Mur fil-kontenut

Il-Bibbja ġiet mibdula?

Il-Bibbja ġiet mibdula?

 Le. Meta jiġu mqabblin il-manuskritti antiki flimkien, naraw li l-Bibbja bażikament mhix mibdula allavolja ġiet ikkupjata għal eluf taʼ snin għal darba wara l-oħra fuq materjal li jitmermer.

Ifisser dan li qatt ma saru żbalji waqt li ġiet ikkupjata?

 Instabu eluf taʼ manuskritti tal-Bibbja antiki. Xi ftit minnhom fihom ċerti differenzi, u dan juri li saru xi żbalji waqt li ġiet ikkupjata. Ħafna minn dawn id-differenzi huma żgħar u ma jibdlux it-tifsir tal-kitba. Minkejja dan, instabu xi differenzi taʼ iktar importanza, u wħud minnhom jidhru li saru apposta ħafna snin ilu biex ibiddlu l-messaġġ tal-Bibbja. Ikkunsidra dawn iż-żewġ eżempji:

  1.   Fl-1 Ġwanni 5:7, xi tradizzjonijiet tal-Bibbja antiki fihom dan il-kliem: “fis-smewwiet: il-Missier, il-Kelma u l-Ispirtu s-Santu: u dawn it-tlieta huma wieħed.” Minkejja dan, manuskritti taʼ min joqgħod fuqhom jikkonfermaw li dan il-kliem ma kienx fil-kitba oriġinali. Imma ġie miżjud wara. a Huwa għalhekk li traduzzjonijiet moderni tal-Bibbja taʼ min joqgħod fuqhom ma inkludewx dan il-kliem.

  2.   L-isem personali t’Alla jidher eluf taʼ drabi f’manuskritti antiki tal-Bibbja. Madankollu, ħafna traduzzjonijiet tal-Bibbja neħħew dan l-isem u minflok poġġew titli bħal “Mulej” u “Alla.”

Kif nistgħu nkunu ċerti li m’hemmx ħafna iktar żbalji li għad iridu jinstabu?

 Illum il-ġurnata, tant instabu manuskritti li hu eħfef minn qatt qabel biex inkunu nafu fejn saru l-iżbalji. b Meta jiġu mqabblin dawn il-manuskritti flimkien, xi nsiru nafu dwar l-eżattezza tal-Bibbja llum?

  •   Meta l-istudjuż William H. Green ikkummenta fuq il-kuntest tal-Iskrittura Ebrajka (ġeneralment imsejħa t-“Testment il-Qadim”), hu qal: “Nistgħu ngħidu li l-ebda xogħol ieħor tal-qedem ma ġie mwassal b’tant eżattezza.”

  •   Rigward l-Iskrittura Griega Kristjana, jew it-“Testment il-Ġdid,” l-istudjuż tal-Bibbja F. F. Bruce kiteb hekk: “Hemm ħafna iktar evidenza għall-kitbiet tat-Testment il-Ġdid milli hemm għal ħafna mill-kitbiet t’awturi klassiċi tal-antik, però ħadd qatt ma jiddubita l-eżattezza taʼ dawn il-kitbiet klassiċi.”

  •   Is-Sur Frederic Kenyon, espert magħruf tal-manuskritti tal-Bibbja, qal li wieħed “jistaʼ jaqbad il-Bibbja sħiħa f’idu u jgħid bla tlaqliq li qed iżomm il-Kelma vera t’Alla, li għaddiet minn ġenerazzjoni għal oħra għal sekli sħaħ mingħajr ma tilfet l-informazzjoni importanti li fiha.”

X’raġunijiet oħra hemm biex inkunu ċerti li l-Bibbja waslet għandna b’eżattezza?

  •   Il-Lhud u l-Kristjani li kkupjaw il-Bibbja ma bidlu xejn mir-rakkonti li jikxfu żbalji serji li saru min-nies t’Alla. c (Numri 20:12; 2 Samwel 11:2-4; Galatin 2:11-14) Bl-istess mod, ma neħħewx versi li jikkundannaw id-diżubbidjenza tal-poplu Lhudi u li jikxfu twemmin li ġie vvintat min-nies. (Ħosea 4:2; Malakija 2:8, 9; Mattew 23:8, 9; 1 Ġwanni 5:21) Billi kkupjaw dawn ir-rakkonti b’eżattezza, huma wrew li għandhom rispett kbir lejn il-Kelma sagra t’Alla u li huma taʼ min jafdahom.

  •   Allura, ladarba Alla hu l-wieħed li nebbaħ il-Bibbja, ma taħsibx li hu raġonevoli li se jżomm l-eżattezza tagħha wkoll? d (Isaija 40:8; 1 Pietru 1:24, 25) Wara kollox, hu ried li din tkun taʼ benefiċċju mhux biss għan-nies taʼ żmien twil ilu, imma anki għalina llum. (1 Korintin 10:11) Fil-fatt, “kulma nkiteb minn qabel inkiteb għall-istruzzjoni tagħna, biex permezz tas-sabar tagħna u permezz tal-faraġ mill-Iskrittura jkollna t-tama.”—Rumani 15:4.

  •   Meta Ġesù u s-segwaċi tiegħu kkwotaw minn kopji tal-Iskrittura Ebrajka, ma qagħdux jinkwetaw dwar l-eżattezza taʼ dawn il-manuskritti antiki.—Luqa 4:16-21; Atti 17:1-3.

a Dan il-kliem ma jinstabx fil-Manuskritt Sinajtiku, il-Manuskritt Alessandrin, il-Manuskritt tal-Vatikan 1209, il-Vulgata Latina oriġinali, il-Verżjoni Sirjaka taʼ Philoxenian-Harclean, jew il-Pexitta Sirjaka.

b Pereżempju, instabu iktar minn 5,000 manuskritt Grieg taʼ dak li hu magħruf bħala t-Testment il-Ġdid, jew l-Iskrittura Griega Kristjana.

c Il-Bibbja ma tgħattix l-iżbalji tan-nies li Alla għażel li juża, imma turi li anki dawn ġieli żbaljaw. Il-Bibbja b’mod realistiku tgħid: “M’hemm ebda bniedem li ma jidnibx.”—1 Slaten 8:46.

d Il-Bibbja tgħid li għalkemm Alla ma qalx kelma b’kelma dak kollu li hemm miktub fil-Bibbja, hu ggwida l-ħsibijiet tan-nies li kitbuha.—2 Timotju 3:16, 17; 2 Pietru 1:21.