Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Kif Tistaʼ Ma Tinkwetax Iżżejjed?

Kif Tistaʼ Ma Tinkwetax Iżżejjed?

 Jekk tinkwieta żżejjed dwar xi ħaġa, tistaʼ tagħmel il-ħsara lis-saħħa u l-emozzjonijiet tiegħek. Dan jistaʼ jġiblek iktar problemi milli jkollok.

X’tistaʼ tagħmel

  •  Oqgħod attent kemm tara u tismaʼ aħbarijiet koroh. Meta jiġri xi ħaġa, m’hemmx għalfejn tkun taf kull dettall. Jekk tara, tismaʼ jew taqra ħafna aħbarijiet koroh, se tibżaʼ iktar u tħossok bla tama.

     Dak li tgħid il-Bibbja: “Qalb ferħana tagħti s-saħħa.”—Proverbji 17:22, Il-Bibbja, Għaqda Biblika Maltija.

     “Hu faċli tiħodha drawwa li tara informazzjoni fuq l-internet dwar affarijiet tal-biżaʼ li jiġru. Imma din mhix xi ħaġa tajba. Meta ma noqgħodx nara l-aħbarijiet il-ħin kollu, ma nħossnix daqshekk inkwetat.”—John.

     Aħseb: Kemm-il darba għandek bżonn tidħol tiċċekkja l-aħbarijiet?

  •  Żomm rutina. Ipprova qum, kul, agħmel ix-xogħol tad-dar, u orqod fl-istess ħin. Jekk ikollok rutina tajba, se tħoss li l-ħajja hi normali u mhux se tkun daqshekk inkwetat.

     Dak li tgħid il-Bibbja: “Min hu bil-għaqal jaħsibha tajjeb u jirnexxilu.”—Proverbji 21:5, GħBM.

     “Meta bdiet il-pandemija tal-COVID-19 ma bqajtx inżomm mar-rutina u bdejt naħli ħafna ħin fid-divertiment. Jien ridt nuża l-ħin tiegħi aħjar, u għalhekk għamilt skeda biex nagħmel l-affarijiet importanti.”—Joseph.

     Aħseb: Għandek rutina li fl-aħħar tal-ġurnata tgħinek tħossok li għamilt xi ħaġa worth it?

  •  Aħseb fuq it-tajjeb. Jekk toqgħod taħseb dwar dak li stajt tagħmel aħjar fil-passat jew toqgħod tinkwieta x’se jiġri fil-futur, se tħossok iktar inkwetat. Minflok aħseb dwar xi affarijiet li għandek tapprezza.

     Dak li tgħid il-Bibbja: “Uru li intom grati.”—Kolossin 3:15.

     “Meta naqra l-Bibbja ma nkunx qed nimla moħħi b’affarijiet koroh. Dan jgħinni biex nibqaʼ pożittiva. Tinstemaʼ wisq sempliċi imma vera taħdem!”—Lisa.

     Aħseb: Int toqgħod taħseb il-ħin kollu dwar l-affarijiet koroh li ġrawlek fil-ħajja u tinsa l-affarijiet sbieħ?

  •  Aħseb f’oħrajn. Jekk tkun inkwetat il-ħin kollu x’aktarx tippreferi toqgħod waħdek. Imma jkun aħjar li taħseb kif tistaʼ tgħin lil dawk li huma fil-bżonn.

     Dak li tgħid il-Bibbja: “Ħadd minnkom ma għandu jfittex li jaqbillu, imma li jaqbel lil ħaddieħor.”—Filippin 2:4, GħBM.

     “Meta ngħin lil oħrajn inħossni ferħana. Inkun qed nagħmel xi ħaġa li tgħinhom iħossuhom aħjar u fl-istess ħin naljena. Minħabba li ngħin lil oħrajn, m’għandix ħin biex noqgħod ninkwieta.”—Maria.

     Aħseb: Min-nies li taf, min taħseb li għandu bżonn l-għajnuna, u x’tistaʼ tagħmel biex tgħinhom?

  •  Ħu ħsieb saħħtek. Agħmel l-eżerċizzju u strieħ. Kul healthy. Meta tieħu ħsieb saħħtek, se tħares lejn il-ħajja b’mod pożittiv u jgħinek biex ma toqgħodx tinkwieta għalxejn.

     Dak li tgħid il-Bibbja: “It-taħriġ tal-ġisem [jew l-eżerċizzju] hu taʼ benefiċċju.”—1 Timotju 4:8.

     “Jien u t-tifel ma nistgħux noħorġu nagħmlu eżerċizzju kemm nixtiequ. Allura għamilnieha mira li nagħmlu l-eżerċizzju d-dar. Dan għenna biex inkunu iktar ferħanin, paċenzjużi u qalbna tajba maʼ xulxin.”—Catherine.

     Aħseb: Għandek bżonn tiekol iktar healthy u tagħmel iktar eżerċizzju?

 Ħafna nies ibbenefikaw mhux biss billi għamlu dawn l-affarijiet imma wkoll billi tgħallmu dwar il-wegħdi għal futur aħjar li nsibu fil-Bibbja. Ara l-artiklu “Is-Saltna t’Alla X’Se Twettaq?