Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Mistoqsijiet dwar il-Bibbja mweġbin

Mistoqsijiet dwar il-Bibbja mweġbin

Għala għandna nitolbu?

Alla Ġeħova jridna nkellmuh bil-​libertà regolarment dwar dak li jikkonċernana. (Luqa 18:1-​7) Hu jismaʼ għax hu interessat fina. Ladarba Missierna tas-​sema b’qalb tajba jistidinna nitolbuh, għala m’għandniex nilqgħu l-​istedina tiegħu?—Aqra Filippin 4:6.

It-​talb mhux sempliċement mod kif nitolbu għall-​għajnuna. Pjuttost, it-​talb jgħinna nersqu qrib lejn Alla. (Salm 8:3, 4) Meta regolarment nesprimu s-​sentimenti tagħna m’Alla, aħna niżviluppaw ħbiberija eqreb miegħu.—Aqra Ġakbu 4:8.

Kif għandna nitolbu?

Meta nitolbu, Alla ma jridniex nużaw kliem li jimpressjona jew nirripetu talb bl-​amment. Lanqas mhu meħtieġ li noqogħdu f’xi pożizzjoni speċjali. Ġeħova jistidinna nitolbu mill-​qalb. (Mattew 6:7) Pereżempju, f’Iżrael tal-​qedem, Ħanna talbet dwar problema fil-​familja li kienet qed tinkwetaha. Iktar tard, meta d-​diqa tagħha nbidlet f’ferħ, hi rringrazzjat lil Alla b’talb mill-​qalb.—Aqra l-​1 Samwel 1:10, 12, 13, 26, 27; 2:1.

Xi privileġġ mill-​isbaħ għandna! Aħna nistgħu navviċinaw lill-​Ħallieq b’kulma jinkwetana. Nistgħu wkoll infaħħruh u nirringrazzjawh għal dak li jagħmel. Ċertament, m’għandniex nittraskuraw privileġġ prezzjuż bħal dan.—Aqra Salm 145:14-​16.