Tistaʼ l-Bibbja Tgħinek Tieqaf mill-Vizzju tad-Droga?
Kull sena, miljuni taʼ nies imutu b’mod dirett jew indirett minħabba li jużaw diversi sustanzi, inkluż drogi illegali. Matul il-pandemija tal-COVID-19, din il-problema żdiedet iktar. Il-pariri tajbin li hemm fil-Bibbja għenu lil ħafna nies biex jieqfu jieħdu d-drogi. Jekk int qed tiġġieled kontra dan il-vizzju, dawn il-pariri jistgħu jgħinu lilek ukoll. a
F’dan l-artiklu
Għala għandna naraw x’pariri tagħti l-Bibbja biex tgħinna nieqfu mill-vizzju tad-droga?
Erbaʼ affarijiet li l-Bibbja tgħid li tistaʼ tagħmel biex teħles mill-vizzju tad-droga
Versi mill-Bibbja li jistgħu jgħinuk tegħleb il-vizzju tad-droga
Iktar esperjenzi: Għelbu l-vizzju tad-droga bl-għajnuna tal-Bibbja
Tipprojbixxi l-Bibbja li xi ħadd jieħu kura medika biex jaqtaʼ l-vizzju tad-droga?
Għala għandna naraw x’pariri tagħti l-Bibbja biex tgħinna nieqfu mill-vizzju tad-droga?
Ir-riċerkaturi sabu li ħafna drabi n-nies jaqgħu għall-vizzju tad-droga minħabba problemi li jkunu ilhom għaddejjin minnhom, bħas-solitudni, l-istress, l-ansjetà, u d-dipressjoni. Il-Bibbja tistaʼ ssaħħaħlek il-fidi biex tiffaċċja kwalunkwe problema li tistaʼ twasslek għall-vizzju tad-droga. Din tgħallmek kif tistaʼ ssir ħabib t’Alla. (Salm 25:14) Bl-għajnuna tiegħu, int tistaʼ tegħleb problemi li jistgħu jidhru li huma impossibbli li tegħlibhom waħdek.—Marku 11:22-24.
Erbaʼ affarijiet li l-Bibbja tgħid li tistaʼ tagħmel biex tieqaf mill-vizzju tad-droga
1. Sir af min hu Alla Ġeħova. b (Ġwanni 17:3) Hu l-Ħallieq u s-Sors taʼ qawwa bla limitu. Iktar minn hekk, hu Missier fis-sema li jħobbok. Hu jixtieq ikun il-ħabib tiegħek u jixtieq juża l-qawwa li għandu biex jgħinek. (Isaija 40:29-31; Ġakbu 4:8) Jekk int tagħżel li tibbenefika mill-imħabba tiegħu, hu jwiegħdek futur mill-isbaħ.—Ġeremija 29:11; Ġwanni 3:16.
2. Itlob lil Ġeħova biex jgħinek. Itlob lil Alla biex jgħinek tegħleb il-vizzju li għandek, ħalli tkun tistaʼ ssir “qaddis [jew, nadif], aċċettabbli [għalih].” (Rumani 12:1) Permezz tal-ispirtu qaddis, jew il-forza attiva tiegħu, hu se jagħtik “qawwa iktar min-normal.” (2 Korintin 4:7; Luqa 11:13) Din il-qawwa se tgħinek biex tieqaf tabbuża mid-droga u biex tiżviluppa ‘personalità ġdida’ li togħġob lil Alla.—Kolossin 3:9, 10.
3. Imla moħħok bil-ħsibijiet t’Alla. (Isaija 55:9) Hu se jgħinek biex ‘tiġġedded fil-forza li qed tqanqal lil moħħok,’ jew tbiddel il-mod kif taħseb. Dan se jgħinek biex teħles mill-vizzju. (Efesin 4:23) Il-ħsibijiet t’Alla jinsabu fil-Bibbja, għalhekk huwa importanti ħafna li taqraha regolarment. (Salm 1:1-3) Ħafna wħud ibbenefikaw billi aċċettaw l-għajnuna biex jifhmu x’tgħallem il-Bibbja. (Atti 8:30, 31) Ix-Xhieda taʼ Ġeħova joffru studju tal-Bibbja bla ħlas. Nistidnuk ukoll biex tattendi l-laqgħat tagħna, fejn neżaminaw x’tgħid il-Bibbja u kif nistgħu napplikaw it-tagħlim tagħha f’ħajjitna.
