Alla veru jeżisti?
It-tweġiba tal-Bibbja
Iva, il-Bibbja tipprovdi evidenza li tikkonvinċina li Alla jeżisti. Hi tinkuraġġina biex nibnu fidi f’Alla, mhux billi nibilgħu kwalunkwe dikjarazzjonijiet reliġjużi, imma billi nużaw “il-qawwa tar-raġuni” u “l-kapaċità intellettwali” tagħna. (Rumani 12:1; 1 Ġwanni 5:20) Ikkunsidra dan ir-raġunar li ġej ibbażat fuq il-Bibbja:
L-eżistenza taʼ univers organizzat li fih il-ħajja jindika li hemm Ħallieq. Il-Bibbja tgħid: “Naturalment, kull dar tinbena minn xi ħadd, imma dak li bena kollox hu Alla.” (Ebrej 3:4) Għalkemm dan ir-raġunar huwa sempliċi, bosta wħud taʼ edukazzjoni għolja jqisuh bħala raġunar sod ħafna. a
Bħala bnedmin, aħna għandna xewqa naturali biex nifhmu l-iskop tal-ħajja, kilba li tkun hemm anke wara li nissodisfaw il-bżonnijiet fiżiċi tagħna. Dan huwa dak li l-Bibbja ssejjaħlu “l-bżonn spiritwali” tagħna, li jinkludi x-xenqa li tkun taf u tqim lil Alla. (Mattew 5:3; Rivelazzjoni 4:11) Dan il-bżonn spiritwali, mhux biss jagħti evidenza li Alla jeżisti, imma wkoll jindika li huwa Ħallieq kollu mħabba li jridna nissodisfaw dak il-bżonn.—Mattew 4:4.
Il-profeziji dettaljati li jinsabu fil-Bibbja kienu miktubin sekli qabel iż-żmien u twettqu eżattament kif kienu mbassrin. L-eżattezza u d-dettall taʼ dawn il-profeziji tassew jagħtu x’tifhem li ġew minn sors ħafna aktar qawwi minn dak tal-bnedmin.—2 Pietru 1:21.
Il-kittieba tal-Bibbja kellhom għarfien xjentifiku li kien ħafna aktar avvanzat minn taʼ dawk li kienu jgħixu fi żmienhom. Pereżempju, fil-qedem ħafna nies kienu jemmnu li d-dinja kienet tistrieħ fuq dahar annimal, bħal iljunfant, ħanżir salvaġġ, jew gendus. B’kuntrast, il-Bibbja tgħid li Alla qed “idendel l-art fuq ix-xejn.” (Ġob 26:7) B’mod simili, il-Bibbja b’mod korrett tiddeskrivi l-forma tad-dinja bħala “ċirku.” b (Isaija 40:22) Ħafna nies iħossu li l-aktar spjegazzjoni raġunevoli għal fehma daqstant avvanzata hi li l-kittieba tal-Bibbja rċivew l-informazzjoni mingħand Alla.
Il-Bibbja twieġeb diversi mistoqsijiet diffiċli, it-tip taʼ mistoqsijiet li meta ma jkunux imweġbin b’mod sodisfaċenti jistgħu jwasslu persuna għall-ateiżmu. Pereżempju: Jekk Alla verament kollu mħabba u jistaʼ kollox, għala hawn daqstant tbatija u ħażen fid-dinja? Ir-reliġjon għala taʼ spiss tkun taʼ influwenza ħażina minflok tajba?—Titu 1:16.
a Pereżempju, l-astronomu Allan Sandage darba qal hekk dwar l-univers: “Ma naħsibx li daqstant ordni setaʼ ġie minn kaos. Bilfors li hemm xi ħaġa jew xi ħadd li organizza kollox. Għalija Alla hu misteru, imma hu l-ispjegazzjoni għall-miraklu tal-eżistenza, ir-raġuni għala hawn xi ħaġa minflok m’hawn xejn.”
b Il-kelma oriġinali tradotta “ċirku” f’Isaija 40:22 tistaʼ tiġi tradotta wkoll “sfera.” Ċerti traduzzjonijiet tal-Bibbja jgħidu, “il-globu tal-art.”—Douay Version.