Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Għotja li tixraq lil sultan

Għotja li tixraq lil sultan

“Astroloġi mil-lvant . . . fetħu . . . t-teżori tagħhom u tawh xi rigali, deheb, inċens, u mirra.”—Mattew 2:1, 11.

KIEKU int x’kont tagħżel bħala rigal għal bniedem importanti ħafna? Fi żminijiet Bibliċi, xi ħwawar kienu jiswew daqs id-deheb—tant kienu jiswew li setgħu jitqiesu bħala għotjiet li jixirqu lil sultan. * Hu għalhekk li tnejn mir-rigali li l-astrologi offrew lis-“sultan tal-Lhud” kienu ħwawar aromatiċi.—Mattew 2:1, 2, 11.

Żejt tal-balzmu

Il-Bibbja tgħid ukoll li meta s-Sultana taʼ Xeba żaret lil Salamun, hi “tat lis-sultan mija u għoxrin talent deheb u kwantità kbira ferm taʼ żejt tal-balzmu, u ħaġar prezzjuż; u qatt ma kien hemm żejt tal-balzmu bħal dak li s-sultana taʼ Xeba tat lis-Sultan Salamun.” * (2 Kronaki 9:9) Slaten irġiel ukoll bagħtu ż-żejt tal-balzmu bħala ġest tar-rieda tajba tagħhom.—2 Kronaki 9:23, 24.

Ħwawar bħal dawn u prodotti relatati magħhom għala kienu tant taʼ valur u għaljin fi żminijiet Bibliċi? Għax kellhom ħafna rwoli importanti, bħal meta kienu jintużaw għas-sbuħija personali, fis-servizzi reliġjużi, u fid-dfin tal-mejtin. (Ara l-Kaxxa “ L-użu tal-ħwawar aromatiċi fi żminijiet Bibliċi.”) Minbarra d-domanda kbira għalihom, il-ħwawar kienu għaljin minħabba l-ispejjeż tat-trasport u l-bejgħ.

MINN NAĦA GĦAL OĦRA TAD-DEŻERT TAL-ARABJA

Kassja

Fi żminijiet Bibliċi, ċerti pjanti tal-ħwawar kienu jikbru fil-Wied tal-Ġordan. Madankollu, ħwawar oħrajn kellhom jiġu importati. Varjetà taʼ prodotti tal-ħwawar jissemmew fil-Bibbja. Fost dawk l-iktar familjari hemm iż-żagħfran, is-sabbara, il-balzmu, il-kannella, l-inċens abjad, u l-mirra. Minbarra dawn, kien hemm il-ħwawar li spiss kienu jintużaw fl-ikel, bħall-kemmun, in-nagħniegħ, u l-bużbież.

Minn fejn ġew dawn il-ħwawar eżotiċi? Is-sabbara, il-kassja, u l-kannella kienu jinstabu f’dik li llum hi ċ-Ċina, l-Indja, u s-Sri Lanka. Il-ħwawar bħalma huma l-mirra u l-inċens abjad ġew minn siġar kbar u żgħar li kienu jikbru fid-deżert min-naħa t’isfel tal-Arabja sas-Somalja fl-Afrika. In-nard, jew l-ispikonardu, kien prodott li ġie biss mill-muntanji tal-Ħimalaja fl-Indja.

Żagħfran

Biex jaslu Iżrael, ħafna ħwawar kellhom jinġarru tul l-Arabja. Minbarra raġunijiet oħrajn, kien minħabba dan ukoll li matul it-tieni u l-ewwel millennji QK li l-Arabja “kellha monopolju fuq il-ġarr tal-affarijiet bejn il-Lvant u l-Punent,” jispjega The Book of Spices. Bliet tal-qedem, fortizzi, u postijiet fejn kienu jieqfu l-karavani fin-Negev fin-Nofsinhar taʼ Iżrael jimmarkaw ir-rotot taʼ negozjanti tal-ħwawar. Ukoll, dawn il-postijiet “urew kemm kien iħalli qligħ dan in-negozju . . . min-Nofsinhar tal-Arabja sal-Mediterran,” jirrapporta l-World Heritage Centre of UNESCO.