4. Agħżel ħbieb tajbin. Il-ħbieb li tagħmilha magħhom jistgħu jew jgħinuk, jew ifixkluk, fil-ġlieda tiegħek kontra l-vizzju tad-droga. (Proverbji 13:20) Alla jipprovdi ħbieb tajbin fost dawk li jqimuh, u hu jixtieqek tgawdi mill-ħbiberija tagħhom. (Salm 119:63; Rumani 1:12) Agħżel sew id-divertiment, għax int bħallikieku qed tagħmilha man-nies li tkun qed tara, tismaʼ, jew taqra dwarhom. Evita kwalunkwe ħaġa li tistaʼ tfixklek milli tagħmel dak li hu tajjeb.—Salm 101:3; Għamos 5:14.
Versi mill-Bibbja li jistgħu jgħinuk tegħleb il-vizzju tad-droga
Salm 27:10: “Kieku missieri u ommi stess jitilquni, Ġeħova jilqagħni għandu.”
“Jien qatt ma kont nafu lil missieri, u minħabba f’hekk kont inħossni mitluf u abbandunat. Meta sirt naf li Alla Ġeħova hu Persuna reali li verament iħobbni, sibt skop f’ħajti u rnexxieli negħleb il-vizzju tad-droga.”—Wilby, mill-Haiti.
Salm 50:15: “Sejjaħli f’jum in-niket. Jien insalvak.”
“Ħafna drabi, dan il-vers għenni biex nibqaʼ nipprova negħleb il-vizzju li kelli, anki meta kont nerġaʼ naqaʼ. Ġeħova żamm kelmtu.”—Serhiy, mill-Ukrajna.
Proverbji 3:5, 6: “Afda f’Ġeħova b’qalbek kollha u tistrieħx fuq fehmtek stess. Agħti kasu fil-mogħdijiet tiegħek kollha, u hu jiddrittalek triqatek.”
“Dawn il-versi għenuni biex nafda f’Ġeħova u mhux fija nnifsi. Bis-saħħa tiegħu, stajt inbiddel ħajti kompletament.”—Michele, mill-Italja.
Isaija 41:10: “Tibżax, għax jien miegħek. Tiċċassax ’l hemm u ’l hawn, għax jien Alla tiegħek. Jien inqawwik. Jien ngħinek verament. Jien inżommok sod tassew b’idi l-leminija tas-sewwa.”
“Meta ma stajtx nieħu drogi, kont inkun ansjuż ħafna. Din l-iskrittura kkonvinċietni li Alla jistaʼ jgħinni negħleb din l-ansjetà, u hekk għamel.”—Andy, mill-Afrika t’Isfel.
1 Korintin 15:33: “Titqarrqux. Kumpanija ħażina tħassar id-drawwiet siewja.”
“Jien bdejt nieħu d-drogi minħabba dawk li kont nagħmilha magħhom u ma stajtx ngħaddi mingħajrhom. L-uniku mod kif irnexxieli nieqaf kien billi ma bqajtx nagħmilha maʼ dawn il-ħbieb, u sibt ħbieb li kellhom stil taʼ ħajja nadif li kien jogħġobni.”—Isaac, mill-Kenja.
2 Korintin 7:1 “Ħa nitnaddfu minn kull tinġis tal-laħam u taʼ l-ispirtu.”
“Dan il-kliem qanqalni biex nibqaʼ nipprova nnaddaf lil ġismi, billi nieqaf nieħu d-drogi u nagħmel ħsara lili nnifsi.”—Rosa, mill-Kolombja.
