Mur fil-kontenut

Ġesù għala miet?

Ġesù għala miet?

It-tweġiba tal-Bibbja

 Ġesù miet ħalli jkun possibbli li jinħafru d-dnubiet tal-bnedmin u jirċievu l-ħajja taʼ dejjem. (Rumani 6:23; Efesin 1:7) Il-mewt taʼ Ġesù tat prova wkoll li bniedem jistaʼ jibqaʼ leali lejn Alla anki meta jiffaċċja l-iktar provi ħorox.—Ebrej 4:15.

 Ikkunsidra kif il-mewt taʼ bniedem wieħed tistaʼ twettaq tant affarijiet.

  1.   Ġesù miet għall-“maħfra taʼ dnubietna.”—Kolossin 1:14.

     Adam, l-ewwel bniedem, kien maħluq perfett, jiġifieri bla dnub. Però, hu għażel li ma jobdix ’l Alla. Id-diżubbidjenza, jew id-dnub, t’Adam effettwat bil-kbir lil dawk kollha li twieldu warajh. Il-Bibbja tispjega li minħabba “d-diżubbidjenza taʼ bniedem wieħed ħafna saru midinbin.”—Rumani 5:19.

     Ġesù kien perfett ukoll, imma qatt ma għamel dnub. Għaldaqstant, hu setaʼ jkun “offerta taʼ tpattija” għal dnubietna. (Rumani 3:25, nota taʼ taħt; 1 Ġwanni 2:2) Bħalma d-diżubbidjenza t’Adam ħammġet il-familja umana bid-dnub, hekk ukoll il-mewt taʼ Ġesù tneħħi t-tebgħa tad-dnub minn dawk kollha li juru fidi fih.

     Minħabba li Adam dineb, in-nies saru skjavi tad-dnub. Peress li Ġesù kien lest li jmut għalina, hu bħallikieku reġaʼ xtara lura l-bnedmin, u b’hekk ħelishom mid-dnub. Grazzi għal dak li għamel, “jekk xi ħadd jidneb, għandna ajjutant mal-Missier, lil Ġesù Kristu, li hu ġust.”—1 Ġwanni 2:1.

  2.   Ġesù miet “biex kulmin jeżerċita l-fidi fih ma jinqeridx imma jkollu l-ħajja taʼ dejjem.”—Ġwanni 3:16.

     Adam ġie maħluq biex jgħix għal dejjem, imma minħabba li dineb, ġie kkundannat għall-mewt. Permezz t’Adam, “id-dnub daħal fid-dinja, u permezz tad-dnub il-mewt, u b’hekk il-mewt infirxet fuq il-bnedmin kollha għax kollha dinbu.”—Rumani 5:12.

     Mill-banda l-oħra, il-mewt taʼ Ġesù ma neħħietx biss it-tebgħa tad-dnub, imma għamlitha possibbli wkoll biex dawk kollha li juru fidi fih ikollhom il-ħajja taʼ dejjem. Fi ftit kliem, il-Bibbja tispjegaha b’dan il-mod: “Bħalma d-dnub saltan mal-mewt, hekk ukoll il-qalb tajba mhix mistħoqqa ssaltan bil-ġustizzja għall-ħajja taʼ dejjem permezz taʼ Ġesù Kristu, il-Mulej tagħna.”—Rumani 5:21.

     Ovvjament, in-nies illum għadhom qed jgħixu ħajja qasira. Madankollu, Alla wiegħed li se jagħti lin-nies ġusti l-ħajja taʼ dejjem u li se jirxoxta l-mejtin ħalli anki huma jibbenefikaw mis-sagrifiċċju tal-mewt taʼ Ġesù.—Salm 37:29; 1 Korintin 15:22.

  3.   Ġesù “sar ubbidjenti sal-mewt,” u b’hekk wera li l-bniedem jistaʼ jkun leali lejn Alla minkejja kwalunkwe prova li jistaʼ jiffaċċja.—Filippin 2:8.

     Minkejja li Adam kellu moħħ u ġisem perfett, hu m’obdiex ’l Alla għax kien egoist u xtaq xi ħaġa li ma kinitx tiegħu. (Ġenesi 2:16, 17; 3:6) Iktar tard, l-għadu prinċipali t’Alla, jiġifieri Satana, qal li ebda bniedem ma kien se jobdi lil Alla kieku mhux għal raġunijiet egoisti, speċjalment jekk hemm ħajtu fin-nofs. (Ġob 2:4) Madankollu, ir-raġel perfett Ġesù obda ’l Alla u baqaʼ leali lejh sal-punt li miet mewta umiljanti u taʼ wġigħ. (Ebrej 7:26) Dan solva l-kwistjoni għalkollox għax juri li jkun xi jkun l-inkwiet li bniedem ikollu jgħaddi minnu, hu jistaʼ jibqaʼ leali lejn Alla.

