Kif Tistaʼ Tikkumbatti Sentimenti Negattivi?
ĠIELI ssib ruħek tikkumbatti sentimenti negattivi? Ngħiduha kif inhi, kulħadd xi darba jew oħra se jsib ruħu jikkumbatti sentimenti bħal dawn. Iż-żminijiet li qed ngħixu fihom huma mimlijin diffikultajiet ekonomiċi, vjolenza kbira, u inġustizzja grassa. Mhijiex xi ħaġa tal-iskantament mela, li ħafna nies iħossu dwejjaq kbar, ħtija eċċessiva, u li ma jiswew għal xejn.
Sentimenti bħal dawn jistgħu jkunu perikolużi. Dawn is-sentimenti jistgħu jnaqqsulna l-fiduċja fina nfusna, ma jħalluniex nirraġunaw sew, u jisirqulna l-ferħ. Il-Bibbja tgħid: “Skuraġġejt ruħek fi żmien l-hemm? Ma tantx se jkollok qawwa.” (Proverbji 24:10) Neħtieġu s-saħħa u l-enerġija biex nibqgħu għaddejjin f’din id-dinja mimlija inkwiet. Għalhekk, huwa essenzjali li nikkontrollaw is-sentimenti negattivi. a
Il-Bibbja tipprovdi xi difiżi qawwijin kontra s-sentimenti negattivi. Alla Ġeħova, il-Ħallieq u s-Sostenitur tal-ħajja kollha, ma jridekx iċċedi minħabba li tħossok iddisprat jew bla tama. (Salm 36:9) Mela, ejja nikkunsidraw tliet modi kif il-Kelma t’Alla tistaʼ tgħinna nikkumbattu sentimenti negattivi.
Kun Konxju tal-Interess li Alla Għandu Fik
Xi wħud jaħsbu li Alla għandu wisq x’jagħmel biex jagħti kas is-sentimenti persunali tagħhom. Int hekk tħossok? Il-fatt hu li l-Bibbja tassigurana li l-Ħallieq tagħna jimpurtah mis-sentimenti tagħna. Is-salmista qal: “Ġeħova hu qrib dawk li għandhom qalbhom maqsuma; u lil dawk bi spirtu miksur isalvahom.” (Salm 34:18) Kemm hu taʼ faraġ li nkunu nafu li s-Sovran li jistaʼ kollox hu qrib tagħna meta nkunu mnikktin!
Alla mhuwiex insensittiv u lanqas ma hu ’l bogħod wisq minna. Il-Bibbja tgħid li “Alla hu mħabba.” (1 Ġwanni 4:8) Hu jħobb lin-nies u jimpurtah minn dawk li qed isofru. Pereżempju, meta l-Iżraelin kienu fil-jasar fl-Eġittu, madwar 3,500 sena ilu, hu qal: “Bla dubju jien rajt is-sofferenza tan-nies tiegħi li qegħdin l-Eġittu, u smajt l-għajta tagħhom minħabba dawk li jġegħluhom jaħdmu iebes; għaliex naf tajjeb kemm qed isofru. U se ninżel neħlishom.”—Eżodu 3:7, 8.
Alla jifhem sew l-emozzjonijiet tagħna. Wara kollox, kien “hu li għamilna, u mhux aħna nfusna.” (Salm 100:3) Għalhekk, anki meta nħossu li bnedmin oħrajn ma jifhmuniex, nistgħu nibqgħu ċerti li Alla jifhimna. Il-Kelma t’Alla tgħid: “Mhux bħalma jara l-bniedem jara Alla, għaliex il-bniedem jara dak li jidher f’għajnejh; imma Ġeħova jara l-qalb.” (1 Samwel 16:7) Saħansitra lanqas is-sentimenti profondi tagħna ma huma moħbijin minn Alla.
Huwa minnu li Ġeħova hu konxju wkoll tal-iżbalji u n-nuqqasijiet tagħna. Imma nistgħu nkunu grati li l-Ħallieq tagħna kollu mħabba hu wieħed li jaħfer. Il-kittieb ispirat tal-Bibbja, David, qal: “Bħalma missier juri ħniena maʼ wliedu, Ġeħova wera ħniena maʼ dawk li jibżgħu minnu. Għax hu jaf tajjeb kif aħna msawrin, u jiftakar li aħna trab.” (Salm 103:13, 14) Forsi aħna ninnotaw biss dak li hu ħażin dwarna, imma Alla jħares lejna b’mod differenti. Dment li aħna nindmu minn dnubietna, hu jfittex it-tajjeb fina u ma joqgħodx jiffoka fuq il-ħażin.—Salm 139:1-3, 23, 24.
