Il-Bibbja Kif Tistaʼ Tgħinna Ma Nurux Preġudizzju?
“Fid-dinja jistaʼ jkun hemm il-paċi biss jekk in-nies ma jurux preġudizzju.”—UNESCO Declaration of Principles on Tolerance, 1995.
Meta xi ħadd juri preġudizzju, ma jurix rispett u anki jistaʼ jobgħod lil oħrajn. Meta n-nies iħossuhom hekk, jistgħu jgħidu affarijiet li jweġġgħu lil oħrajn u jkunu vjolenti.
Imma n-nies għandhom ideat differenti dwar x’inhu l-preġudizzju. Xi wħud jaħsbu li min ma jurix preġudizzju għandu jaċċetta dak kollu li jagħmlu oħrajn. Oħrajn iqisu l-preġudizzju skont dak li tgħid il-Bibbja, jiġifieri jirrispettaw li kulħadd għandu dritt jagħżel x’jagħmel u x’jemmen, anki meta huma ma jaqblux magħhom.
Il-Bibbja tistaʼ tgħin lin-nies biex ma jurux preġudizzju?
Dak li tgħid il-Bibbja dwar il-preġudizzju
Il-Bibbja tgħidilna biex ma nurux preġudizzju. Hi tgħid: “Ħa jkun jaf kulħadd kemm intom raġunevoli.” (Filippin 4:5) Il-Bibbja tinkuraġġina biex nuru qalb tajba u rispett maʼ kulħadd. Dawk li japplikaw dan il-parir forsi ma jkunux jaqblu maʼ dak li tagħmel persuna, imma huma jifhmu li l-persuna għandha dritt tagħmel dak li jogħġobha.
Però l-Bibbja turina li Alla għandu ċertu livelli kif in-nies għandhom jgħixu. Tgħid: “[Alla] qallek, O bniedem, x’inhu tajjeb.” (Mikea 6:8) Alla għamel dan biex jgħin lin-nies jgħixu bl-aħjar mod.—Isaija 48:17, 18.
Alla ma jridx li niġġudikaw lil oħrajn. Fil-fatt, il-Bibbja tgħidilna, “Wieħed hu l-leġislatur u l-imħallef . . . Min int biex tiġġudika lill-proxxmu tiegħek?” (Ġakbu 4:12) Alla ħalliena fil-libertà biex nieħdu deċiżjonijiet għalina u nkunu responsabbli għad-deċiżjonijiet li nieħdu.—Dewteronomju 30:19.
Dak li tgħid il-Bibbja dwar ir-rispett
Il-Bibbja tgħid li rridu “nirrispettaw lil kulħadd.” (1 Pietru 2:17, New Jerusalem Bible) Mela dawk li jagħżlu li jgħixu ħajjithom skont dak li tgħid il-Bibbja jirrispettaw lil kulħadd, jemmnu x’jemmnu jew jgħixu kif jgħixu. (Luqa 6:31) Dan ma jfissirx li jaqblu maʼ kull ħaġa li jemmnu l-oħrajn jew mal-opinjonijiet kollha tagħhom. U lanqas jaqblu maʼ kull deċiżjoni li jieħdu. Minflok huma juru rispett u jipprovaw jimitaw il-mod kif Ġesù tratta lin-nies.
Pereżempju, Ġesù ltaqaʼ maʼ mara li kellha reliġjon differenti minn tiegħu. Hi kienet tgħix maʼ raġel li ma kienx ir-raġel tagħha. Ġesù ma kienx jaqbel maʼ din it-tip taʼ ħajja, imma xorta kellimha b’rispett.—Ġwanni 4:9, 17-24.
Bħal Ġesù, il-Kristjani huma lesti li jispjegaw “b’rispett profond” dak li jemmnu lil min jixtieq ikun jaf. (1 Pietru 3:15) Il-Bibbja tgħidilna biex ma nisforzawx lil oħrajn jaqblu mal-opinjonijiet tagħna. Tgħid ukoll li min jimxi fuq il-passi taʼ Ġesù “m’għandux għalfejn jiġġieled, imma għandu jkun ġentili maʼ kulħadd,” anki maʼ dawk li għandhom reliġjon differenti.—2 Timotju 2:24.
Dak li tgħid il-Bibbja dwar il-mibegħda
Il-Bibbja tgħid biex inkunu “fil-paċi man-nies kollha.” (Ebrej 12:14) Xi ħadd li jħobb il-paċi ma jobgħodx lil oħrajn. Għalkemm ma jagħmilx xi ħaġa li tmur kontra dak li jemmen hu, jaħdem iebes biex iżomm il-paċi m’oħrajn. (Mattew 5:9) Fil-fatt, il-Bibbja tinkuraġġixxi lill-Kristjani biex iħobbu lill-għedewwa tagħhom billi jkunu qalbhom tajba maʼ dawk li ma jittrattawhomx sew.—Mattew 5:44.
Il-Bibbja tgħid li Alla “jobgħod” l-azzjonijiet taʼ dawk li jġiegħlu lil oħrajn iħossuhom ħażin jew ibatu. (Proverbji 6:16-19) Il-Bibbja tuża l-kelma “jobgħod” biex turi sentimenti qawwijin taʼ xi ħadd li jobgħod ħafna dak li hu ħażin. Imma turi wkoll li Alla lest li jaħfer u jgħin lil dawk li jixtiequ jibdlu ħajjithom u jgħixu skont il-livelli tiegħu.—Isaija 55:7.
Versi mill-Bibbja dwar il-preġudizzju u r-rispett
Titu 3:2: ‘Kunu raġunevoli u kollkom ħlewwa maʼ kulħadd.ʼ
Xi ħadd raġonevoli jwieġeb bil-ħlewwa u juri rispett lil kulħadd.
Mattew 7:12: “Mela ttrattaw lil oħrajn bħalma tixtiequ li oħrajn jittrattawkom.”
Kulħadd jieħu pjaċir meta oħrajn jirrispettawh u juru li jimpurtahom kif ikun qed iħossu. Biex titgħallem iżjed kif tapplika r-regola li tkellem dwarha Ġesù, ara l-artiklu “What Is the Golden Rule?”
Ġożwè 24:15: “Agħżlu għalikom infuskom illum lil min se taqdu.”
Meta nirrispettaw id-dritt li għandhom oħrajn biex jiddeċiedu x’jagħmlu, inkunu qed ngħinu biex inżommu l-paċi.
Atti 10:34: “Alla jqis lil kulħadd l-istess.”
Alla ma jħarisx lejn il-kultura, is-sess, in-nazzjonalità, jew il-background tan-nies. Min irid jimita lil Alla għandu jirrispetta lil kulħadd.
Ħabakkuk 1:12, 13: ‘Alla ma jiflaħx iħares lejn l-inkwiet.’
Alla ma jaċċettax kollox. Hu mhux se jħalli lin-nies jagħmlu l-ħażen għal dejjem. Biex titgħallem iktar, ara l-vidjow Alla Għala Jippermetti t-Tbatija?
Rumani 12:19: “Agħmlu l-wisaʼ għall-korla [t’Alla]; għax hu miktub: ‘Il-vendetta hi tiegħi; jien inħallas, jgħid Ġeħova.’” a
Alla Ġeħova ma jridx li npattu lura. Hu se jagħmel ċert li ssir ġustizzja imma meta jara li jkun il-waqt. Biex titgħallem iktar, aqra l-artiklu “Qatt Se Jkun Hawn Ġustizzja fid-Dinja?”
a Ġeħova hu l-isem t’Alla. (Salm 83:18) Ara l-artiklu “Min hu Ġeħova?”