16:14, 15.
“Id-Dar taʼ Xmun u Indrì” Ġesù ġie milqugħ mill-qalb “fid-dar taʼ Xmun u Indrì.” (Marku 1:29-31) Id-dar taʼ dawn is-sajjieda setgħet kienet parti minn grupp taʼ djar modesti mibnijin qrib xulxin (6) u mdawrin maʼ bitħa biċ-ċangaturi.
Fi djar bħal dawn, il-bibien u t-twieqi kienu jagħtu għal fuq il-bitħa, li spiss kienet iċ-ċentru tal-attivitajiet taʼ kuljum, inkluż it-tisjir, il-ħami, it-tħin tal-qmuħ, u post fejn jassoċjaw u jieklu.
Id-djar b’sular wieħed f’Kafarnahum kienu mibnijin b’bażalt (blat vulkaniku) lokali mhux maqtugħ. It-taraġ taʼ barra kien iwassal għal bejt ċatt magħmul minn tafal kompressat jew minn madum imqiegħed fuq il-qasab u l-fallakki li kienu jistrieħu fuq it-travi. (Marku 2:1-5) L-art taʼ ġewwa kienet iċċangjata, spiss mgħottija b’tapiti minsuġin.
Blokok tad-djar ifformaw toroq u sqaqien tul ix-xatt tal-Baħar tal-Galilija. Kafarnahum kienet post ideali għas-sajjieda li kienu jaqilgħu l-għajxien tagħhom mill-baħar.
“Minn Dar Għal Dar” Fil-qosor, id-djar tal-Kristjani tal-ewwel seklu kienu jvarjaw—mid-djar b’kamra waħda magħmulin minn brikks tat-tajn sal-vilel tal-ġebel kbar u lussużi.
Dawn id-djar ma kinux biss kenn għall-familja. Id-dar kienet post taʼ tagħlim spiritwali. Ġewwa l-ħitan, il-familja kienet tqim flimkien. Kienu jinġemgħu fi djar privati biex jistudjaw l-Iskrittura u biex igawdu sħubija maʼ sħabhom fit-twemmin. Dak li tgħallmu fi djarhom użawh tajjeb hekk kif wettqu x-xogħol tagħhom importanti ferm, jiġifieri, li jippritkaw u jgħallmu “minn dar għal dar” fid-dinja Rumana.—Atti 20:20.