Min hu l-arkanġlu Mikiel?
It-tweġiba tal-Bibbja
Mikiel, li xi reliġjonijiet jirreferu għalih bħala “San Mikiel,” huwa bla dubju isem li ngħata lil Ġesù qabel u wara l-ħajja tiegħu fuq l-art. a Mikiel kellu tilwima maʼ Satana wara l-mewt taʼ Mosè. Ukoll, kien il-wieħed li għen anġlu jwassal il-messaġġ t’Alla lill-profeta Danjel. (Danjel 10:13, 21; Ġuda 9) Mikiel iwettaq bis-sħiħ it-tifsir taʼ ismu—“Min Hu bħal Alla?”—billi jiddefendi t-tmexxija t’Alla u jiġġieled kontra l-għedewwa t’Alla.—Danjel 12:1; Rivelazzjoni 12:7.
Ikkunsidra raġunijiet għala hu korrett li nikkonkludu li Ġesù hu l-arkanġlu Mikiel.
Mikiel hu “l-arkanġlu.” (Ġuda 9) It-titlu “arkanġlu,” li jfisser “kap tal-anġli,” jidher biss f’żewġ versi fil-Bibbja. Fiż-żewġ versi, it-terminu jidher fis-singular, u allura jagħti x’jifhem li anġlu wieħed biss iġorr dan it-titlu. Vers minnhom jgħid li l-Mulej Ġesù rxoxtat se “jinżel mis-sema b’sejħa taʼ kmand, b’leħen t’arkanġlu.” (1 Tessalonikin 4:16) Ġesù għandu “leħen t’arkanġlu” għax hu l-arkanġlu, Mikiel.
Mikiel imexxi armata t’anġli. “Mikiel u l-anġli tiegħu tqabdu mad-dragun,” Satana. (Rivelazzjoni 12:7) Mikiel għandu awtorità kbira fil-qasam tal-ispirti, għax hu jissejjaħ “wieħed mill-prinċpijiet ewlenin” u “l-prinċep il-kbir.” (Danjel 10:13, 21; 12:1) Dawn it-titli jagħtu stampa taʼ Mikiel bħala li hu “l-kmandant li jagħti l-ordnijiet lill-armati t’anġli,” skont studjuż tat-Testment il-Ġdid David E. Aune.
Il-Bibbja ssemmi biss isem ieħor li għandu awtorità fuq armata t’anġli. Din tispjega “r-rivelazzjoni tal-Mulej Ġesù mis-sema maʼ l-anġli setgħanin tiegħu f’nar iħeġġeġ, hekk kif iġib vendetta.” (2 Tessalonikin 1:7, 8; Mattew 16:27) Ukoll, tgħid li Ġesù “mar fis-sema; u l-anġli u l-awtoritajiet u l-qawwiet intgħamlu sottomessi lejh.” (1 Pietru 3:21, 22) Allura, ma jagħmilx sens li Alla jpoġġi lil Ġesù u ’l Mikiel, kmandanti tal-anġli qaddisin, bħala avversarji taʼ xulxin. Minflok, ikun iktar raġunevoli li nikkonkludu li ż-żewġ ismijiet, Ġesù u Mikiel, jirreferu għall-istess persuna.
Mikiel se “jqum” matul “żmien taʼ niket” li qatt ma kien hawn bħalu. (Danjel 12:1) Fil-ktieb taʼ Danjel, l-espressjoni “jqum” spiss tirreferi għal sultan li jqum biex jieħu azzjoni speċjali. (Danjel 11:2-4, 21) Ġesù Kristu, li hu identifikat bħala “Il-Kelma t’Alla,” se jieħu azzjoni speċjali bħala s-“Sultan tas-slaten” biex jeqred l-għedewwa kollha t’Alla u jipproteġi lill-poplu t’Alla. (Rivelazzjoni 19:11-16) Hu se jagħmel dan f’xi żmien matul it-“tribulazzjoni kbira li qatt ma kien hawn bħalha mill-bidu tad-dinja.”—Mattew 24:21, 42.
a Il-Bibbja tirreferi għal ċerti persuni b’ismijiet differenti, bħal pereżempju Ġakobb (jissejjaħ ukoll Iżrael), Pietru (jissejjaħ ukoll Xmun), u Taddew (jissejjaħ ukoll Ġuda).—Ġenesi 49:1, 2; Mattew 10:2, 3; Marku 3:18; Atti 1:13.