L-ewtanasja—Il-Bibbja x’tgħid dwarha?
It-tweġiba tal-Bibbja
Il-Bibbja ma titkellimx speċifikament fuq l-ewtanasja. a Madankollu, dak li tgħid dwar il-ħajja u l-mewt jagħtina ħarsa bilanċjata. Li wieħed jikkaġuna l-mewt taʼ xi ħadd mhuwiex aċċettabbli. Imma wieħed m’għandux għalfejn jipprova jagħmel minn kollox biex itawwal ħajtu waqt li jkun qed imut.
Il-Bibbja tidentifika lil Alla bħala l-wieħed li ħalaqna, “is-sors tal-ħajja.” (Salm 36:9; Atti 17:28) Il-ħajja hi prezzjuża ħafna f’għajnejn Alla. Għalhekk, Alla jikkundanna kemm li wieħed joqtol lil xi ħadd u kemm li wieħed ineħħi ħajtu b’idejh. (Eżodu 20:13; 1 Ġwanni 3:15) Barra minn hekk, il-Bibbja turi li rridu nieħdu passi raġunevoli biex nipproteġu l-ħajja tagħna u dik t’oħrajn. (Dewteronomju 22:8) Biċ-ċar, Alla jrid li nqisu l-ħajja taʼ valur.
Xi ngħidu jekk persuna jkollha marda terminali, jiġifieri marda li ġġib il-mewt?
Il-Bibbja ma taqbilx maʼ li titneħħa l-ħajja taʼ xi ħadd, anki jekk il-persuna tkun waslet biex tiffaċċja mewta li ma tistax tiġi evitata. L-eżempju tas-Sultan Sawl t’Iżrael jappoġġah dan. Meta hu weġġaʼ b’mod gravi fi gwerra, talab lill-assistent tiegħu biex jgħinu jneħħi ħajtu. (1 Samwel 31:3, 4) L-assistent taʼ Sawl m’aċċettax. Madankollu, iktar tard, raġel ieħor b’mod falz qal li għamel dak li talab Sawl. David, raġel li kellu l-ħarsa t’Alla fuq dil-kwistjoni, ikkundanna lil dan ir-raġel bħala ħati taʼ qtil.—2 Samwel 1:6-16.
Il-ħajja għandha tiġi mtawla akkost taʼ kollox?
Meta wieħed ikun wasal biex imut, il-Bibbja ma tgħidx li għandu għalfejn itawwal il-proċess tal-mewt. Anzi, il-Bibbja tagħtina ħarsa bilanċjata. Il-mewt hi l-għadu l-kbir tagħna, din tiġi fuqna minħabba li aħna midinbin. (Rumani 5:12; 1 Korintin 15:26) Għalkemm il-mewt mhix xi ħaġa li nħarsu ’l quddiem għaliha, m’għandniex għalfejn nibżgħu minnha, għax Alla jwiegħed li se jirxoxta lil dawk li jmutu. (Ġwanni 6:39, 40) Persuna li tapprezza l-ħajja se tfittex l-aħjar għajnuna medika. Imma waqt li tagħmel dan, m’għandhiex għalfejn tagħżel xi trattamenti mediċi sempliċiment biex ittawwal il-proċess taʼ mewt li jkun wasal lejn tmiemu.
Huwa s-suwiċidju dnub li ma jinħafirx?
Le, il-Bibbja ma ssemmix is-suwiċidju bħala dnub li ma jinħafirx. Għalkemm li wieħed ineħħi ħajtu b’idejh hu dnub serju, b Alla jifhem għalkollox affarijiet li jistgħu jwasslu persuna biex tkun trid tagħmel suwiċidju, bħal mard mentali, stress qawwi, jew karatteristiki li wieħed jistaʼ jitwieled bihom. (Salm 103:13, 14) Permezz tal-Bibbja, Alla jipprovdi faraġ għal dawk imnikktin. Barra minn hekk, il-Bibbja tgħid li se jkun hemm “irxoxt kemm tan-nies sewwa u kemm taʼ dawk li m’humiex sewwa.” (Atti 24:15) Dan juri li hemm tama taʼ rxoxt għan-nies li għamlu żbalji serji, bħas-suwiċidju.
a L-ewtanasja tiġi spjegata bħala “qtil taʼ xi ħadd li hu marid jew imweġġaʼ ħafna biex ma jibqax ibati.” (Merriam-Webster Learner’s Dictionary) Meta tabib jgħin pazjent biex itemm ħajtu, dan jissejjaħ suwiċidju assistit minn tabib.
b Il-ftit każi taʼ suwiċidju li jissemmew fil-Bibbja, kollha jinvolvu persuni li m’aġixxewx fi qbil maʼ dak li ried Alla.—2 Samwel 17:23; 1 Slaten 16:18; Mattew 27:3-5.