Mur fil-kontenut

Għala hawn daqstant għaqdiet Kristjani?

Għala hawn daqstant għaqdiet Kristjani?

It-​tweġiba tal-​Bibbja

 In-​nies użaw it-​tagħlim taʼ Ġesù Kristu biex jifformaw diversi għaqdiet “Kristjani.” Madankollu, il-​Bibbja tindika li hemm Kristjanità waħda biss li hi vera. Ikkunsidra tliet raġunijiet għala wasalna għal din il-​konklużjoni.

  1.   Ġesù qal li hu għallem “il-​verità,” u l-​Kristjani tal-​bidu kienu jirreferu għar-​reliġjon tagħhom bħala “l-​verità.” (Ġwanni 8:32; 2 Pietru 2:2; 2 Ġwanni 4; 3 Ġwanni 3) Dawn l-​espressjonijiet juru li dawk li jgħallmu affarijiet li jmorru kontra t-​tagħlim taʼ Ġesù mhumiex qed jipprattikaw il-​Kristjanità vera.

  2.   Il-​Bibbja tgħallem li l-​Kristjani għandhom ‘ilkoll jitkellmu fi qbil.’ (1 Korintin 1:10) Però, ħafna għaqdiet Kristjani lanqas biss jaqblu fuq it-​tagħlim bażiku bħal xi jfisser li tkun Kristjan. Ma jistax ikun li dawn l-​għaqdiet kollha huma tajbin.—1 Pietru 2:21.

  3.   Ġesù pprofetizza li kien se jkun hemm ħafna nies li jsostnu li huma Kristjani imma li ma jobdux il-​kmandi tiegħu. Lil dawn hu kien se jiċħadhom. (Mattew 7:21-​23; Luqa 6:46) Xi nies kienu se jiġu mqarrqin minn mexxejja reliġjużi li jgħawġu l-​qima vera biex imexxu ’l quddiem l-​interessi tagħhom stess. (Mattew 7:15) Però, hemm nies oħrajn li jippreferu l-​hekk imsejħa Kristjanità li tgħidilhom dak li jridu jisimgħu minflok il-​verità mill-​Bibbja.—2 Timotju 4:3, 4.

 Fit-​tixbiha tiegħu tal-​qamħ u s-​sikrana, Ġesù bassar li kien se jkun hemm ribelljoni (apostasija) kbira kontra l-​Kristjanità vera. (Mattew 13:24-​30, 36-​43) Għal ħafna żmien, il-​Kristjani veri u l-​Kristjani foloz ma kinux se jintgħarfu. Bħalma kien bassar Ġesù, l-​apostasija nfirxet ħafna wara li mietu l-​appostli. (Atti 20:29, 30) Filwaqt li t-​tagħlim tal-​apostati jistaʼ jkun xi ftit differenti, id-​diversi għaqdiet hekk imsejħin Kristjani lkoll “tbiegħdu mill-​verità.”—2 Timotju 2:18.

 Ġesù bassar ukoll li d-​differenza bejn il-​Kristjani veri u l-​Kristjani foloz eventwalment kienet se tidher b’mod ċar. Dan ġara fi żmienna, matul “il-​konklużjoni taʼ sistema.”—Mattew 13:30, 39.