Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Il-liġi t’Alla għall-Iżraelin kienet ġusta u raġunevoli?

Il-liġi t’Alla għall-Iżraelin kienet ġusta u raġunevoli?

XI ŻMIEN ilu, il-qrati f’pajjiż tal-Punent aċċettaw evidenza dubjuża kontra żewġt irġiel akkużati fuq qtil u kkundannawhom għall-mewt. Meta ż-żejt telaʼ f’wiċċ l-ilma, l-avukati ħadmu iebes u kisbu l-libertà taʼ wieħed minnhom. Imma għall-akkużat l-ieħor ma setgħu jagħmlu xejn għax laħaq ġie maqtul.

Ladarba l-ġustizzja tistaʼ tiġi mgħawġa f’kull sistema legali, il-Bibbja tħeġġeġ: “Il-ġustizzja—il-ġustizzja għandek tfittex.” (Dewteronomju 16:20) Meta l-imħallfin jaraw li jkun hemm ġustizzja, iċ-ċittadini jibbenefikaw. Il-Liġi t’Alla tat lill-Iżrael tal-qedem sistema legali bbażata fuq l-imparzjalità u r-raġunevolezza. Ejja nagħtu titwila lejn il-Liġi biex naraw jekk it-triqat t’Alla humiex kollha ġusti.—Dewteronomju 32:4.

IMĦALLFIN “GĦORRIEF U GĦAQLIN U BL-ESPERJENZA”

In-nies jibbenefikaw meta l-imħallfin ikunu kapaċi, raġunevoli, u mhux korrotti. Il-Liġi t’Alla għal Iżrael enfasizzat il-valur kbir tal-imħallfin taʼ dak il-kalibru. Kmieni fil-vjaġġ ġo art xagħrija, Mosè ntqallu biex ifittex “irġiel kapaċi, li jibżgħu minn Alla, irġiel taʼ min jafdahom, jobogħdu l-qligħ inġust,” biex jaqdu bħala mħallfin. (Eżodu 18:21, 22) Erbgħin sena wara, reġaʼ enfasizza l-bżonn għal “rġiel għorrief u għaqlin u bl-esperjenza” biex jiġġudikaw lin-nies.—Dewteronomju 1:13-17.

Sekli wara, is-Sultan Ġeħosafat * taʼ Ġuda kkmanda lill-imħallfin: “Araw x’qed tagħmlu, għaliex m’intomx tiġġudikaw għall-bniedem imma għal Ġeħova; u hu jkun magħkom meta tiġġudikaw. U issa ħa jkun fuqkom il-biżaʼ minn Ġeħova. Oqogħdu attenti u aġixxu, għax maʼ Ġeħova Alla tagħna m’hemmx inġustizzja jew parzjalità u lanqas jaċċetta tixħim.” (2 Kronaki 19:6, 7) B’hekk, is-sultan fakkar lill-imħallfin li jekk id-deċiżjonijiet tagħhom ikunu effettwati minn preġudizzju jew tixħim, Alla kien se jitlob kont minnhom għal kull deni li setgħu kkaġunaw.

Meta l-imħallfin t’Iżrael kienu jgħixu fi qbil maʼ dawn il-livelli għoljin, il-ġens kien iħossu protett u fis-sigurtà. Imma l-Liġi t’Alla tipprovdi wkoll għadd taʼ prinċipji li jgħinu lill-imħallfin jieħdu deċiżjonijiet ġusti, anki fl-iktar każijiet diffiċli. X’inhuma xi prinċipji minn dawn?

PRINĊIPJI LI KIENU T’GĦAJNUNA BIEX TITTIEĦED DEĊIŻJONI ĠUSTA

Għalkemm l-imħallfin magħżula kellhom ikunu rġiel għorrief u kapaċi, ma tħallewx jagħmlu ġudizzji billi jistrieħu fuq l-abbiltajiet tagħhom jew fuq kemm jafu. Alla Ġeħova tahom prinċipji jew gwida biex ikunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet tajbin. Issa se nitkellmu dwar xi direzzjonijiet li ngħataw lill-imħallfin Iżraelin.

Stħarreġ bir-reqqa l-kwistjoni. Permezz taʼ Mosè, Alla istruwixxa l-imħallfin Iżraelin: “Meta jkollkom smigħ taʼ xi każ bejn ħutkom, iġġudikaw bil-ġustizzja.” (Dewteronomju 1:16) L-imħallfin jistgħu jagħmlu verdett ġust biss jekk ikunu jafu l-fatti kollha tal-każ. Għal din ir-raġuni, lil dawk li jieħdu ħsieb il-kwistjonijiet ġudizzjarji Alla tahom  dawn l-istruzzjonijiet: “Trid tfittex u tistħarreġ u tistaqsi bir-reqqa.” L-imħallfin fil-qorti kellhom jagħmlu ċert li qabel ma jmexxu l-każ, l-akkuża kellha tiġi “stabbilita li hi l-verità.”—Dewteronomju 13:14; 17:4.

