Ir-reliġjonijiet huma kollha l-istess? Kollha jwasslu għand Alla?
It-tweġiba tal-Bibbja
Le, ir-reliġjonijiet mhumiex kollha l-istess. Il-Bibbja fiha ħafna eżempji taʼ reliġjonijiet li ma jogħġbux lil Alla. Dawn jaqgħu f’żewġ kategoriji.
L-1 kategorija: Il-qima t’allat foloz
Il-Bibbja tiddeskrivi l-qima t’allat foloz bħala “frugħa,” u “t’ebda ġid.” (Ġeremija 10:3-5; 16:19, 20) Alla Ġeħova a kkmanda lill-ġens taʼ Iżrael tal-qedem: “Ma jkollokx allat oħrajn għajri.” (Eżodu 20:3, 23; 23:24) Meta l-Iżraelin qiemu allat oħrajn, ‘ir-rabja taʼ Ġeħova xegħlet kontrihom.’—Numri 25:3; Levitiku 20:2; Imħallfin 2:13, 14.
Alla għad għandu l-istess ħarsa lejn il-qima tal-hekk “imsejħin ‘allat.’” (1 Korintin 8:5, 6; Galatin 4:8) Hu jikkmanda lil dawk li jridu jqimuh biex ma jibqgħux jagħmluha maʼ dawk li jipprattikaw ir-reliġjon falza. Hu jgħid: “Oħorġu minn ġo nofshom, u nfirdu minn magħhom.” (2 Korintin 6:14-17) Jekk ir-reliġjonijiet huma kollha l-istess u jwasslu lin-nies għand Alla, allura Alla għala jagħti dan il-kmand?
It-2 kategorija: Il-qima tal-Alla l-veru b’mod li hu ma japprovax
Kultant, l-Iżraelin qiemu l-Alla billi użaw twemmin u prattiki li kienu ħadu mill-qima tal-allat foloz, imma Ġeħova m’aċċettax l-attentat li sar biex iħalltu r-reliġjon vera maʼ dik falza. (Eżodu 32:8; Dewteronomju 12:2-4) Ġesù kkundanna l-mexxejja reliġjużi taʼ żmienu minħabba l-mod kif kienu jqimu lil Alla; huma kienu jagħtu l-impressjoni li kienu reliġjużi, imma b’ipokrisija ‘injoraw l-affarijiet li kienu iktar importanti fil-Liġi, jiġifieri, il-ġustizzja u l-ħniena u l-fedeltà.’—Mattew 23:23.
Bl-istess mod illum, l-unika reliġjon li twassal lin-nies għand Alla hi dik li hi bbażata fuq il-verità. Din il-verità tinsab fil-Bibbja. (Ġwanni 4:24; 17:17; 2 Timotju 3:16, 17) Ir-reliġjonijiet li t-tagħlim tagħhom mhuwiex fi qbil mal-Bibbja fir-realtà jbiegħdu lin-nies minn Alla. Ħafna tagħlim li n-nies jaħsbu li ġej mill-Bibbja—bħat-Trinità, ir-ruħ immortali, u t-turment etern—ġej mill-qima tal-allat foloz. Il-qima li tippromwovi tagħlim bħal dan hi “għalxejn,” jew fiergħa, għax tbiddel dak li Alla jeħtieġ mat-tradizzjonijiet reliġjużi.—Marku 7:7, 8.
Alla jistmerr l-ipokrisija reliġjuża. (Titu 1:16) Biex reliġjon tgħin lin-nies jersqu eqreb lejn Alla, din għandha teffettwa l-ħajja tagħhom taʼ kuljum u mhux ikun fiha biss ritwali u ċerimonji. Pereżempju, il-Bibbja tgħid: “Jekk xi bniedem jaħseb li jqim lil Alla tajjeb [jew, li hu reliġjuż] u madankollu ma jrażżanx ilsienu, imma jkompli jqarraq b’qalbu stess, il-qima taʼ dan il-bniedem hi fiergħa. Il-qima [jew, ir-reliġjon] li hi nadifa u bla tinġis mill-ħarsa t’Alla tagħna u Missierna hi din: li tieħu ħsieb l-iltiema u r-romol fit-tribulazzjoni tagħhom, u li żżomm ruħek mingħajr tebgħa mid-dinja.” (Ġakbu 1:26, 27) Il-Bibbja taʼ Karm Żammit tuża l-espressjoni “reliġjon safja” għal din il-qima nadifa u mingħajr ipokrisija.
a Ġeħova hu l-isem tal-Alla l-veru kif jidher fil-Bibbja.