GĦAJNUNA GĦALL-FAMILJA | ŻWIEĠ
Il-Pornografija Tistaʼ Tkisser iż-Żwieġ Tiegħek
Il-mara tiegħu ndunat b’dak li kien qed jaħbilha. Hu ddispjaċieh u skuża ruħu. Hu wegħedha li se jieqaf u għal xi żmien hekk għamel. Imbagħad reġaʼ waqaʼ, u dan baqaʼ jiġri għal darba wara l-oħra.
Int għandek sitwazzjoni simili? Jekk iva, trid tara kif il-vizzju tal-pornografija qed jaffettwa lir-raġel jew lill-mara tiegħek u kif int tistaʼ taqtgħu darba għal dejjem. a
F’dan l-artiklu
X’għandek tkun taf
Il-pornografija tistaʼ tkisser iż-żwieġ tiegħek. Din tistaʼ ġġiegħel il-persuna innoċenti tħossha rrabjata u ma tibqax tafda lill-persuna l-oħra. b
Mara li r-raġel tagħha jara l-pornografija tistaʼ tħossha b’dan il-mod:
Traduta. Mara jisimha Sarah tgħid, “Hu bħallikieku r-raġel tiegħi mar maʼ mara oħra għal darba wara l-oħra.”
Ma tiswa għal xejn. Mara tgħid li l-vizzju tal-pornografija li għandu r-raġel iġegħelha tħossha “kerha u imbarazzata.”
Ma tafdahx. Mara jisimha Helen tgħid, “Nissuspetta ħażin f’kull ħaġa li jagħmel.”
Stressata. Mara jisimha Catherine tammetti, “Minħabba l-vizzju tal-pornografija li għandu r-raġel, spiċċajt ninkwieta l-ħin kollu.”
Aħseb dwar dan: Il-Bibbja tgħid li l-irġiel għandhom iħobbu lin-nisa tagħhom. (Efesin 5:25) Ir-raġel iħobbha lill-mara jekk qed iġegħelha tħossha bħal waħda minn dawn in-nisa li semmejna?
X’tistaʼ tagħmel
Il-vizzju tal-pornografija mhux faċli biex taqtgħu. “Ir-raġel tiegħi qataʼ s-sigaretti, il-marijuana, u l-alkoħol, imma għadu ma rnexxilux jaqtaʼ l-pornografija,” tgħid mara jisimha Stacey.
Jekk int qiegħed fl-istess sitwazzjoni, is-suġġerimenti li ġejjin jistgħu jgħinuk biex taqtaʼ l-vizzju għalkollox.
Ifhem għala l-pornografija hija ħażina. Il-pornografija ġġiegħel persuna biex tkun egoista u tagħmel dak li tieħu pjaċir bih hi. Dan jagħmel il-ħsara l-imħabba, il-fiduċja, u l-lealtà li huma importanti għal żwieġ ferħan. Dan juri diżrispett ukoll lejn il-wieħed li għamel iż-żwieġ, Alla Ġeħova.
Dak li tgħid il-Bibbja: “Ħa jkun iż-żwieġ onorabbli.”—Ebrej 13:4.
Kun responsabbli għal dak li tagħmel. Tgħidx, ‘Kieku l-mara turini iktar affezzjoni ma jkollix għalfejn nara l-pornografija.’ Mhux sew li tagħti t-tort lill-mara, għax jekk tagħmel hekk tkun qed issib skuża biex tara l-pornografija meta tiddiżappuntak.
Dak li tgħid il-Bibbja: “Kull bniedem jiġi provat billi jkun miġbud u mħajjar mix-xewqa tiegħu stess.”—Ġakbu 1:14.
Kun onest mar-raġel jew il-mara tiegħek. Raġel jismu Kevin jgħid: “Jien nitkellem mal-mara u jekk inkun rajt xi ħaġa ħażina ngħidilha. B’hekk hi taf li jien mhu qed naħbilha xejn.”
Dak li tgħid il-Bibbja: “Nixtiequ nġibu ruħna bl-onestà f’kollox.”—Ebrej 13:18.
Ibqaʼ attent. Tistaʼ terġaʼ taqaʼ għall-vizzju anki snin wara li taħseb li qtajtu. Kevin, li ssemma qabel, jgħid: “Għal għaxar snin irnexxieli ma narax pornografija u ħsibt li qtajt il-vizzju. Imma dan il-vizzju kien għadu ġo fija u kien qisu qed jistenna biex jerġaʼ joħroġ.”
Dak li tgħid il-Bibbja: “Min jaħseb li hu wieqaf ħa joqgħod attent li ma jaqax.”—1 Korintin 10:12.
Meta tiġik ix-xewqa, iċċedix mill-ewwel. Int ma tistax tagħżel jekk ikollokx xewqat ħżiena, imma tistaʼ tagħżel jekk iċċedix. Ix-xewqa tistaʼ tgħaddi iktar malajr jekk titgħallem taħseb fuq affarijiet oħra.
Dak li tgħid il-Bibbja: “Kull wieħed minnkom ikun jaf kif jikkontrolla ġismu bil-qdusija u bl-unur, mhux b’aptit sesswali mimli xenqa.”—1 Tessalonikin 4:4, 5.
Evita sitwazzjonijiet li jistgħu jerġgħu jwaqqgħuk. Il-ktieb Willpower’s Not Enough jgħid, “Meta tkun f’sitwazzjoni li tistaʼ twaqqgħek, tkun qisek xgħelt sufarina. Kulma jkun hemm bżonn ftit fjuwil . . . biex jaqbad in-nar.”
Dak li tgħid il-Bibbja: “Tħalli xejn ħażin jikkontrollani.”—Salm 119:133.
Taqtax qalbek. Biex ir-raġel jew il-mara tkun tistaʼ terġaʼ tafdak jistaʼ jieħu ħafna żmien. Imma ħafna koppji rnexxielhom.
Dak li tgħid il-Bibbja: “L-imħabba tistabar fit-tul.”—1 Korintin 13:4.
a Minkejja li l-artiklu jitkellem dwar l-irġiel miżżewġin, il-prinċipji fl-artiklu japplikaw ukoll għan-nisa miżżewġin li jaraw il-pornografija.
b Xi koppji miżżewġin jgħidu li jekk jaraw il-pornografija flimkien isaħħu r-relazzjoni taʼ bejniethom. Imma dan imur kontra dak li tgħid il-Bibbja.—Proverbji 5:15-20; 1 Korintin 13:4, 5; Galatin 5:22, 23.