“L-ispazju żgħir għall-ippakkjar, il-prezzijiet għoljin, u d-domanda kontinwa għamlu lill-ħwawar affarijiet mixtiqin ħafna tan-negozju.”—The Book of Spices

Karavani mgħobbijin b’dawn il-ħwawar aromatiċi regolarment ivvjaġġaw distanzi taʼ 1,800 kilometru tul l-Arabja. (Ġob 6:19) Il-Bibbja tirreferi għal karavana taʼ negozjanti Ismagħelin iġorru ħwawar bħall-“gomma aromatika u l-balzmu u l-qoxra taʼ siġra li fiha r-raża” minn Gilegħad sal-Eġittu. (Ġenesi 37:25) L-ulied subien taʼ Ġakobb biegħu lil ħuhom Ġużeppi bħala skjav lil dawn in-negozjanti.

“L-IKBAR SIGRIET TAN-NEGOZJU LI QATT KIEN HAWN”

Bużbież

In-negozjanti mill-Arabja kkontrollaw il-biċċa l-kbira tan-negozju tal-ħwawar għal sekli sħaħ. Huma biss kienu jfornu l-ħwawar mill-Asja, bħalma huma l-kassja u l-kannella. Sabiex jiskuraġġixxu d-dinja Mediterranja milli tistabbilixxi konnessjonijiet kummerċjali direttament maʼ sorsi fil-Lvant, l-Għarab xerrdu ħrejjef immaġinarji dwar il-perikli involuti biex jinkisbu l-ħwawar. Is-sors veru tal-ħwawar kien “aktarx l-ikbar sigriet tan-negozju li qatt kien hawn,” skont The Book of Spices.

Kemmun

L-Għarab xi stejjer xerrdu? Ħerodotus, storjografu Grieg tal-ħames seklu QK, iddeskriva ħrejjef taʼ għasafar tal-biżaʼ li jibnu bejta mill-qoxra tas-siġar tal-kannella fi rdumijiet li m’hemmx aċċess għalihom. Hu kiteb li biex jiksbu dawn il-ħwawar prezzjużi, il-kolletturi kienu jpoġġu biċċiet kbar tal-laħam taħt l-irdum. B’regħba, l-għasafar tant kienu jġorru laħam lejn il-bejta tagħhom li din kienet taqaʼ fl-art. L-irġiel imbagħad setgħu jiġbru l-qoxra tal-kannella malajr u jbigħuha lin-negozjanti. Stejjer bħal dawn infirxu. B’hekk, minħabba l-perikli li “allegatament kien hemm fil-ħsad, [il-kannella] kienet tinbiegħ bi prezz għoli,” jinnota The Book of Spices.

Nagħniegħ

Eventwalment, is-sigriet tal-Għarab inkixef u l-monopolju tagħhom intilef. Sal-ewwel seklu QK, Lixandra, fl-Eġittu, saret port kbir u ċentru kummerċjali għall-ħwawar. Ladarba l-baħħara tgħallmu jieħdu vantaġġ mill-irjieħ tal-monsun tal-Oċean Indjan, xwieni Rumani salpaw minn portijiet Eġizzjani lejn l-Indja. B’hekk, ħwawar lussużi saru iktar abbundanti u l-prezzijiet roħsu.

Illum il-valur tal-ħwawar m’għandu xejn x’jaqsam maʼ dak tad-deheb. U bilkemm nikkunsidraw il-ħwawar bħala għotjiet li jixirqu lil re. Madankollu, miljuni taʼ nies madwar id-dinja għadhom jużawhom fil-fwejjaħ u l-mediċini, u m’għandniex xi ngħidu, biex iżidu t-togħma u l-interess fl-ikel tagħhom. Tabilħaqq, l-aroma tal-ħwawar li tħajjar lil dak li jkun tagħmilhom popolari llum, bħalma kienu eluf taʼ snin ilu.

Kannella

^ par. 3 Fil-Bibbja, il-kliem fil-lingwa oriġinali għal “ħwawar” ġeneralment jirreferi għal prodotti aromatiċi, jew li jfuħu, magħmulin mill-pjanti u mhux għal ħwawar tal-ikel.

^ par. 4 “Iż-żejt tal-balzmu” jirreferi għal żjut aromatiċi jew rażi li jiġu minn siġar kbar u żgħar.