Filippin 4:13: “Għal kollox għandi s-saħħa permezz taʼ dak li jagħtini l-qawwa.”
“Kont naf li waħdi ma kienx se jirnexxili nieqaf nieħu d-drogi, għalhekk tlabt lil Alla biex jgħinni. Hu tani s-saħħa li kelli bżonn.”—Patrizia, mill-Italja.
Iktar esperjenzi: Għelbu l-vizzju tad-droga bl-għajnuna tal-Bibbja
Joseph Ehrenbogen trabba f’ambjent mimli vjolenza u qabad il-vizzju tax-xorb, it-tabakk, il-marijuana, u l-eroina. Kien hemm ħafna drabi fejn kważi miet b’overdose. Xi versi mill-Bibbja kkonvinċewh li hu setaʼ jinbidel. Aqra l-istorja tiegħu fl-artiklu “Tgħallimt nirrispetta lin-nisa u lili nnifsi.”
Dmitry Korshunov prova ħafna drabi biex jaqtaʼ l-vizzju tax-xorb. Ara l-vidjow ‘Iddejjaqt bil-mod kif kont qed ngħix’ biex tara x’għenu jirnexxi.
Tipprojbixxi l-Bibbja li xi ħadd jieħu kura medika biex jaqtaʼ l-vizzju tad-droga?
Le. Il-Bibbja tgħid: “Nies f’saħħithom m’għandhomx bżonn tabib, imma l-morda iva.” (Mattew 9:12) Bl-istess mod, l-Istitut Nazzjonali fl-Istati Uniti Dwar l-Abbuż tad-Droga jgħid: “Il-vizzju tad-droga huwa marda kkumplikata, u biex taqtaʼ dan il-vizzju, mhuwiex biżżejjed li sempliċement ikollok xewqa jew rieda qawwija.” Huwa minnu li l-għajnuna li jipprovdi Alla hija iktar b’saħħitha mir-rieda taʼ dak li jkun. Però, ħafna wħud li qatgħu l-vizzju tad-droga billi mxew fuq il-pariri tal-Bibbja, xorta kellhom bżonn għajnuna professjonali. c Pereżempju, raġel jismu Allen jiftakar: “Meta kont qed naqtaʼ x-xorb, kont inkun muġugħ ħafna. Dan ġegħelni nirrealizza li kelli bżonn il-kura medika minbarra l-għajnuna spiritwali li kont qed nirċievi.”
Tipprojbixxi l-Bibbja l-użu tad-droga għal skop mediċinali?
Le. Fil-fatt, il-Bibbja titkellem dwar l-użu tax-xorb bħala kura għall-mard jew biex itaffi l-uġigħ taʼ xi ħadd li jkun qed imut. (Proverbji 31:6; 1 Timotju 5:23) Madankollu, l-istess bħax-xorb, xi ħadd li jieħu d-drogi għal kontra l-uġigħ jistaʼ jasal sal-punt li ma jgħaddix mingħajrhom. Għalhekk, ikun għaqli li noqogħdu attenti ħafna meta nieħdu mediċina għal kontra l-uġigħ, anki bl-ordni tat-tabib.—Proverbji 22:3.
a Għalkemm dan l-artiklu jiffoka fuq li xi ħadd jegħleb il-vizzju tad-droga, il-prinċipji tal-Bibbja li ġew ikkunsidrati jistgħu jgħinu wkoll lil dawk li qed jiġġieldu kontra problemi oħra, bħax-xorb, tabakk, ikel, logħob tal-ażżard, pornografija, u social media.
b Ġeħova hu l-isem persunali t’Alla. (Salm 83:18) Ara l-artiklu “Min hu Ġeħova?”
c Ħafna ċentri tal-kura, sptarijiet, u programmi taʼ riabilitazzjoni jistgħu jkunu t’għajnuna. Kull individwu għandu jara sew x’għażliet għandu u mbagħad jiddeċiedi liema kura hi l-aħjar.—Proverbji 14:15.