Mur fil-kontenut

GĦAJNUNA GĦALL-​FAMILJA | TROBBIJA TAT-​TFAL

It-Tfal u l-Ismartphones—L-Ewwel Parti: Għandhom it-Tfal Tiegħi Jkollhom Smartphone?

It-Tfal u l-Ismartphones—L-Ewwel Parti: Għandhom it-Tfal Tiegħi Jkollhom Smartphone?

 Ħafna tfal illum għandhom smartphone, a u ħafna minnhom jużawh biex jidħlu fuq l-​Internet meta jkunu waħedhom. X’inhuma l-​perikli li tħalli lit-​tfal tiegħek ikollhom smartphone? X’inhuma l-​vantaġġi? Kemm għandek tħallihom iqattgħu ħin fuqu kuljum?

 Dak li għandek tkun taf

 Il-​Vantaġġi tal-​Mowbajl

  •   Protezzjoni għat-​tfal, serħan tal-​moħħ għall-​ġenituri. Bethany, omm taʼ żewġt itfal teenagers, tgħid hekk: “Aħna ngħixu f’dinja perikoluża. Għalhekk, huwa importanti li t-​tfal ikunu jistgħu jċemplu lill-​ġenituri fi xħin iridu.”

     Omm jisimha Catherine ssemmi vantaġġ ieħor. Hi tgħid: “Jeżistu apps li tkun taf fejn qegħdin it-​tfal tiegħek.”

  •   Jgħin lit-​tfal fix-​xogħol tal-​iskola. Omm jisimha Marie tgħid: “It-​tfal jirċievu l-​homework b’e-​mails jew b’messaġġi, u jistgħu jżommu kuntatt mat-​teacher b’dan il-​mod.”

 Il-​Perikli tal-​Mowbajl

  •   Il-​ħin twil li jqattgħu fuqu. Ħafna żgħażagħ illum iqattgħu sigħat twal kuljum fuq il-​mowbajl. Infatti ħafna ġenituri qed iqattgħu ħin fuq il-​mowbajl daqs kemm iqattgħu ħin jikkomunikaw mat-​tfal. Xi familji tant saru moħħhom fil-​mowbajl li espert wieħed qal hekk: “Il-​familji spiċċaw qishom grupp taʼ nies li jgħixu fl-​istess dar imma li kulħadd moħħu fuq il-​mowbajl.” b

  •   Il-​pornografija. Skont studju wieħed, iktar minn nofs it-​teenagers ifittxu għall-​pornografija kull xahar. Dan in-​numru ma jissorprendiniex meta naħsbu kemm hu faċli li wieħed jara l-​pornografija fuq il-​mowbajl. William, missier taʼ żewġ teenagers, jgħid: “Meta l-​ġenituri jħallu lit-​tfal tagħhom ikollhom smartphone, bla ma jridu jkunu qed jagħtu lit-​tfal tagħhom aċċess għal kull tip taʼ pornografija.”

  •   Ma jgħaddux mingħajru. Ħafna nies tant huma ffissati fuq il-​mowbajl li ma jgħaddux mingħajru. Meta ma jkunux jistgħu jsibu l-​mowbajl, huma jgħidu li jħossuhom ippanikjati, ma jkunux jafu x’se jaqbdu jagħmlu, u anki jħossuhom ma jifilħux. Xi ġenituri nnotaw li meta t-​tfal tagħhom ikunu qed jużaw il-​mowbajl, isiru pastażi. Carmen tgħid: “Ġieli meta t-​tifel tiegħi jkun qed juża l-​mowbajl u jkolli bżonn inkellmu, jgħolli għajnejh jew igerger għax inkun telliftu.”

  •   Perikli oħrajn. Perikli li jġib miegħu l-​użu tal-​ismartphone hu s-​cyberbullying u s-​sexting. Ukoll, jistaʼ jwassal għal problemi taʼ saħħa. Dan minħabba l-​pożizzjoni ħażina li dak li jkun joqgħod meta jkun qed juża l-​mowbajl u nuqqas taʼ rqad. Xi żgħażagħ qed jużaw ukoll app li tissejjaħ “ghost app.” Dawn l-​apps fuq il-​mowbajl ikunu jidhru normali, bħal pereżempju calculator, imma ġo fihom ikun hemm affarijiet li t-​tfal ikunu jridu jaħbu mill-​ġenituri tagħhom.

