Dwar Xiex Inhi l-Bibbja?
It-Tweġiba tal-Bibbja
Il-Bibbja fiha ġabra taʼ 66 ktieb. Din inkitbet f’perjodu taʼ madwar 1,600 sena. Il-Bibbja fiha l-messaġġ t’Alla, u għalhekk tissejjaħ “il-kelma t’Alla.”—1 Tessalonikin 2:13.
F’dan l-artiklu
Fatti dwar il-Bibbja
Min kiteb il-Bibbja? Alla hu l-Awtur tal-Bibbja, imma hu uża madwar 40 raġel differenti biex jiktbuha. Mosè, ir-Re David, Mattew, Marku, Luqa, u Ġwanni huma wħud minnhom. a Alla poġġa l-ħsibijiet tiegħu f’moħħhom biex huma jiktbu l-messaġġ tiegħu.—2 Timotju 3:16.
Biex inġibu eżempju: Jekk negozjant jgħid lis-segretarju tiegħu biex jikteb messaġġ f’ismu u forsi jgħidlu x’inhuma l-punti li jrid isemmi, xorta n-negozjant jibqaʼ l-awtur tal-messaġġ. Bl-istess mod, għalkemm Alla uża xi rġiel biex jiktbu l-messaġġ tiegħu, hu jibqaʼ l-Awtur tal-Bibbja.
Xi tfisser il-kelma “Bibbja”? “Bibbja” ġejja mill-kelma Griega biblia, li tfisser “kotba żgħar.” Maż-żmien, il-kelma biblia bdiet tintuża biex tiddeskrivi ġabra taʼ kotba żgħar li flimkien jagħmlu l-Bibbja.
Il-Bibbja meta nkitbet? Il-Bibbja bdiet tinkiteb fis-sena 1513 QK (qabel Kristu) u tlestiet iktar minn 1,600 sena wara, madwar is-sena 98 WK (wara Kristu).
Għadha teżisti l-Bibbja oriġinali? Illum m’għadhomx jeżistu kitbiet oriġinali tal-Bibbja. Dan minħabba li l-kittieba użaw materjal li kien jeżisti dak iż-żmien, bħall-papiru u l-parċmina. Dan il-materjal maż-żmien jispiċċa. Però, skribi professjonali kkupjaw u reġgħu kkupjaw kitbiet tal-Bibbja b’attenzjoni kbira għal mijiet taʼ snin. B’hekk, fil-futur in-nies setgħu jaqrawhom.
X’inhuma “t-Testment il-Qadim” u “t-Testment il-Ġdid”? It-Testment il-Qadim hu l-parti tal-Bibbja fejn il-biċċa l-kbira minnu nkitbet bl-Ebrajk. b Dan jissejjaħ ukoll l-Iskrittura Ebrajka. It-Testment il-Ġdid hu l-parti tal-Bibbja li nkitbet bil-Grieg. Dan jissejjaħ ukoll l-Iskrittura Griega. Iż-żewġ partijiet flimkien jagħmlu ktieb wieħed li jissejjaħ l-Iskrittura Mqaddsa. c
X’fiha l-Bibbja? Fiha nsibu liġijiet, storja, profeziji, poeżiji, proverbji, għanjiet, u ittri.—Ara “ Lista tal-kotba tal-Bibbja.”
Dwar xiex inhi l-Bibbja?
Il-Bibbja tibda billi tispjega fil-qosor kif Alla li Jistaʼ Kollox ħalaq is-sema u l-art. Ukoll, fil-Bibbja, Alla jgħidilna li ismu hu Ġeħova u jinkuraġġixxi lin-nies isiru jafuh.—Salm 83:18.
Il-Bibbja tispjega li ħafna gidbu dwar Alla u tgħidilna kif se jnaddaf ismu.
Il-Bibbja tispjega x’inhu l-iskop t’Alla għan-nies u għall-art. Turi wkoll kif fil-futur Alla se jneħħi kull ħaġa li ġġiegħel lin-nies ibatu.
Il-Bibbja fiha pariri tajbin li jgħinuna f’ħajjitna. Dawn huma xi eżempji:
Kif ikollna ħbiberiji tajbin m’oħrajn. “Ittrattaw lil oħrajn bħalma tixtiequ li oħrajn jittrattawkom.”—Mattew 7:12.
Dan xi jfisser: Ittratta lin-nies bħalma tixtieq li jittrattawk huma.
Kif tkampa mal-istress. “Qatt tkunu ansjużi dwar l-għada, għax kull ġurnata fiha l-inkwiet tagħha.”—Mattew 6:34.
