Għallem lil Uliedek
Ġieli Ħassejtek Ħuta Barra mill-Ilma?
XI ĦADD li jħossu ħuta barra mill-ilma hu xi ħadd li oħrajn ma jaċċettawhx bħala parti mill-grupp tagħhom. Għandu mnejn ikollu kulur tal-ġilda jew nazzjonalità differenti jew jitkellem u jaġixxi b’mod differenti. Int ġieli tħossok ħuta barra mill-ilma?— a
Ejja nitkellmu dwar raġel li ħassu hekk. Kien jismu Mefiboset. Ejja nitgħallmu min kien u għala ħassu ħuta barra mill-ilma. Jekk int ġieli tħossok hekk, tistaʼ titgħallem ħafna minn Mefiboset.
Mefiboset kien bin Ġonatan, il-ħabib għażiż taʼ David. Qabel ma miet fil-gwerra, Ġonatan qal lil David: ‘Kun qalbek tajba maʼ wliedi.’ David sar sultan. Snin wara ftakar fil-kliem taʼ Ġonatan, u Mefiboset kien għadu ħaj. Meta kien żgħir, kellu inċident ikrah. Bilkemm setaʼ jimxi għall-kumplament taʼ ħajtu. Tistaʼ tara għala forsi ħassu ħuta barra mill-ilma?—
David ried juri qalb tajba maʼ bin Ġonatan. Allura David għamel arranġamenti biex Mefiboset ikollu dar ħdejn tiegħu f’Ġerusalemm, u dejjem kellu post merfugħ għalih mal-mejda taʼ David. Ir-raġel Siba, flimkien maʼ wliedu subien u l-qaddejja tiegħu, ngħata lil Mefiboset biex ikun il-qaddej tiegħu. David verament onora lil bin Ġonatan! Taf x’ġara mbagħad?—
David inqalagħlu l-inkwiet f’daru. Absalom, wieħed mit-tfal taʼ David, dar kontrih u pprova jkun sultan. David kellu jaħrab biex
isalva ħajtu. Mefiboset xtaq imur maʼ David meta ħafna oħrajn marru. Dawn il-ħbieb taʼ David kien jafu li hu kien is-sultan bi dritt. Imma Mefiboset ma setax imur għax bilkemm setaʼ jimxi.Imbagħad Siba qal lil David li Mefiboset ma marx magħhom għax fir-realtà ried ikun sultan hu. David emmen din il-gidba! Allura ta lil Siba l-proprjetà kollha taʼ Mefiboset. David ma damx ma rebaħ il-gwerra kontra Absalom u mar lura Ġerusalemm. Issa David semaʼ n-naħa taʼ Mefiboset. David iddeċieda li Mefiboset u Siba għandhom jaqsmu l-proprjetà. X’taħseb li għamel Mefiboset?—
Ma gergirx li d-deċiżjoni taʼ David ma kinitx ġusta. Mefiboset kien jaf li s-sultan kellu bżonn il-paċi sabiex ikun jistaʼ jagħmel xogħlu sew. Allura qal li Siba setaʼ jżomm il-proprjetà kollha. Dak li verament kien importanti għal Mefiboset kien li David, il-qaddej taʼ Ġeħova, kien lura Ġerusalemm bħala s-sultan.
Mefiboset sofra ħafna. Spiss ħassu ħuta barra mill-ilma. Imma Ġeħova ħabbu u ħa ħsiebu. X’nistgħu nitgħallmu minn dan?— Anki meta nagħmlu t-tajjeb, xi wħud jistgħu jigdbu dwarna. Ġesù qal: “Jekk id-dinja tobgħodkom, tafu li lili bagħditni qabel ma bagħdet lilkom.” In-nies saħansitra qatlu lil Ġesù! Nistgħu nkunu ċerti li jekk nagħmlu s-sewwa, l-Alla l-veru, Ġeħova, se jħobbna—u Ibnu, Ġesù, se jħobbna wkoll.
Aqra mill-Bibbja tiegħek
a Jekk qed taqra mat-tfal, is-sinjal qiegħed hemm biex ifakkrek li għandek tieqaf u tinkuraġġixxi lit-tfal jesprimu ruħhom.