     Daniel, missier taʼ teenager, jgħid hekk: “Smartphone jagħmilha faċli għat-​tfal biex jaraw kemm affarijiet tajbin u kemm affarijiet ħżiena fuq l-​Internet.”

 X’għandek tistaqsi?

  •   ‘It-​tfal tiegħi għandhom bżonn smartphone?’

     Il-​Bibbja tgħid: “Min hu prudenti jqis il-​passi tiegħu.” (Proverbji 14:15) B’dan il-​vers f’moħħok, saqsi lilek innifsek:

     ‘Għall-​protezzjoni tat-​tfal jew raġunijiet oħra jkun tajjeb li t-​tifel jew it-​tifla tiegħi jkollha smartphone? Ħsibt dwar il-​vantaġġi u l-​perikli? Nistaʼ nuża xi ħaġa oħra flok smartphone?’

     “Illum għadek issib tixtri mowbajls li mhumiex smartphones li bihom xorta tistaʼ ċċempel jew tibgħat messaġġ lit-​tfal. U dawn jiswew ħafna inqas flus,” jgħid missier jismu Todd.

  •   ‘It-​tifel jew it-​tifla tiegħi lesta għal din ir-​responsabbiltà?’

     Il-​Bibbja tgħid: “L-​għerf taʼ min hu prudenti huwa li jifhem triqtu.” (Proverbji 14:8) B’dan il-​vers f’moħħok, saqsi lilek innifsek:

     ‘X’jikkonvinċini li nistaʼ nafda lit-​tifel tiegħi? c It-​tifel tiegħi jitkellem miegħi dwar kollox? Hu dejjem ikun onest miegħi, bħal pereżempju jgħidli min huma l-​ħbieb tiegħu? Jurini li għandu bilanċ meta juża affarijiet bħat-​televixin, it-​tablet, jew il-​laptop?’ “Smartphone jistaʼ jkun t’għajnuna kbira, imma jistaʼ jkun taʼ periklu kbir ukoll. Aħseb fir-​responsabbiltà li se tagħti lit-​tfal tiegħek meta huma f’età daqshekk tenera,” tgħid omm jisimha Serena.

  •   ‘Lest jien għal din ir-​responsabbiltà?’

     Il-​Bibbja tgħid: “Ħarreġ tifel skond it-​triq xierqa għalih.” (Proverbji 22:6) B’din l-​iskrittura f’moħħok, saqsi lilek innifsek:

     ‘Bħala ġenitur x’naf fuq il-​mowbajl li forsi nagħti lit-​tifel tiegħi? Kapaċi nfiehmu u ngħinu jevita l-​perikli li fih? Naf kif nissettja l-​parental controls li fih il-​mowbajl? Kif se ngħin lit-​tifel tiegħi jieħu deċiżjonijiet tajbin meta juża l-​mowbajl?’ Daniel, missier li diġà ssemma, jgħid: “B’dispjaċir, ħafna ġenituri jagħtu l-​ismartphones lit-​tfal tagħhom u ma jiċċekkjawx xi jkunu qed jagħmlu t-​tfal fuqu.”

 L-​iktar ħaġa importanti: Biex it-​tfal jużaw l-​ismartphone b’mod responsabbli għandhom bżonn it-​trejning. Il-​ktieb Indistractable jgħid: “Ħafna tfal ma jafux kemm għandhom iqattgħu ħin fuq il-​mowbajl, iktar u iktar jekk il-​ġenituri ma jkunux jafu x’inhuma jagħmlu fuqu jew ma jagħtuhomx pariri kif għandhom jużawh.”

a F’dan l-​artiklu, il-​kelma “smartphone” tfisser mowbajl li bih tistaʼ tidħol fuq l-​Internet.

b Meħud mill-​ktieb Disconnected, miktub minn Thomas Kersting.

c Il-​mistoqsijiet f’dan il-​artiklu japplikaw ukoll għal tifla.