Dan xi jfisser: Minflok ma tinkwieta żżejjed dwar dak li jistaʼ jiġri fil-futur, għix ġurnata b’ġurnata.
Kif tkun ferħan fiż-żwieġ. “Kull wieħed minnkom għandu jħobb lill-mara tiegħu bħalu nnifsu; mill-banda l-oħra, il-mara għandu jkollha rispett kbir għar-raġel tagħha.”—Efesin 5:33.
Dan xi jfisser: L-imħabba u r-rispett huma importanti ħafna biex iż-żwieġ jirnexxi.
Il-Bibbja nbidlet?
Le. Studjużi qabblu manuskritti tal-Bibbja antiki mal-Bibbja u sabu li l-messaġġ oriġinali tal-Bibbja ma nbidilx. Dan jagħmel sens għax Alla ried li n-nies jaqraw u jifhmu l-messaġġ tiegħu, allura għamel ċert li l-messaġġ ma jinbidilx. d—Isaija 40:8.
Għala hawn ħafna traduzzjonijiet tal-Bibbja?
Ħafna minn dawk li jaqraw il-Bibbja llum ma jifhmux il-lingwi oriġinali li nkitbet bihom il-Bibbja. Imma l-Bibbja għandha “aħbar tajba” għal “kull ġens u tribù u lsien u poplu.” (Rivelazzjoni 14:6) Għalhekk, in-nies għandhom bżonn traduzzjoni tal-Bibbja b’lingwa li jafu ħalli jkunu jistgħu jaqrawha u jifhmu sew il-messaġġ t’Alla.
Hemm tliet tipi taʼ traduzzjonijiet:
Traduzzjoni kelma b’kelma, li tkun letterali.
Traduzzjoni li taqleb il-ħsieb, li tuża kliem li joħroġ il-ħsieb tal-lingwa oriġinali.
Traduzzjoni bil-parafrażi, li tuża kliem differenti biex min jaqraha jieħu pjaċir. Però, ħafna drabi din tistaʼ tbiddel il-messaġġ.
Traduzzjoni tajba tal-Bibbja jkun fiha bilanċ bejn traduzzjoni letterali u traduzzjoni li tuża kliem li jinftiehem illum biex twassal il-messaġġ t’Alla b’mod eżatt. e
Min iddeċieda xi jkun fiha l-Bibbja?
Bħala l-Awtur tal-Bibbja, Alla ddeċieda xi jkun fiha. Fil-bidu hu “fada lil-Lhud bil-messaġġ tiegħu.” Huma kienu responsabbli għall-Iskrittura Ebrajka.—Rumani 3:2.
Intilfu xi kotba tal-Bibbja?
Le. Il-Bibbja hija kompluta, ma hemm l-ebda ktieb “mitluf.” Xi wħud jgħidu li ċerti kotba antiki li kienu moħbijin għal żmien twil suppost huma parti mill-Bibbja. f Però, dak li nsibu fil-Bibbja juri li hi vera. (2 Timotju 1:13) Il-kotba ispirati tal-Bibbja jaqblu perfettament bejniethom. Ma nistgħux ngħidu hekk għall-kitbiet antiki kollha li xi wħud jgħidu li huma parti mill-Bibbja. g
Kif issib versi fil-Bibbja
Lista tal-kotba tal-Bibbja
a Biex issib lista tal-kotba kollha tal-Bibbja, min kitibhom, u meta nkitbu jekk jogħġbok ara l-“Lista tal-Kotba tal-Bibbja.”
b Xi partijiet żgħar mill-Bibbja nkitbu bl-Aramajk, lingwa simili għall-Ebrajk.
c Ħafna qarrejja tal-Bibbja jippreferu t-termini “l-Iskrittura Ebrajka” u “l-Iskrittura Griega.” Dawn it-termini ma jagħtux l-idea li “It-Testment il-Qadim” m’għadux jgħodd u li “It-Testment il-Ġdid” ħadlu postu.
d Ara “Il-Bibbja ġiet mibdula?”
e Ħafna jieħdu pjaċir jaqraw It-Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida taʼ l-Iskrittura Mqaddsa peress li hi eżatta u faċli biex taqraha. Ara l-artiklu “Hija t-Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida eżatta?”
f Dawn il-kitbiet kollha jissejħu l-Apokrifa. Skont l-Encyclopædia Britannica, “fil-letteratura biblika, [din il-frażi tirreferi għal] xogħlijiet li mhumiex parti mill-iskrittura,” jiġifieri mhumiex parti mil-lista awtentika tal-kotba tal-Bibbja.
g Biex titgħallem iktar, ara l-artiklu “Evanġelji Apokrifi—Fihom Veritajiet Moħbijin Dwar Ġesù?”