Għalhekk, meta nkunu mifnijin għax inħossuna li ma niswew għalxejn, għandna bżonn inkunu determinati li negħlbu dawn is-sentimenti. Jeħtieġ niftakru kif iħares lejna Alla!—1 Ġwanni 3:20.
Żviluppa Ħbiberija mill-Qrib m’Alla
Kif se nibbenefikaw jekk inħarsu lejna nfusna kif iħares lejna Alla? Se jkun iktar faċli għalina li napplikaw il-pass li jmiss sabiex negħlbu sentimenti negattivi. Dan il-pass hu li nibnu ħbiberija mill-qrib m’Alla. Huwa dan verament possibbli?
Bħala Missier kollu mħabba, Alla Ġeħova hu ħerqan biex jgħinna niżviluppaw ħbiberija mill-qrib miegħu. Il-Bibbja tħeġġiġna: “Ersqu qrib lejn Alla, u hu jersaq qrib lejkom.” (Ġakbu 4:8) Ikkunsidra dan il-fatt tal-għaġeb: Għalkemm aħna dgħajfin u midinbin, xorta waħda nistgħu nibnu ħbiberija persunali u mill-qrib mas-Sovran tal-univers.
Sabiex insiru nafuh bħala persuna, Alla rrivela lilu nnifsu fil-Bibbja. Jekk naqraw il-Bibbja regolarment, nistgħu nitgħallmu dwar il-kwalitajiet mill-aqwa t’Alla. b Hekk kif nimmeditaw fuq għarfien bħal dan, aħna se nħossuna saħansitra eqreb taʼ Ġeħova. Se nifhmu aħjar li hu Missier li verament iħobb u jagħder.
Meta noqogħdu naħsbu fil-fond dwar dak li naqraw se nibbenefikaw saħansitra iktar. Se nersqu eqreb lejn Missierna tas-sema billi ndaħħlu l-ħsibijiet tiegħu f’moħħna u f’qalbna, inħalluhom jikkoreġuna, jikkonslawna, u jiggwidawna. Jeħtieġ li nagħmlu dan b’mod speċjali meta nkunu qegħdin nikkumbattu ħsibijiet u sentimenti li jinkwetawna jew li jagħmluna ansjużi. Is-salmista qal hekk: “Meta l-ħsibijiet li jinkwetawni żdiedu ġewwa fija, il-faraġ tiegħek beda jmellisli ruħi.” (Salm 94:19) Il-Kelma t’Alla tistaʼ tkun tassew taʼ faraġ. Jekk b’umiltà naċċettaw il-messaġġ tal-verità tiegħu, għandna mnejn insibu li minflok is-sentimenti negattivi, bil-mod il-mod se jkollna l-faraġ u l-paċi li Alla biss jistaʼ jagħtina. B’hekk, Ġeħova jfarraġna bħalma ġenitur kollu mħabba jfarraġ lil uliedu li jkunu mweġġgħin jew imdejqin.
Pass ieħor li rridu nieħdu biex insiru ħbieb t’Alla jinvolvi li nitkellmu miegħu regolarment. Il-Bibbja tassigurana li “kulma nitolbuh skond ir-rieda tiegħu, [Alla] jismagħna.” (1 Ġwanni 5:14) Huma x’inhuma l-beżgħat jew l-ansjetajiet li jistaʼ jkollna, nistgħu nitolbu lil Alla għall-għajnuna tiegħu. Jekk niftħu qalbna maʼ Ġeħova se niksbu l-paċi tal-moħħ. L-appostlu Pawlu kiteb: “Imma f’kollox b’talb u b’suppliki flimkien maʼ radd il-ħajr ħallu lil Alla jkun jaf x’teħtieġu; u l-paċi t’Alla li tisboq kull ħsieb tgħasses lil qalbkom u l-qawwa mentali tagħkom permezz taʼ Kristu Ġesù.”—Filippin 4:6, 7.
