Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Tista’ tirreżisti t-tentazzjoni!

Tista’ tirreżisti t-tentazzjoni!

“Ma kellix it-tir li nfittex il-pornografija. Imma dħalt fuq l-Internet u telaʼ riklam. Ma nafx għala, imma kklikkjajt fuqu.”—CODY. *

“Tfajla gustuża fuq ix-xogħol bdiet tifflertja miegħi. Darba minnhom issuġġerietli li mmorru f’lukanda biex ‘noqogħdu nilagħbu.’ Kont naf eżatt x’riedet tagħmel.”—DYLAN.

“KAPAĊI nirreżisti kollox ħlief it-tentazzjoni.” Dan il-qawl spirituż jiddeskrivi tajjeb kif xi nies iqisu t-tentazzjoni—fil-fond taʼ qalbhom jieħdu pjaċir biha. Jerġaʼ oħrajn iqisu t-tentazzjoni bħala għadu persistenti li jixtiequ sinċerament jirbħulu. X’taħseb int? Meta tiġi ffaċċjat b’tentazzjoni, għandek iċċedi jew tirreżisti?

Bla dubju, mhux it-tentazzjonijiet kollha jwasslu għal problemi kbar. Li tieħu dik il-gallettina żejda bil-moħbi, pereżempju, mhux se jeqridlek ħajtek. Imma jekk iċċedi għal ġibdiet oħra—speċjalment dawk li jwasslu għall-immoralità sesswali—jistgħu jġibu konsegwenzi serji. Il-Bibbja twissi: “Kulmin jagħmel adulterju . . . għandu qalbu belha; min jagħmlu jkun qed jirrovina ruħu.”—Proverbji 6:32, 33.

Kif għandek tirreaġixxi jekk tiġi ttantat għal għarrieda b’tentazzjoni immorali? Il-Bibbja twieġeb: “Dan hu li jrid Alla, li titqaddsu, li titbiegħdu miż-żína; li kull wieħed minnkom ikun jaf kif jikkontrolla ġismu bil-qdusija u bl-unur.” (1 Tessalonikin 4:3, 4) Kif tistaʼ trawwem ġo fik din id-determinazzjoni? It-tliet passi li ġejjin jistgħu jgħinuk.

L-ewwel pass: Għasses lil għajnejk

Jekk tixħet għajnejk fuq stampi senswali, mhu se jagħmel xejn ħlief iżidlek xewqat ħżiena. Ġesù kkonferma l-konnessjoni bejn dak li tara u dak li tixtieq qalbek meta wissa: “Kulmin jibqaʼ jħares lejn mara biex jixtieqha jkun diġà għamel adulterju magħha f’qalbu.” Imbagħad uża iperbole u ħeġġeġ: “Jekk għajnek il-leminija qed tfixklek, aqlagħha u armiha ’l bogħod minnek.” (Mattew 5:28, 29) X’inhu l-punt? Biex nirreżistu t-tentazzjoni, għandna nkunu deċiżivi u ma npaxxux lil għajnejna billi nħalluhom iħarsu lejn stampi provokattivi.

Meta tara xi stampi erotiċi, dawwar wiċċek ’l hemm

 Biex nagħtu eżempju: Immaġina li ħarist lejn id-dawl qawwi meta xi ħadd kien qed jiwweldja. Kont tibqaʼ tħares lejh? Żgur li le! Int iddur jew tgħatti għajnejk biex tipproteġi l-vista. B’mod simili, jekk tara xi stampi erotiċi—ipprintjati, fuq il-monitor, jew fir-realtà—dawwar wiċċek ’l hemm mill-ewwel. Ipproteġi moħħok milli jiġi infettat. Wieħed li kellu l-vizzju tal-pornografija, Juan, jgħid: “Meta nara mara gustuża, spiss ikolli t-tentazzjoni li nerġaʼ nħares għal darba, tnejn. Allura, inġiegħel lil għajnejja jħarsu band’oħra u ngħid lili nnifsi: ‘Itlob lil Ġeħova! Għandek bżonn titlob issa akkost taʼ kollox!’ Wara li nitlob, il-ġibda malajr tgħaddi.”—Mattew 6:9, 13; 1 Korintin 10:13.

Qis ukoll dak li qal ir-raġel leali Ġob: “Patt m’għajnejja għamilt. Għalhekk, kif nistaʼ nkun moħħni f’xi verġni?” (Ġob 31:1) Għala ma tkunx riżolut bħalu?

Ipprova dan: Jekk tilmaħ stampi pornografiċi, dawwar wiċċek mill-ewwel. Agħmel bħall-kittieb Bibliku li talab: “Tħallix lil għajnejja jaraw dak li hu bla siwi.”—Salm 119:37.

It-tieni pass: Għasses ħsibijietek

Minħabba li lkoll imperfetti, xi drabi għandna mnejn nissieltu b’xewqat ħżiena. Il-Bibbja tgħid: “Kull bniedem jiġi provat billi jkun miġbud u mħajjar mix-xewqa tiegħu stess. Imbagħad, meta x-xewqa ssir fertili, tiled id-dnub.” (Ġakbu 1:14, 15) Kif tistaʼ tevita li tinqabad f’sitwazzjoni bħal din li dejjem taqleb għall-agħar u diffiċli toħroġ minnha?