Agħti widen lix-xhieda. L-istqarrijiet tax-xhieda kienu importanti ħafna għall-investigazzjonijiet. Il-Liġi t’Alla b’mod ċar kienet tgħid: “Ebda xhud wieħed m’għandu jqum kontra raġel dwar xi żball jew xi dnub, fi kwalunkwe dnub li għandu mnejn jagħmel. Il-kwistjoni għandha tiġi stabbilita minn fomm żewġ xhieda jew tlieta.” (Dewteronomju 19:15) Lix-xhieda, il-Liġi t’Alla kkmandathom: “Ixxerridx aħbar li mhix vera. Tikkooperax maʼ xi ħadd mill-agħar billi ssir xhud li jfassal il-vjolenza.”—Eżodu 23:1.

Itlob l-onestà mix-xhieda. Il-konsegwenza taʼ li wieħed jigdeb fil-qorti kienet taʼ tfakkira soda għal dawk kollha involuti: “L-imħallfin iridu jfittxu bir-reqqa, u jekk ix-xhud ikun xhud falz u jkun ġab akkuża falza kontra ħuh, agħmlulu sewwasew bħalma kellu f’moħħu li jagħmel lil ħuh, u int trid teqred il-ħażen minn ġo nofsok.” (Dewteronomju 19:18, 19) Allura, f’każ li raġel jinqabad li qed jigdeb biex jakkwista wirt taʼ ħaddieħor, mhux talli ma kienx jakkwistah, imma talli kien jitlef l-istess ammont taʼ wirt minn tiegħu stess. Kieku gideb biex wieħed li jaf li kien innoċenti jingħata l-mewt, kien ikollu jmut hu stess. Din il-gwida kienet raġuni valida biex tingħad il-verità.

Iġġudika bla parzjalità. L-imħallfin kellhom jiddiskutu bejniethom biex jaslu għal deċiżjoni ladarba jkollhom l-evidenza kollha disponibbli. F’dan il-punt, dettall li jispikka mil-Liġi t’Alla sar importanti b’mod speċjali: “Tittrattax lill-batut bil-parzjalità, u tippreferix lil xi ħadd għax hu kbir. Għandek tiġġudika lil sieħbek bil-ġustizzja.” (Levitiku 19:15) F’kull każ, l-imħallfin kellhom jieħdu  deċiżjoni fuq il-kwistjoni skont kif ikun mistħoqq, u mhux skont kif dak li jkun ikun jidher minn barra jew il-pożizzjoni soċjali tiegħu.

Dawn il-prinċipji, li tniżżlu sekli ilu b’mod ċar fil-Liġi t’Alla għall-Iżraelin, għadhom jistgħu jkunu t’għajnuna fil-qrati tal-lum. Meta l-prinċipji jiġu segwiti, jiġu evitati ġudizzji ħżiena u ma jkunx hemm bżonn li jerġaʼ jinfetaħ il-każ minħabba inġustizzja.

Meta l-prinċipji fil-Liġi t’Alla jiġu segwiti, jiġu evitati ġudizzji ħżiena

IN-NIES LI BBENEFIKAW MINN ĠUSTIZZJA VERA

Mosè saqsa din il-mistoqsija lill-Iżraelin: “Liema ġens kbir hemm li għandu regolamenti u deċiżjonijiet ġudizzjarji ġusti bħal din il-liġi kollha li qed inpoġġi quddiemkom illum?” (Dewteronomju 4:8) Fil-fatt, l-ebda ġens ieħor ma bbenefika b’dan il-mod. Taħt il-ħakma tas-Sultan Salamun, li fiż-żgħożija tiegħu fittex li jwettaq il-liġijiet taʼ Ġeħova, in-nies ‘għammru fis-sigurtà,’ gawdew paċi u prosperità, “u kienu jieklu u jixorbu u jifirħu.”—1 Slaten 4:20, 25.

B’dispjaċir, l-Iżraelin maż-żmien ċaħdu l-liġijiet t’Alla. Permezz tal-profeta Ġeremija, Alla ddikjara: “Ara! Huma ċaħdu kelmet Ġeħova, u issa x’għerf għandhom?” (Ġeremija 8:9) Ġara li Ġerusalemm saret “il-belt ħatja tad-demm” mimlija “bl-affarijiet mistkerrhin.” Fl-aħħar inqerdet u kienet diżabitata għal 70 sena.—Eżekjel 22:2; Ġeremija 25:11.

Il-profeta Isaija għex matul żminijiet diffiċli tal-istorja taʼ Iżrael. Meta qagħad jixtarr l-affarijiet, hu kien imqanqal biex jiddikjara l-verità profonda dwar Alla Ġeħova u l-Liġi Tiegħu: “Meta tiġġudika l-art, l-abitanti taʼ l-art produttiva jitgħallmu s-sewwa.”—Isaija 26:9.

B’ferħ, Isaija kien ispirat jipprofetizza dwar it-tmexxija tas-Sultan Messjaniku, Ġesù Kristu, billi qal: “Mhux se jiġġudika biss fuq dak li jara b’għajnejh, lanqas ma jwiddeb sempliċement skond dak li jismaʼ b’widnejh. U bis-sewwa jiġġudika lill-batuti, u b’mod rett jagħti twiddib għan-nom tal-ġwejdin taʼ l-art.” (Isaija 11:3, 4) Xi prospett meraviljuż għal dawk kollha li jsiru ċittadini tas-Sultan Ġesù Kristu taħt is-Saltna t’Alla!—Mattew 6:10.

^ par. 6 L-isem Ġeħosafat ifisser “Ġeħova hu Mħallef.”