Hekk kif iżżomm skeda taʼ qari tal-Bibbja, meditazzjoni, u talb persunali, bla dubju int se ssib li qed tibni rabta mill-qrib maʼ Missierek tas-sema. Din ir-rabta hi arma qawwija li se tgħinek tikkumbatti sentimenti negattivi. X’iktar jistaʼ jkun taʼ għajnuna?
Iffoka fuq Tama Ċerta għall-Futur
Anki meta nkunu għaddejjin mill-iktar ċirkustanzi diffiċli, xorta waħda nistgħu nżommu moħħna ffokat fuq affarijiet tajbin. Kif? Alla jagħtina tama ċerta għall-futur. L-appostlu Pietru ġabar din it-tama mill-isbaħ f’dan il-kliem: “Hemm smewwiet ġodda u art ġdida li aħna qed nistennew skond il-wegħda [t’Alla], u f’dawn tgħammar il-ġustizzja.” (2 Pietru 3:13) Dan xi jfisser?
L-espressjoni “smewwiet ġodda” fil-fatt tirreferi għal gvern—is-Saltna t’Alla fis-sema mmexxija minn Ġesù Kristu. L-“art ġdida” tirreferi għal soċjetà ġdida taʼ nies hawn fuq l-art li jkollhom l-approvazzjoni t’Alla. Taħt it-tmexxija tas-“smewwiet ġodda,” is-soċjetà ġdida fuq l-art se tkun ħielsa mill-affarijiet kollha li jikkaġunaw sentimenti negattivi. Dwar in-nies leali li se jkunu qed jgħixu f’dak iż-żmien, il-Bibbja tassigurana li Alla se “jixxottalhom kull demgħa minn għajnejhom, u ma jkunx hemm iżjed mewt, u la niket u la għajat u lanqas uġigħ.”—Rivelazzjoni 21:4.
Żgur taqbel li dan huwa kliem inkuraġġanti u mill-isbaħ. Huwa għalhekk li l-Bibbja titkellem dwar il-prospetti għall-futur li Alla pprovda għall-Kristjani veri bħala “t-tama hienja.” (Titu 2:13) Jekk niffokaw fuq il-wegħdi t’Alla għall-futur tal-umanità—u fuq ir-raġunijiet għala dawn il-wegħdi huma ċerti u taʼ min joqgħod fuqhom—se nwarrbu ħsibijiet negattivi.—Filippin 4:8.
Il-Bibbja tqabbel it-tama tagħna taʼ salvazzjoni maʼ elmu. (1 Tessalonikin 5:8) Fiż-żminijiet tal-qedem, suldat ma kienx jażżarda jieħu sehem fi gwerra mingħajr l-elmu tiegħu. Hu kien jaf li l-elmu kien se jtaffilu d-daqqiet u jilqagħlu kull arma mmirata lejh. Bħalma elmu jipproteġi lir-ras, hekk ukoll it-tama tipproteġi lill-moħħ. Il-meditazzjoni fuq ħsibijiet li jimlewna bit-tama jistgħu jżommuna lura milli jkollna ħsibijiet negattivi, pessimisti, u li jqanqlu l-biżaʼ.
Għalhekk, huwa possibbli li tikkumbatti sentimenti negattivi. Iva, jistaʼ jirnexxilek! Irrifletti dwar il-mod kif iħares lejk Alla, ersaq eqreb lejh, u ffoka fuq it-tama li għandek għall-futur. Imbagħad tistaʼ tibqaʼ ċert li se tara dak il-jum meta s-sentimenti negattivi jkunu spiċċaw darba għal dejjem!—Salm 37:29.
[Noti taʼ taħt]
a Dawk li qed jikkumbattu dipressjoni fit-tul jew dipressjoni serja ħafna għandhom mnejn ikollhom bżonn jaraw tabib kwalifikat.—Mattew 9:12.
b Fil-ħarġa tat-Torri tal-Għassa bl-Ingliż tal-1 taʼ Awwissu, 2009, issib skeda prattika u utli għall-qari tal-Bibbja.
[Kumment f’paġna 19]
“Naf tajjeb kemm qed isofru.”—EŻODU 3:7, 8
[Kumment f’paġna 20]
“Meta l-ħsibijiet li jinkwetawni żdiedu ġewwa fija, il-faraġ tiegħek beda jmellisli ruħi.”—SALM 94:19
[Kumment f’paġna 21]
“Il-paċi t’Alla li tisboq kull ħsieb tgħasses lil qalbkom u l-qawwa mentali tagħkom.”—FILIPPIN 4:7
[Kaxxa/Stampa f’paġna 20, 21]
Skritturi taʼ Faraġ Dwar Alla Ġeħova
“Ġeħova, Alla ħanin u grazzjuż, bil-mod biex jirrabja u għani fil-qalb tajba bl-imħabba u l-verità.”—EŻODU 34:6.