Meta jkollok xewqat ħżiena, ftakar li tistaʼ tiddeċiedi int kif tirreaġixxi għalihom. Iġġildilhom dawk ix-xewqat ħżiena. Qaċċathom minn moħħok. Irrifjuta li toqgħod taħseb dwar fantasiji immorali. Raġel jismu Troy, li kellu l-vizzju li jara l-pornografija fuq l-Internet, jgħid: “Issilitt biex inneħħi ħsibijiet ħżiena minn moħħi u biex minflok niffoka fuq ħsibijiet pożittivi. Ma kienx faċli. Erġajt waqajt kemm-il darba. Imma eventwalment  tgħallimt nikkontrolla l-ħsibijiet tiegħi.” Mara jisimha Elsa, li taʼ żagħżugħa ssieltet kontra tentazzjonijiet immorali, tiftakar, “Billi kont dejjem inżomm ruħi okkupata u nitlob lil Ġeħova, irnexxieli ma naħsibx fuq affarijiet ħżiena.”

Ipprova dan: Meta tkun turmentat bi ħsibijiet immorali, ieqaf immedjatament u itlob. Iġġieled kontra ħsibijiet ħżiena billi timla moħħok b’“kulma hu veru, kulma hu serju, kulma hu ġust, kulma hu safi, kulma jqanqal l-imħabba, kulma hu taʼ fama tajba, kull virtù, u kull ħaġa li jistħoqqilha tifħir.”—Filippin 4:8.

It-tielet pass: Għasses il-passi tiegħek

Flimkien, ix-xewqa, it-tentazzjoni, u l-opportunità jistgħu faċilment iwasslu għall-problemi. (Proverbji 7:6-23) Kif tistaʼ tevita li ssir vittma?

Il-Bibbja tagħti l-parir: “Min hu prudenti jara l-gwaj u jinħeba, imma dawk taʼ bla esperjenza jibqgħu sejrin u jkollhom iħallsu l-piena.” (Proverbji 22:3) Għalhekk, għasses il-passi tiegħek. Antiċipa sitwazzjonijiet li jistgħu jwasslu għall-problemi u evitahom. (Proverbji 7:25) Raġel jismu Filipe, li għeleb il-vizzju li kellu tal-pornografija, jgħid: “Qegħedt il-kompjuter tal-familja fejn setaʼ jarah kulħadd u installajt programm li jżommok milli tara materjal mhux xieraq fuq l-Internet. U nidħol fl-Internet meta jkun hemm ħaddieħor fil-viċin biss.” B’mod simili, Troy, li ssemma iktar kmieni, jgħid: “Nevita li nara films provokattivi u li nagħmilha maʼ nies li jitkellmu baxx dwar is-sess. Ma rridx li npoġġi lili nnifsi f’sitwazzjoni perikoluża.”

Ipprova dan: Evalwa onestament id-dgħufijiet tiegħek, u ppjana bil-quddiem biex tevita li ddaħħal lilek innifsek fit-tentazzjoni.—Mattew 6:13.

TAQTAX QALBEK!

Xi ngħidu jekk, minkejja li tipprova b’ħiltek kollha, tiddgħajjef u ċċedi għat-tentazzjoni? Taqtax qalbek, kompli ġġieled. Il-Bibbja tgħid: “Il-ġust jistaʼ saħansitra jaqaʼ sebaʼ darbiet, u żgur iqum.” (Proverbji 24:16) Iva, Missierna tas-sema jinkuraġġina nerġgħu ‘nqumu.’ Se taċċetta int l-għajnuna kollha mħabba tiegħu? Mela tiqafx milli ddur lejh fit-talb. Ibni l-fidi tiegħek billi tistudja l-Kelma tiegħu. Saħħaħ id-determinazzjoni tiegħek billi tattendi l-laqgħat Kristjani. Sib il-kuraġġ mill-wegħda t’Alla: “Jien inqawwik. Jien ngħinek verament.”—Isaija 41:10.

Cody, li ssemma fil-bidu, jgħid: “Kien jeħtieġ sforz kbir biex negħleb il-vizzju li kelli tal-pornografija. Erġajt waqajt kemm-il darba, imma bl-għajnuna t’Alla, fl-aħħar irnexxieli.” Dylan, li ssemma qabel ukoll, jgħid: “Faċilment stajt ikolli x’naqsam maʼ dik it-tfajla taʼ fuq ix-xogħol. Imma bqajt determinat u għedtilha ‘Le!’ Inħossni veru tajjeb li għandi kuxjenza nadifa. Iktar importanti, naf li għamilt lil Ġeħova kburi bija.”

Meta żżomm sod kontra u tirreżisti t-tentazzjoni, tistaʼ sserraħ rasek li Alla se jkun kburi bik ukoll!—Proverbji 27:11.

^ par. 2 L-ismijiet f’dan l-artiklu ġew mibdulin.