Mistoqsijiet dwar il-mewt ta’ Ġesù

  •   Ġesù għala kellu jsofri u jmut biex isalva lill-bnedmin? Alla għala ma qabadx u neħħa l-mewt?

     Il-liġi t’Alla tgħid li “l-ħlas tad-dnub hu l-mewt.” (Rumani 6:23, Il-Bibbja, Għaqda Biblika Maltija) Minflok ma ħeba din il-liġi minn Adam, Alla qallu li l-konsegwenza tad-diżubbidjenza kienet se tkun il-mewt. (Ġenesi 3:3) Meta Adam dineb, Alla, “li ma jistax jigdeb,” żamm kelmtu. (Titu 1:2) Dawk kollha li jiġu minn Adam ma wirtux id-dnub biss, imma wirtu wkoll il-ħlas tad-dnub—il-mewt.

     Għalkemm il-bnedmin huma midinbin u jistħoqqilhom il-mewt, Alla wriehom “il-qalb tajba mhix mistħoqqa tiegħu.” (Efesin 1:7) L-arranġament tiegħu biex il-bnedmin jiġu salvati—billi bagħat lil Ġesù bħala sagrifiċċju perfett—kien ġust, tajjeb, u mimli ħniena.

  •   Ġesù meta miet?

     Ġesù miet fid-“disaʼ siegħa” minn tlugħ ix-xemx, jiġifieri madwar it-tlieta taʼ waranofsinhar tal-Qbiż tal-Lhud. (Marku 15:33-37; nota taʼ taħt) Skont il-kalendarji moderni, din id-data taqbel mal-Ġimgħa, l-1 t’April 33 wara Kristu (WK).

  •   Ġesù fejn miet?

     Ġesù ġie maqtul fil-“post imsejjaħ Post il-Qorriegħa, li bl-Ebrajk jgħidulu Golgota.” (Ġwanni 19:17, 18) Fi żmien Ġesù, dan il-post kien jiġi “’l barra minn bieb il-belt” taʼ Ġerusalemm. (Ebrej 13:12) Jistaʼ jkun li kien fuq xi għolja, ladarba l-Bibbja tgħid li xi wħud raw il-qtil taʼ Ġesù “mill-bogħod.” (Marku 15:40) Però, illum ma nafux bl-eżatt fejn kien jinsab il-post taʼ Golgota.

  •   Ġesù kif miet?

     Għalkemm ħafna jemmnu li Ġesù ġie msallab—maqtul fuq salib—il-Bibbja tgħid: “Alla taʼ missirijietna qajjem lil Ġesù li intom qtiltuh billi dendiltuh ma’ għuda.” (Atti 5:30, Il-Bibbja, Għaqda Biblika Maltija) Il-kittieba tal-Bibbja użaw żewġ kelmiet bil-Grieg biex jirreferu għal fuq xiex miet Ġesù—stawros u ksilon. Ħafna studjużi kkonkludew li dan il-kliem jirreferi għal travu jew zokk wieħed wieqaf magħmul mill-injam.

  •   Il-mewt taʼ Ġesù kif għandha tiġi mfakkra?

     Matul il-lejl tal-Qbiż tal-Lhud li jsir kull sena, Ġesù beda proċedura sempliċi mas-segwaċi tiegħu u kmandahom: “Ibqgħu agħmlu dan b’tifkira tiegħi.” (1 Korintin 11:24) Ġesù ġie maqtul ftit sigħat wara.

     Il-kittieba tal-Bibbja qabblu lil Ġesù mal-ħaruf issagrifikat fil-Qbiż. (1 Korintin 5:7) Bħalma ċ-ċelebrazzjoni tal-Qbiż kienet tfakkar lill-Iżraelin li huma kienu ġew meħlusin milli jkunu skjavi, anki t-Tifkira tal-mewt taʼ Ġesù tfakkar lill-Kristjani li ġew meħlusin mid-dnub u l-mewt. Il-Qbiż kienet festa li ssir kull sena fl-14 taʼ Nisan skont il-kalendarju qamri. Bl-istess mod, il-Kristjani tal-bidu bdew jagħmlu t-Tifkira darba fis-sena.

     Kull sena, fid-data li taqbel mal-14 taʼ Nisan, miljuni taʼ nies madwar id-dinja jfakkru l-mewt taʼ Ġesù.