‘Għajnejh jiġru ’l hemm u ’l hawn maʼ l-art kollha biex juri s-saħħa tiegħu għan-nom taʼ dawk li qalbhom hi sħiħa lejh.’—2 KRONAKI 16:9.
“Ġeħova hu qrib dawk li għandhom qalbhom maqsuma; u lil dawk bi spirtu miksur isalvahom.”—SALM 34:18.
“Int, O Ġeħova, tajjeb u lest li taħfer.”—SALM 86:5.
“Ġeħova hu tajjeb maʼ kulħadd, u l-ħniniet tiegħu huma fuq xogħlijietu kollha.”—SALM 145:9.
“Jien, Ġeħova Alla tiegħek, qed naqbdek minn idek il-leminija u ngħidlek, ‘Tibżax. Jien stess ngħinek.’” —ISAIJA 41:13.
“Ikun imbierek . . . il-Missier taʼ kull ħniena tenera u l-Alla taʼ kull faraġ.”—2 KORINTIN 1:3.
“Naċċertaw lil qlubna quddiemu rigward dak kollu li qlubna jikkundannawna dwaru, għax Alla hu akbar minn qlubna u jaf kollox.” —1 ĠWANNI 3:19, 20.
[Kaxxa/Stampi f’paġna 22]
Qed Jirnexxilhom Ikampaw maʼ Sentimenti Negattivi
“Missieri għandu l-vizzju tax-xorb, u ikkaġunali ħafna tbatija. Ili żmien twil ninfena għax inħossni li ma niswa għalxejn. Iżda meta aċċettajt studju tal-Bibbja maʼ Xhud taʼ Ġeħova, sirt naf dwar il-wegħda taʼ ħajja taʼ dejjem fuq l-art. Din it-tama mlietli moħħi u qalbi bil-ferħ. Il-qari tal-Bibbja sar xi ħaġa regulari f’ħajti. Dejjem inżomm Bibbja ħdejja. Meta jaħkmuni sentimenti negattivi, niftaħha u naqra skritturi li jagħtuni faraġ. Il-kwalitajiet sbieħ t’Alla li naqra dwarhom jassigurawni li jien prezzjuża f’għajnejh.”—Kátia, mara taʼ 33 sena. c
“Jien kont dipendenti mill-alkoħol, mill-marijuana, mill-kokaina, mill-kokaina crack, u kont noqgħod inxomm il-kolla. Minħabba li tlift kulma kelli, spiċċajt nittallab. Imma wara li aċċettajt l-istedina biex nibda studju tal-Bibbja max-Xhieda taʼ Ġeħova, biddilt ħajti kompletament. Sirt naf lil Alla bħala Persuna. Għalkemm għadni nissielet kontra s-sentimenti taʼ ħtija u kontra l-fatt li nħossni li ma niswa għalxejn, tgħallimt nistrieħ fuq il-ħniena t’Alla u fuq il-qalb tajba bl-imħabba tiegħu. Jien ċert li Alla se jkompli jagħtini s-saħħa biex negħleb is-sentimenti negattivi. L-aqwa ħaġa li qatt ġratli hi li sirt naf il-verità tal-Bibbja.”—Renato, raġel taʼ 37 sena.
“Mindu kont għadni żgħira, kont inqabbel lili nnifsi maʼ ħija l-kbir. Dejjem ħassejtni inferjuri għalih. Xorta għadni nħoss nuqqas kbir taʼ sigurtà, u m’għandix fiduċja fija nnifsi u fl-abbiltajiet tiegħi. Imma jien determinata li ma naqtax qalbi. Tlabt bla heda lil Ġeħova, u hu għenni biex ma nibqax inħossni li ma niswa għalxejn. Huwa inkuraġġanti li nkun naf li Alla verament iħobbni u jieħu ħsiebi!”—Roberta, mara taʼ 45 sena.
[Nota taʼ taħt]
c Xi ismijiet ġew mibdulin.