Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

 GĦALLEM LIL ULIEDEK

Alla Jista’ Jħossu Mweġġa’—Kif Nistgħu Nferrħuh

Alla Jista’ Jħossu Mweġġa’—Kif Nistgħu Nferrħuh

Ġieli ġejt tant imweġġaʼ li bkejt? * Wisq probabbli lkoll kemm aħna esperjenzajna dan. Imma kultant għandna mnejn nibku għax inkunu mdejqin. Xi ħadd jistaʼ jgħid affarijiet ħżiena dwarna li mhumiex veri. Dan jistaʼ jweġġagħna, hux hekk?— Alla wkoll jistaʼ jħossu mweġġaʼ meta jingħad il-gideb dwaru. Ejja nitkellmu dwar dan u naraw kif nistgħu nferrħu lil Alla minflok ma nweġġgħuh.

Il-Bibbja tgħid li xi nies li qalu li jħobbu lil Alla “ġegħluh iħossu mweġġaʼ.” Iva, “weġġgħu” lil Alla! Naturalment, ħadd ma jistaʼ jweġġaʼ lil Alla Ġeħova fiżikament. Hu jistaʼ kollox. Mela, ejja naraw għala Ġeħova jħossu mweġġaʼ meta ma nagħmlux dak li jgħid hu.

L-ewwel tnejn min-nies li Ġeħova ħalaq fuq l-art ġegħluh iħossu mweġġaʼ ħafna. Lil dawn it-tnejn poġġiehom fil-Ġenna fuq l-art magħrufa bħala l-“ġnien taʼ l-Għeden.” Min kienu dawn it-tnejn?— Iva, Adam u iktar tard Eva. Ejja naraw x’għamlu li bih weġġgħu lil Ġeħova.

Wara li Ġeħova poġġiehom f’dak il-ġnien, hu qalilhom biex jieħdu ħsieb il-ġnien. Qalilhom ukoll li setaʼ jkollhom it-tfal u li setgħu jgħixu flimkien fil-ġnien mingħajr ma jmutu. Imma qabel ma Adam u Eva kellhom it-tfal, ġrat xi ħaġa terribbli. Taf x’kienet?— Anġlu ħeġġeġ lil Eva u mbagħad lil Adam biex jirribellaw kontra Ġeħova. Ejja naraw kif ġara dan.

L-anġlu ġiegħel serp jidher li qed jitkellem. Eva għoġobha dak li semgħet—is-serp qal li hi kienet se ssir “bħal Alla.” Għalhekk, hi għamlet dak li qalilha s-serp. Taf x’għamlet?

 Eva kielet mis-siġra li Ġeħova kien qal lil Adam biex ma jiklux minnha. Qabel m’Alla ħalaq lil Eva, lil Adam kien qallu: “Minn kull siġra tal-ġnien tistaʼ tiekol sakemm tixbaʼ. Imma mis-siġra taʼ l-għarfien tat-tajjeb u l-ħażin ma tistax tiekol, għax fil-jum li tiekol minnha int żgur li tmut.”

Eva kienet tafha din il-liġi. Madankollu, hi baqgħet tħares lejn is-siġra, u rat “li l-frott tas-siġra kien tajjeb għall-ikel u li kien jiġbed l-għajn . . . Għalhekk, hi ħadet mill-frott u kilitu.” Iktar tard tat il-frott lil Adam, u hu “beda jieklu.” Għala taħseb li għamel hekk?— Kien minħabba li Adam sar iħobb lil Eva iktar milli kien iħobb lil Ġeħova. Hu għażel li jogħġob lilha minflok lil Alla. Imma li nobdu lil Ġeħova hu iktar importanti milli nobdu lil kwalunkwe persuna oħra!

Tiftakru s-serp li kellem lil Eva? Sewwasew bħalma persuna tistaʼ tagħmel pupazz jidher li qed jitkellem, xi ħadd għamel lil dak is-serp jidher qed jitkellem. Taʼ min kien il-leħen li ġie mis-serp?— Kien il-leħen tas-“serp oriġinali, dak li hu msejjaħ Xitan u Satana.”

Taf kif tistaʼ tferraħ lil Ġeħova?— Tistaʼ tagħmel hekk billi dejjem tipprova togħġbu. Satana jgħid li hu jistaʼ jġiegħel lil kulħadd jagħmel dak li jridu hu. Għalhekk, Ġeħova jħeġġiġna: “Ibni [jew binti], kun għaref u ferraħli qalbi, biex inkun nistaʼ nwieġeb lil min qed jgħajjarni.” Satana jgħajjar, jew iwaqqaʼ għaċ-ċajt, lil Ġeħova. Hu jgħid li jistaʼ jwaqqaf lil kulħadd milli jaqdi Lilu. Allura ferraħ lil Ġeħova billi tobdih u taqdih! Se tagħmel int l-almu tiegħek biex tagħmel hekk?

^ Par. 3 Jekk qed taqra mat-tfal, is-sing twil qiegħed hemm biex ifakkrek li għandek tieqaf u tinkuraġġixxi lit-tfal jesprimu ruħhom.